Min Illum Qed Jagħti Glorja lil Alla?
“Jistħoqqlok, Mulej Alla tagħna, li tilqaʼ l-glorja u l-ġieħ u s-setgħa.”—APOKALISSI 4:11.
1, 2. (a) X’inhuma xi eżempji tal-qasam li jissejjaħ bijomimetika? (b) Liema mistoqsija tqum, u x’inhi t-tweġiba?
JUM wieħed fis-snin 40, l-inġinier Svizzeru George de Mestral ħareġ idawwar il-kelb tiegħu. Meta wasal id-dar, hu nnota li ħwejġu u l-pil tal-kelb kienu miksijin b’ħaxixa li kellha xewk żgħir. Mimli kurżità, hu eżamina din il-ħaxixa bil-mikroskopju, u baqaʼ meraviljat x’ħin ra li kellha bħal krieket żgħar li kienu jaqbdu maʼ kwalunkwe ħaġa li kienet forma taʼ ħolqa. Maż-żmien, hu vvinta xi ħaġa sintetika li tixbahha—il-Velkro. De Mestral ma kienx l-uniku wieħed li kkopja n-natura. Fl-Istati Uniti, l-aħwa Wright iddisinjaw ajruplan wara li studjaw kif itiru l-għasafar kbar. L-inġinier Franċiż Alexandre-Gustave Eiffel iddisinja t-torri f’Pariġi msemmi għalih, billi uża l-istess prinċipji bażiċi li permezz tagħhom l-għadma tal-koxxa tal-bniedem tiflaħ it-toqol tal-ġisem kollu.
2 Dawn huma eżempji ċari taʼ dik li tissejjaħ bijomimetika, il-qasam tax-xjenza li jipprova jimita l-mod kif inhuma disinjati xi affarijiet fin-natura.a Iżda tqum mistoqsija f’lokha: Dawk li jivvintaw dawn l-affarijiet kemm-il darba jagħtu l-kredtu lil Dak li ddisinja l-ħxejjex daqs naqra, l-għasafar il-kbar, l-għadma tal-koxxa tal-bniedem, u l-affarijiet meraviljużi l-oħra kollha li fuqhom huma bbażati ħafna mill-invenzjonijiet tal-bniedem? B’sogħba, ir-realtà hi li fid-dinja taʼ llum, Alla rari jingħata l-kredtu jew il-glorja li tistħoqqlu.
3, 4. Xi tfisser il-kelma Ebrajka tradotta “glorja,” u għalxiex għandha tirreferi meta tintuża għal Jehovah?
3 Xi wħud għandhom mnejn jistaqsu, ‘Għala huwa neċessarju li nagħtu glorja lil Alla? Alla mhux diġà glorjuż?’ Veru, Jehovah hu l-iktar Persunaġġ glorjuż fl-univers, imma dan ma jfissirx li hu glorjuż f’għajnejn il-bnedmin kollha. Fil-Bibbja, il-kelma Ebrajka tradotta “glorja” għandha s-sens bażiku taʼ “toqol.” Tirreferi għal kwalunkwe ħaġa li ġġiegħel lil dak li jkun jidher impressjonanti jew importanti f’għajnejn l-oħrajn. Meta tintuża għal Alla, din tirreferi għal dak li jġiegħel lil Alla jidher impressjonanti f’għajnejn il-bniedem.
4 Ftit illum jinnotaw dak li jagħmel lil Alla impressjonanti. (Salm 10:4; 14:1) Fil-fatt, in-nies spiss ġew influwenzati biex ma jurux rispett lejn il-Ħallieq glorjuż taʼ l-univers minn uħud prominenti fis-soċjetà, li fuq kollox għandhom mnejn lanqas biss ikunu jemmnu b’Alla. B’liema modi għamluh dan?
