LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 9/15 pp. 21-23
  • Imtieħen li Jipprovdulna l-Ħobża taʼ Kuljum

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Imtieħen li Jipprovdulna l-Ħobża taʼ Kuljum
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Għala Hemm Bżonnhom?
  • Imtieħen Imħaddmin bis-​Saħħa tal-​Bniedem
  • Imtieħen li Jaħdmu bid-​Dawrien Iħaffu x-​Xogħol
  • Imtieħen taʼ l-​Ilma u r-​Riħ
  • “Ħobżna taʼ Kuljum”
  • Kont taf?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Doqtu l-ħobż tal-ħajja?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 9/15 pp. 21-23

Imtieħen li Jipprovdulna l-​Ħobża taʼ Kuljum

IL-​ĦOBŻ issejjaħ “l-​ikel ewlieni,” “il-​bażi tad-​dieta tal-​bniedem u dak li ilu jsostnih minn żmien żemżem.” Iva, il-​ħobż ilu ikel prinċipali minn żmien il-​qedem. Fil-​fatt, wieħed mill-​akbar bżonnijiet tal-​bniedem minn dejjem kien li jikseb il-​ħobża taʼ kuljum tiegħu.

L-ingredjent bażiku tal-​ħobż huwa d-​dqiq, li jiġi mit-​tħin taċ-​ċereali. Għalhekk, it-​tħin huwa sengħa antika. Min jaf kemm kienet biċċa xogħol diffiċli biex tibdel il-​qamħ fi dqiq mingħajr il-​kumdità tal-​magni! Fi żminijiet Bibliċi, il-​ħoss tal-​mitħna taʼ l-​idejn kien marbut maʼ kundizzjonijiet normali u paċifiċi, u l-​fatt li ma kienx jinstemaʼ l-​ħoss tagħha kien ifisser ħerba.—Ġeremija 25:10, 11.

It-tħin x’involva matul iż-​żmien? X’inhuma xi metodi u apparat li ntuża għat-​tħin? U liema tip taʼ mtieħen jipprovdulek l-​ikel illum?

Għala Hemm Bżonnhom?

Jehovah qal lill-​ewwel żewġ bnedmin, Adam u Eva: “Araw, jien tajtkom il-​ħaxix kollu, li jagħmel iż-​żerriegħa fuq wiċċ l-​art, u s-​siġar kollha li jagħmlu l-​frott biż-​żerriegħa: dawn kollha jkunu għall-​għajxien tagħkom.” (Ġenesi 1:29) Fost l-​ikel li Alla Jehovah ta lill-​bniedem kien hemm iż-​żerriegħa mill-​ħaxix twil taċ-​ċereali. Dan is-​sors taʼ ikel kien essenzjali għall-​eżistenza tal-​bniedem, peress li ċ-​ċereali kollha—inkluż il-​qamħ, ix-​xgħir, is-​segala, il-​ħafur, ir-​ross, il-​millieġ, is-​sorgu, u l-​qamħirrum—fihom karboidrati bil-​lamtu li l-​ġisem kapaċi jbiddilhom fis-​sors t’enerġija prinċipali tiegħu—il-​glukosju.

Iżda l-​bniedem m’huwiex magħmul biex jiekol iċ-​ċereali sħaħ u nejjin. Għall-​bniedem, huwa iktar faċli li jikolhom meta jsiru dqiq u mbagħad jissajru. L-​iktar modi sempliċi biex tbiddel ftit qamħ fi dqiq huma li tisħqu b’mehrież, tfarrku bejn żewġ ġebliet, jew inkella tuża ż-​żewġ metodi flimkien.