“Ma Għandhom Ebda Skuża”
5. Bosta xjenzati kif jipprovaw jispjegaw l-għeġubijiet tal-ħolqien?
5 Bosta xjenzati jgħidu li Alla ma jeżistix. Allura, dawn kif jispjegaw l-għeġubijiet tal-ħolqien, inkluż il-bniedem? Huma jgħidu li dawn il-meravilji ġew permezz taʼ l-evoluzzjoni, forza bla direzzjoni bbażata fuq il-kumbinazzjoni. Per eżempju, l-evoluzzjonista Stephen Jay Gould kiteb: “Ninsabu hawn għax xi grupp stramb taʼ ħut kellu ġwienaħ partikulari li setgħu jinbidlu f’saqajn addattati għal ħlejjaq li jgħixu fuq l-art . . . Forsi nixtiequ li għandna tweġiba ‘superjuri’—imma ma teżisti l-ebda waħda.” B’mod simili, Richard E. Leakey u Roger Lewin kitbu: “Jistaʼ jkun li l-ispeċi umana hija biss żball bijoloġiku terribbli.” Anki ċerti xjenzati li jfaħħru l-ġmiel u d-disinn fin-natura jonqsu li jagħtu l-kredtu lil Alla.
6. X’jiskuraġġixxi lil ħafna milli jagħtu lil Alla l-kredtu li jistħoqqlu bħala l-Ħallieq?
6 Meta nies taʼ skola kbira jiddikjaraw b’ċertezza li l-evoluzzjoni hija fatt, huma jimplikaw li l-injoranti biss jirrifjutaw li jemmnuha. Ħafna nies kif jirreaġixxu għal dikjarazzjoni bħal din? Xi snin ilu, raġel li kien intiż ħafna fl-evoluzzjoni intervista lil uħud li kienu aċċettaw din it-teorija. Hu qal: “Skoprejt li ħafna minn dawk li jemmnu bl-evoluzzjoni jemmnu biha għax intqalilhom li n-nies intelliġenti kollha jemmnuha.” Iva, meta individwi taʼ skola kbira jesprimu l-opinjonijiet ateistiċi tagħhom, oħrajn jiġu skuraġġiti milli jagħtu lil Alla l-kredtu li jistħoqqlu bħala l-Ħallieq.—Proverbji 14:15, 18.
7. Skond Rumani 1:20, x’jistaʼ jidher ċar permezz tal-ħolqien viżibbli, u għala?
7 Waslu x-xjenzati għal dawn il-konklużjonijiet għax il-fatti u l-evidenza jagħtu prova taʼ l-evoluzzjoni? Dażgur li le! Aħna mdawrin b’evidenza li jeżisti Ħallieq. Dwaru l-appostlu Pawlu kiteb: “Il-kobor tiegħu li ma jidhirx, jiġifieri s-setgħa tiegħu taʼ dejjem, u d-divinità tiegħu, huma setgħu jagħrfuh sa mill-ħolqien tad-dinja [tal-bnedmin], permezz tal-ħlejjaq, u għalhekk [dawk li ma jemmnux] ma għandhom ebda skuża.” (Rumani 1:20) L-evidenza li jeżisti Ħallieq tidher ċar mill-affarijiet li ħalaq. Pawlu b’hekk qed jgħid li mill-bidu taʼ l-eżistenza tagħhom, il-bnedmin setgħu ‘jagħrfu’ l-evidenza taʼ l-eżistenza t’Alla mill-ħolqien viżibbli. Fejn hi din l-evidenza?
8. (a) Is-smewwiet fiżiċi kif jixhdu għall-qawwa u l-għerf t’Alla? (b) Liema indikazzjoni hemm li l-univers kellu l-Ewwel Kawża?
8 Naraw evidenza t’Alla fis-smewwiet mimlijin kwiekeb. “Is-smewwiet ixandru l-glorja taʼ Alla,” jgħid Salm 19:2 (19:1, NW). “Is-smewwiet”—ix-xemx, il-qamar, u l-kwiekeb—jagħtu xiehda tal-qawwa u l-għerf t’Alla. In-numru bla għadd taʼ kwiekeb inissel fina sens taʼ biżaʼ u stagħġib kbir. U dawn l-oġġetti ċelestjali kollha li jiċċaqalqu fl-ispazju, ma jiċċaqalqux bl-amment, imma fi qbil maʼ liġijiet fiżiċi preċiżi.b (Isaija 40:26) Huwa raġunevoli li tgħid li din l-ordni ġiet b’kumbinazzjoni? Xi ħaġa sinifikanti hi li ħafna xjenzati jgħidu li l-univers beda jeżisti f’daqqa waħda. Biex jispjega dan xi jfisser, wieħed professur kiteb: “Għal xi ħadd ateu jew anjostiku hu ferm iktar faċli li jaċċetta li l-univers eżista minn dejjem. Bl-istess argument, min jemmen li l-univers kellu bidu jrid bilfors jemmen li kien hemm l-ewwel kawża [sors li kkaġuna l-eżistenza taʼ kollox]; għax kif jistaʼ jkun hemm effett bħal dan mingħajr kawża suffiċjenti?”
9. Kif nistgħu naraw l-għerf taʼ Jehovah mill-annimali?
9 L-evidenza li jeżisti Alla nistgħu wkoll narawha fuq l-art. Is-salmista esklama: “Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej! Kollha bl-għerf għamilthom; mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek.” (Salm 104:24) Il-“ħlejjaq” taʼ Jehovah, inkluż l-annimali, huma evidenza taʼ l-għerf tiegħu. Bħalma nnotajna fil-bidu taʼ l-artiklu, id-disinn taʼ l-affarijiet ħajjin tant hu taʼ kwalità għolja li x-xjenzati spiss jipprovaw jimitawh. Ikkunsidra xi eżempji oħra. Xi riċerkaturi qed jistudjaw il-qrun taċ-ċriev sabiex ikunu jistgħu joħolqu helmets iktar b’saħħithom; qed jeżaminaw speċi waħda taʼ dubbiena li tismaʼ ħafna sabiex ikunu jistgħu jtejbu l-apparat tas-smigħ; u qed jeżaminaw ir-rix tal-ġwienaħ tal-kokka bl-intenzjoni li jtejbu l-ajruplani silenzjużi li diffiċli jinqabdu mir-radar. Imma jipprova kemm jipprova, il-bniedem ma jistax verament jagħmel kopja vera tad-disinji oriġinali perfetti li nsibu fin-natura. Il-ktieb Biomimicry—Innovation Inspired by Nature jgħid: “L-affarijiet ħajjin għamlu dak kollu li rridu nagħmlu aħna, mingħajr ma ħlew il-fuel mill-fossili, u mingħajr ma niġġsu l-pjaneta, jew ipperikolaw il-futur tagħhom.” Dak hu l-għerf veru!
10. Għala m’huwiex loġiku li tiċħad l-eżistenza taʼ Disinjatur Kbir? Agħti eżempju.
10 Sew jekk tħares ’il fuq lejn is-smewwiet u sew jekk tħares lejn il-ħolqien hawn stess fuq l-art, l-evidenza li jeżisti Ħallieq hija ċara daqs il-kristall. (Ġeremija 10:12) Għandna naqblu b’qalbna kollha mal-ħlejjaq tas-sema li jgħidu: “Jistħoqqlok, Mulej Alla tagħna, li tilqaʼ l-glorja u l-ġieħ u s-setgħa, għax int ħlaqt il-ħlejjaq kollha, u huma kienu u nħolqu bir-rieda tiegħek.” (Apokalissi 4:11) Madankollu, ħafna xjenzati jonqsu li jaraw l-evidenza bl-‘għajnejn taʼ qalbhom,’ avolja għandhom mnejn jibqgħu miblugħin bid-disinn li jeżisti fl-affarijiet li jaraw bl-għajnejn letterali tagħhom. (Efesin 1:18) Imma, bħalma m’huwiex loġiku li tgħid li tammira pittura sabiħa u fl-istess ħin tiċħad l-eżistenza taʼ l-artist li biddel it-tila vojta f’kapulavur, daqshekk ieħor m’huwiex loġiku li tgħid li tammira l-ġmiel u d-disinn fin-natura u tiċħad l-eżistenza taʼ Disinjatur Kbir. Mhux taʼ b’xejn li dawk li jirrifjutaw l-eżistenza t’Alla jingħad li “ma għandhom ebda skuża”!