Imtieħen Imħaddmin bis-​Saħħa tal-​Bniedem

Xi statwetti mill-​oqbra Eġizzjani tal-​qedem juru li kienet tintuża ċerta mitħna primittiva li kienet titħaddem bl-​idejn. Din kienet tixbah lil sarġ li jitpoġġa fuq dahar iż-​żiemel. Din il-​mitħna kienet magħmula minn żewġ ħaġriet—ħaġra taʼ taħt bil-​wiċċ kemm kemm imħaffer fit-​tond u mżerżaq, u ħaġra iżgħar fin-​naħa taʼ fuq. Il-​ħaddiema—ġeneralment nisa—kienu jinżlu għarkopptejhom wara l-​mitħna u jaqbdu l-​ħaġra taʼ fuq b’idejhom it-​tnejn. Imbagħad kienu jagħmlu s-​saħħa bit-​toqol taʼ ġisimhom u jmexxu l-​ħaġra taʼ fuq ’il quddiem u lura fuq il-​ħaġra taʼ taħt. B’hekk il-​qamħ kien jitfarrak bejn iż-​żewġ ħaġriet. Dan kien apparat sempliċi imma tassew effettiv!

Madankollu, peress li persuna kienet tqattaʼ dawk is-​sigħat kollha għarkopptejha kienet tagħmel ħsara lil saħħitha. Il-​fatt li kienet timbotta l-​ħaġra taʼ fuq sat-​tarf tal-​mitħna u mbagħad tiġbidha lura kien kollu strapazz għal daharha, dirgħajha, koxxtejha, irkopptejha, u subgħajha taʼ saqajha. Meta saru xi studji fuq xi mankamenti li nstabu fl-​għadam taʼ l-​iskeletri mis-​Sirja tal-​qedem, il-​paleontoloġi kkonkludew li meta nisa żgħażagħ kienu jużaw imtieħen bħal dawn, huma kienu jagħmlu pressjoni darba wara l-​oħra fuq l-​istess postijiet. Fil-​fatt kienu jispiċċaw iħaffru l-​galletta taʼ l-​irkoppa, jagħmlu ħsara lill-​aħħar rukkell tas-​sinsla tad-​dahar, u jkollhom artrite qawwija fis-​sabaʼ l-​kbir tas-​saqajn. Fl-​Eġittu tal-​qedem, milli jidher il-​mitħna taʼ l-​idejn kienet titħaddem mill-​qaddejja nisa. (Eżodu 11:5)a Xi studjużi jemmnu li meta l-​Iżraelin telqu mill-​Eġittu, huma ħadu magħhom dan it-​tip taʼ mitħna.

Iktar tard l-​imtieħen ġew irfinuti permezz taʼ xi xquq fuq iż-​żewġ ħaġriet biex dawn jitħnu aħjar. Meta mbagħad il-​ħaġra taʼ fuq saritilha fetħa forma taʼ lembut, il-​ħaddiem setaʼ jimlieha bil-​qamħ u dan kien jinżel waħdu bejn il-​ħaġriet. Fir-​rabaʼ jew il-​ħames seklu Q.E.K., fil-​Greċja ġiet ivvintata magna sempliċi għat-​tħin. Manku mimdud kien imqabbad maʼ naħa waħda tal-​ħaġra taʼ fuq. Meta dan il-​manku kien jitmexxa lura u ’l quddiem f’għamla taʼ nofs ċirku, il-​ħaġra taʼ fuq kienet tħokk mal-​ħaġra taʼ taħt u titħan il-​qamħ li kien jinżel minn delu imqabbad mal-​ħaġra taʼ fuq. Id-​delu kien xorta taʼ lembut li jniżżel il-​qamħ billi jaqbeż.

L-imtieħen kollha li semmejna s’issa kellhom limitazzjoni serja. Kienu jiddependu minn moviment ’il quddiem u lura li l-​ebda annimal ma setaʼ jiġi mħarreġ jagħmlu. Għaldaqstant, dawn l-​imtieħen kienu jiddependu bilfors mis-​saħħa tal-​bniedem. Imbagħad ħarġet teknoloġija ġdida—mitħna li taħdem bid-​dawrien. Issa setgħu jintużaw l-​annimali.

Imtieħen li Jaħdmu bid-​Dawrien Iħaffu x-​Xogħol

X’aktarx li l-​mitħna tal-​qamħ li ddur ġiet ivvintata fil-​pajjiżi madwar il-​Mediterran f’xi t-​tieni seklu Q.E.K. Sa l-​ewwel seklu E.K., il-​Lhud fil-​Palestina kienu midħla taʼ dan it-​tip taʼ mitħna, għax Ġesù tkellem dwar “ġebla tat-​tħin minn dawk li jdawwru l-​ħmir.”—Mark 9:42.