‘Mexxejja Għomja’ Jqarrqu b’Ħafna
11, 12. Fuq liema idea hi bbażata d-duttrina tal-predestinazzjoni, u x’juri li din id-duttrina ma ġġibx glorja lil Alla?
11 Ħafna nies reliġjużi jemmnu sinċerament li qed jagħtu glorja lil Alla bil-mod kif iqimuh. (Rumani 10:2, 3) Madankollu, ir-reliġjon b’mod ġenerali hija settur ieħor tas-soċjetà umana li attwalment żamm lil miljuni taʼ nies milli jagħtu glorja lil Alla. Dan kif? Ejja nikkunsidraw żewġ modi.
12 L-ewwel, ir-reliġjonijiet ma jħallux li tingħata glorja lil Alla minħabba t-tagħlim falz tagħhom. Per eżempju, ejja nieħdu d-duttrina tal-predestinazzjoni. Din id-duttrina hija bbażata fuq l-idea li ladarba Alla għandu l-qawwa li jkun jaf il-futur, hu bilfors jaf minn qabel ir-riżultat taʼ kollox. Il-predestinazzjoni tissuġġerixxi li żmien twil ilu Alla ddetermina minn qabel il-futur—tajjeb jew ħażin—taʼ kull individwu. Skond dan l-irraġunar, Alla jaħti għat-tbatija u l-ħażen kollu li hawn fid-dinja llum. Żgur li Alla ma jiġix glorifikat meta jwaħħlu fih minflok ma jwaħħlu kif jixraq fl-Avversarju ewlieni tiegħu, Satana, dak li l-Bibbja ssejjaħlu “l-Prinċep tad-dinja”!—Ġwanni 14:30; 1 Ġwanni 5:19.
13. Għala m’huwiex loġiku li taħseb li Alla ma jistax jikkontrolla l-abbiltà tiegħu li jkun jaf il-futur? Agħti eżempju.
13 It-tagħlim tal-predestinazzjoni m’huwiex Skritturali u jimmalafama lil Alla. Din tħawwad dak li jistaʼ jagħmel maʼ dak li fil-fatt jagħmel. Il-Bibbja tgħid b’mod ċar li Alla jistaʼ jkun jaf minn qabel x’se jiġri. (Isaija 46:9, 10) Madankollu, m’huwiex loġiku li taħseb li hu ma jistax jikkontrolla l-abbiltà tiegħu li jkun jaf il-futur jew li hu responsabbli għal kulma jiġri. Biex nagħtu eżempju: Immaġina li kont b’saħħtek ħafna. Kont int se tħoss li trid terfaʼ kull ħaġa tqila li tara? Dażgur li le! Bl-istess mod, l-abbiltà li Alla għandu li jkun jaf il-futur ma ġġagħlux bilfors ikun jaf minn qabel jew jippredestina kull ħaġa. L-abbiltà tiegħu li jkun jaf minn qabel x’se jiġri jużaha b’mod selettiv u bil-għaqal.c Jidher ċar li t-tagħlim falz, inkluż il-predestinazzjoni, ma jigglorifikax lil Alla.
14. Ir-reliġjon organizzata b’liema mod tiddiżonora lil Alla?
14 It-tieni mod kif ir-reliġjon organizzata tiddiżonora lil Alla hu bil-kondotta tal-membri tagħha. Il-Kristjani huma mistennijin li jsegwu t-tagħlim taʼ Ġesù. Fost affarijiet oħra, Ġesù għallem lis-segwaċi tiegħu biex ‘iħobbu lil xulxin’ u biex jibqgħu ‘mhux tad-dinja.’ (Ġwanni 15:12; 17:14-16) Xi ngħidu dwar il-membri tal-kleru tal-Kristjaneżmu? Segwewh verament dan it-tagħlim?
15. (a) Kif kienet il-kondotta tal-kleru fejn jidħlu l-gwerer tal-ġnus? (b) Il-kondotta tal-kleru x’effett kellha fuq miljuni taʼ nies?
15 Ikkunsidra l-kondotta tal-kleru fejn tidħol il-gwerra. Huma appoġġaw il-gwerer tal-ġnus, għalqu għajnejhom għalihom, u kienu minn taʼ quddiem fihom. Bierku t-truppi u ġġustifikaw il-qtil. Ma nistgħux ma nistaqsux, ‘Possibbli dawn il-membri tal-kleru qatt m’għaddielhom minn moħħhom li fuq in-naħa taʼ l-għadu hemm nies taʼ l-istess reliġjon tagħhom li qed jagħmlu l-istess ħaġa?’ (Ara l-kaxxa “Alla maʼ Min Iżomm?”) Il-membri tal-kleru ma jigglorifikawx lil Alla meta jsostnu li għandhom l-appoġġ tiegħu fil-gwerer imdemmin; lanqas ma jigglorifikawh meta jgħidu li l-livelli tal-Bibbja huma antikwati u jagħlqu għajnejhom għal kull xorta taʼ immoralità sesswali. Kemm ifakkruna fil-mexxejja reliġjużi li Ġesù sejħilhom ‘dawk li jagħmlu l-ħażen’ u ‘mexxejja għomja’! (Mattew 7:15-23; 15:14) Il-kondotta tal-kleru kienet il-kaġun li birdet l-imħabba taʼ miljuni taʼ nies lejn Alla.—Mattew 24:12.
Min Qiegħed Verament Jagħti Glorja lil Alla?
16. Biex inwieġbu l-mistoqsija dwar min qiegħed verament jagħti glorja lil Alla, għala rridu naraw x’tgħid il-Bibbja?
16 Ladarba n-nies prominenti u influwenti tad-dinja b’mod ġenerali naqsu li jigglorifikaw lil Alla, allura, min qiegħed verament jagħmel dan? Biex inwieġbu din il-mistoqsija rridu naraw x’tgħid il-Bibbja. Wara kollox, Alla għandu d-dritt li jgħid kif jixtieq jiġi glorifikat, u hu jistabbilixxi l-livelli fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja. (Isaija 42:8) Ejja nikkunsidraw tliet modi kif wieħed għandu jigglorifika lil Alla, u f’kull każ inqisu l-mistoqsija dwar min illum qiegħed verament jagħmel dan.
17. Jehovah innifsu kif indika li l-igglorifikar taʼ ismu hu aspett vitali tar-rieda tiegħu, u min illum qed ifaħħar ismu maʼ l-art kollha?
17 L-ewwel, aħna nistgħu nigglorifikaw lil Alla billi nfaħħru ismu. Dak li Jehovah qal lil Ġesù juri ċar kemm dan hu aspett vitali tar-rieda t’Alla. Ftit jiem qabel ma miet, Ġesù talab: “Missier, agħti glorja lil ismek.” Imbagħad, leħen wieġeb: “Jiena diġà gglorifikajtu, u nerġaʼ nigglorifikah.” (Ġwanni 12:28) Dak li tkellem bla dubju kien Jehovah innifsu. Mill-mod kif wieġeb, jidher ċar li hu importanti għalih li ismu jiġi glorifikat. Min illum qed jigglorifika lil Jehovah billi jgħarraf ismu u jfaħħru maʼ l-art kollha? Ix-Xhieda taʼ Jehovah, u dan qed jagħmluh f’iktar minn 235 pajjiż!—Salm 86:11, 12.