Il-mitħna mħaddma mill-​annimali kienet tintuża f’Ruma u f’ħafna postijiet fl-​Imperu Ruman. Ħafna mtieħen bħal dawn għadhom jeżistu f’Pompej. Dawn jikkonsistu f’ċilindru wieqaf u dejjaq fin-​nofs li jaġixxi bħala delu u ħaġra taʼ fuq, u ħaġra taʼ taħt qisha lembut bil-​maqlub li kienet tidħol eżatt taħt il-​ħaġra taʼ fuq. Hekk kif il-​ħaġra taʼ fuq kienet iddur fuq il-​ħaġra taʼ taħt, iż-​żrieragħ tal-​qamħ kienu jinżlu bejn iż-​żewġ ħaġriet u jintaħnu. Għadhom jeżistu ħaġriet taʼ fuq bħal dawn li d-​daqs tad-​dijametru tagħhom ivarja minn madwar 45 sa 90 ċentimetru. Dawn l-​imtieħen kienu għoljin sa 1.8 metru.

Jekk kinux l-​imtieħen li jduru bl-​idejn li żviluppaw mill-​imtieħen taʼ l-​annimali jew bil-​kontra m’huwiex ċar. Madankollu, il-​mitħna li ddur bl-​idejn kellha l-​vantaġġ li setgħet tinġarr u tintuża faċilment. Kien fiha żewġ ħaġriet tondi forsi b’dijametru taʼ minn 30 sa 40 ċentimetru. Il-​wiċċ taʼ fuq tal-​ħaġra taʼ taħt kien daqsxejn imżaqqaq u n-​naħa taʼ taħt tal-​ħaġra taʼ fuq kien imħaffer b’tali mod li jidħol eżatt fil-​ħaġra taʼ taħt. Il-​ħaġra taʼ fuq kienet isserraħ fuq fus ċentrali u tiddawwar permezz taʼ manku taʼ l-​injam. Ġeneralment, żewġ nisa kienu joqogħdu bil-​qiegħda faċċata taʼ xulxin, u kull waħda minnhom tpoġġi id waħda fuq il-​manku biex iddawwar il-​ħaġra taʼ fuq. (Luqa 17:35) Bl-​id l-​oħra, waħda min-​nisa kienet titfaʼ l-​qamħ ftit ftit fit-​toqba tal-​ħaġra taʼ fuq, u l-​mara l-​oħra kienet tiġbor id-​dqiq hekk kif kien jinżel mix-​xifer tal-​mitħna għal ġo reċipjent jew ċarruta li tkun mifruxa taħt il-​mitħna. Din l-​għamla taʼ mitħna kienet tajba għall-​bżonnijiet tas-​suldati, il-​baħrin, jew familji żgħar li kienu jgħixu ’l bogħod minn postijiet fejn kien isir it-​tħin.

Imtieħen taʼ l-​Ilma u r-​Riħ

Madwar is-​sena 27 Q.E.K., l-​inġinier Ruman Vitruvju ddeskriva mitħna taʼ l-​ilma taʼ żmienu. L-​ilma ġieri kien jimbotta l-​pali taʼ rota wieqfa mwaħħla maʼ fus mimdud, u għalhekk ir-​rota kienet iddur. B’dan il-​moviment, rota bis-​snien kienet iċċaqlaq virga wieqfa. Din il-​virga wieqfa mbagħad kienet iċċaqlaq il-​ħaġra kbira taʼ fuq tal-​mitħna.