18. Kif nistgħu nagħrfu lil dawk li qed jaduraw lil Alla bil-“verità,” u liema grupp ilu jgħallem il-verità tal-Bibbja għal iktar minn seklu?
18 It-tieni, nistgħu nigglorifikaw lil Alla billi ngħallmu l-verità dwaru. Ġesù qal li l-aduraturi veri kellhom jaduraw lil Alla bil-verità. (Ġwanni 4:24) Kif nistgħu nagħrfu lil dawk li qed jaduraw lil Alla bil-“verità”? Dawn għandhom jiċħdu duttrini li m’humiex ibbażati fuq il-Bibbja u li jirrappreżentaw ħażin ’l Alla u r-rieda tiegħu. Minflok, għandhom jgħallmu l-veritajiet puri tal-Kelma t’Alla, inkluż dan li ġej: Jehovah hu Alla l-Iktar Għoli u hu biss jistħoqqlu l-glorja taʼ din il-pożizzjoni (Salm 83:19 [83:18, NW]); Ġesù hu l-Iben t’Alla u l-Ħakkiem maħtur tas-Saltna Messjanika t’Alla (1 Korintin 15: 27, 28, NW); is-Saltna t’Alla se tqaddes isem Jehovah u twettaq l-iskop tiegħu għall-art u għall-bnedmin fuqha (Mattew 6:9, 10); l-aħbar tajba taʼ din is-Saltna trid tiġi pridkata maʼ l-art kollha. (Mattew 24:14) Grupp wieħed biss ilu jgħallem fedelment dawn il-veritajiet prezzjużi għal iktar minn seklu—ix-Xhieda taʼ Jehovah!
19, 20. (a) Il-kondotta tajba taʼ Kristjan għala tistaʼ ġġib glorja lil Alla? (b) Liema mistoqsijiet jistgħu jgħinuna niddeterminaw min illum qed jigglorifika lil Alla bil-kondotta tajba tiegħu?
19 It-tielet, nistgħu nigglorifikaw lil Jehovah billi ngħixu fi qbil mal-livelli tiegħu. L-appostlu Pietru kiteb: “Ġibu rwieħkom sewwa qalb il-pagani biex, jekk huma jgħidu fuqkom bħallikieku kontu nies ħżiena, jaraw sewwa l-għemil tajjeb tagħkom u jsebbħu ’l Alla meta jasal jum iż-żjara tiegħu.” (1 Pietru 2:12) Il-kondotta taʼ Kristjan tirrifletti l-fidi tiegħu. Meta dawk li josservawh jaraw din il-konnessjoni—jiġifieri, meta jaraw li l-kondotta tajba tal-Kristjan hija r-riżultat taʼ dak li jemmen—dan iġib glorja lil Alla.
20 Min illum qed jagħti glorja lil Alla billi jżomm kondotta tajba? Liema grupp reliġjuż ġie mfaħħar minn ħafna gvernijiet bħala li hu paċifiku, magħmul minn ċittadini li jobdu l-liġijiet u jħallsu t-taxxi? (Rumani 13:1, 3, 6, 7) Liema nies huma magħrufin mad-dinja kollha għall-unità maʼ sħabhom taʼ l-istess twemmin—unità li tegħleb id-differenzi razzjali, nazzjonali, u etniċi? (Salm 133:1; Atti 10:34, 35) Liema nies huma magħrufin mad-dinja kollha għax-xogħol tagħhom taʼ tagħlim mill-Bibbja li jinkuraġġixxi r-rispett lejn il-liġi, il-valuri tal-familja, u l-moralità tal-Bibbja? Hemm biss grupp wieħed taʼ nies li l-kondotta tajba tagħhom f’dawn l-aspetti u f’aspetti oħra turi x’inhuma—ix-Xhieda taʼ Jehovah!
Qiegħed Int Tagħti Glorja lil Alla?
21. Għala għandna nqisu jekk aħniex personalment nagħtu glorja lil Jehovah?
21 Kull wieħed minna jagħmel tajjeb li jistaqsi, ‘Qiegħed jien personalment nagħti glorja lil Jehovah?’ Skond Salm 148, il-biċċa l-kbira mill-ħolqien jagħti glorja lil Alla. L-anġli, is-smewwiet fiżiċi, l-art u l-annimali li jgħixu fuqha—ilkoll kemm huma jfaħħru lil Jehovah. (Versi 1-10) X’ħasra li ħafna mill-bnedmin illum ma jfaħħruhx! Meta tgħix b’mod li jġib glorja lil Alla, int tkun qiegħed f’armonija mal-bqija tal-ħolqien li qed ifaħħar lil Jehovah. (Versi 11-13) M’hemmx mod aħjar kif tuża ħajtek.
22. Meta tagħti glorja lil Jehovah, b’liema modi tiġi mbierek, u x’għandek tkun determinat li tagħmel?
22 Meta tagħti glorja lil Jehovah tiġi mbierek b’ħafna modi. Hekk kif teżerċita fidi fis-sagrifiċċju taʼ fidwa taʼ Kristu, int titħabbeb mill-ġdid m’Alla u tgawdi relazzjoni paċifika u premjanti maʼ Missierek tas-sema. (Rumani 5:10) Hekk kif tfittex raġunijiet biex tagħti glorja lil Alla ssir iktar pożittiv u grat. (Ġeremija 31:12) Imbagħad tkun f’qagħda li tistaʼ tgħin lil oħrajn jgħixu ħajja hienja u bi skop, u b’hekk int innifsek tkun iktar hieni. (Atti 20:35) Jalla tkun fost dawk li huma determinati li jagħtu glorja lil Alla—issa u għal dejjem!
[Noti taʼ taħt]
a Il-kelma “bijomimetika” ġejja minn żewġ kelmiet Griegi, bijos, li tfisser “ħajja,” u mimesis, li tfisser “imitazzjoni.”
b Għal iktar dettalji dwar kif is-smewwiet fiżiċi jirriflettu l-għerf u l-qawwa t’Alla, ara kapitli 5 u 17 tal-ktieb Ersaq Qrib Lejn Jehovah, pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah.
c Ara l-Insight on the Scriptures, l-Ewwel Volum, paġna 853, pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah.
Tiftakar Int?
• Għala nistgħu ngħidu li x-xjenzati b’mod ġenerali m’għenux lin-nies jigglorifikaw lil Alla?
• Ir-reliġjon organizzata b’liema żewġ modi ma ħallietx lin-nies jagħtu glorja lil Alla?
• B’liema modi nistgħu aħna nigglorifikaw lil Alla?
• Għala għandek tikkunsidra jekk intix personalment tagħti glorja lil Jehovah?
[Kaxxa f’paġna 12]
“Alla maʼ Min Iżomm?”
Raġel li kien fil-Forza taʼ l-Ajru Ġermaniża matul it-Tieni Gwerra Dinjija u li iktar tard sar wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah jiftakar:
“Dak li kien jagħtini fastidju matul dawk is-snin tal-gwerra . . . kien li nara lill-membri tal-kleru tistaʼ tgħid taʼ kull reliġjon—Kattoliċi, Luterani, Episkopali, u oħrajn—ibierku l-ajruplani u l-ekwipaġġi tagħhom qabel ma dawn kienu jitilqu fuq missjonijiet biex jitfgħu t-tagħbija qerridija tagħhom. Spiss kont naħseb, ‘Alla maʼ min iżomm?’
“Is-suldati Ġermaniżi kienu jilbsu ċinturin b’bokkla li fuqha kien hemm imnaqqax il-kliem Gott mit uns (Alla hu magħna). Imma jien kont ngħid, ‘Alla għala m’huwiex mas-suldati taʼ l-għadu li huma taʼ l-istess reliġjon u li qed jitolbu lill-istess Alla?’”
[Stampa f’paġna 10]
Maʼ l-art kollha, ix-Xhieda taʼ Jehovah qegħdin verament jagħtu glorja lil Alla