Il-mitħna taʼ l-​ilma kemm kienet tipproduċi dqiq meta tqabbilha maʼ mtieħen oħrajn? Huwa kalkulat li l-​imtieħen taʼ l-​idejn kienu jitħnu inqas minn 10 kilogrammi qamħ fis-​siegħa, u l-​iktar imtieħen effiċjenti taʼ l-​annimali kienu jitħnu sa 50 kilogramma. Mill-​banda l-​oħra, il-​mitħna taʼ l-​ilma taʼ Vitruvju setgħet titħan minn xi 150 sa 200 kilogramma qamħ fis-​siegħa. Għalkemm saru ħafna varjazzjonijiet u titjib, nies tas-​sengħa li jagħmlu l-​imtieħen baqgħu sekli sħaħ wara jużaw l-​istess prinċipju bażiku deskritt minn Vitruvju.

L-ilma ġieri ma kienx l-​uniku sors t’enerġija naturali li ntuża biex iħaddem l-​imtieħen. Jekk flok ir-​roti taʼ l-​ilma kien ikun hemm il-​qlugħ taʼ mitħna tar-​riħ, setaʼ jintlaħaq l-​istess skop. L-​imtieħen tar-​riħ bdew jintużaw fl-​Ewropa probabbilment fit-​12-il seklu E.K. u kienu jintużaw ħafna għat-​tħin fil-​Belġju, il-​Ġermanja, l-​Olanda, u bnadi oħra. Dawn baqgħu jintużaw sakemm bil-​mod il-​mod l-​imtieħen li jaħdmu bl-​istim u sorsi oħrajn t’enerġija ħadu post is-​sorsi l-​oħra kollha t’enerġija.

“Ħobżna taʼ Kuljum”

Minkejja l-​progress, ħafna mill-​metodi għat-​tħin li kienu jintużaw fil-​passat għadhom jintużaw f’xi parti jew oħra tad-​dinja. Il-​lida u l-​mehrież għadhom jintużaw f’xi partijiet taʼ l-​Afrika u l-​Oċeanja. Fil-​Messiku u fl-​Amerika Ċentrali għadhom jintużaw l-​imtieħen taʼ l-​idejn forma taʼ sarġ biex jintaħan il-​qamħirrum għat-​tortillas. U f’xi postijiet għadhom jintużaw diversi mtieħen taʼ l-​ilma u r-​riħ.

Madankollu, illum, il-​biċċa l-​kbira mid-​dqiq li jintuża għall-​ħobż fil-​pajjiżi żviluppati jsir permezz taʼ mtieħen bir-​rombli li jaħdmu biss bil-​magni u b’mod awtomatiku. Iż-​żrieragħ tal-​qamħ bil-​mod il-​mod isiru dqiq billi jintaħnu darba wara l-​oħra bejn diversi pari taʼ ċilindri taʼ l-​azzar bi xquq fuq l-​uċuħ tagħhom u li jduru b’veloċitajiet differenti. Permezz taʼ din is-​sistema jistgħu jintgħamlu diversi tipi taʼ dqiq bl-​irħis.

Illum il-​ġurnata m’għadikx trid tbati bħal qabel biex ikollok ftit dqiq għall-​ikel. Madankollu, nistgħu nkunu grati lejn il-​Ħallieq tagħna talli tana kemm il-​qamħ u kemm l-​intelliġenza biex nibdluh fil-​“ħobżna taʼ kuljum.”—Mattew 6:11.

[Nota taʼ taħt]

a Fi żminijiet Bibliċi, l-​għedewwa li kienu jinqabdu bħala lsiera, bħalma ġralhom Sansun u Iżraelin oħrajn, kienu jiġu mqabbdin jitħnu. (Mħallfin 16:21; Lamentazzjonijiet 5:13) In-​nisa ħielsa kienu jitħnu l-​qamħ għall-​familja tagħhom.—Ġob 31:10.

[Stampa f’paġna 23]

Mitħna taʼ l-​idejn Eġizzjana forma taʼ sarġ

[Sors]

Soprintendenza Archeologica per la Toscana, Firenze

[Stampa f’paġna 23]

F’mitħna mħaddma mill-​annimali kien jingħasar iż-​żebbuġ għaż-​żejt

[Sors tal-​Istampa f’paġna 22]

From the Self-Pronouncing Edition of the Holy Bible, containing the King James and the Revised versions

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja