Kemm Jistgħu Jgħixu n-Nies?
NHAR it-3 taʼ Marzu, 1513, l-esploratur Spanjol Juan Ponce de León telaq fuq vjaġġ interessanti. Hu baħħar minn Puerto Rico bit-tama li jasal fil-gżira taʼ Bimini. Skond il-leġġenda, hu kien qed ifittex nixxiegħa mirakoluża—il-Funtana taż-Żgħożija. Imma minflok, dan wasal fil-post li issa hu l-istat taʼ Florida, fl-Istati Uniti. M’għandniex xi ngħidu, hu qatt ma sab il-funtana li fil-fatt ma teżistix.
Illum, il-bnedmin ġeneralment ma jgħixux ħafna iktar minn 70 jew 80 sena. Għalkemm il-Bibbja ssemmi nies li għexu bil-wisq iktar, it-2002 Guinness Book of World Records jgħid li l-akbar persuna li qatt għexet kellha 122 sena u 164 jum. (Ġenesi 5:3-32) Madankollu John Harris, studjuż taʼ l-etika fil-kura u r-riċerka medika, qal: “Ir-riċerka ġdida issa qed turi li hu possibbli li fil-futur nevitaw ix-xjuħija—u saħansitra l-mewt.” Għadd taʼ riċerkaturi tas-seklu 21 isemmu “l-immortalità possibbli,” “ebda limitu għall-ħajja tal-bnedmin sa l-2099,” “iċ-ċelluli jistgħu jkomplu jipproduċu għal dejjem,” u affarijiet oħra bħal dawn.
Fil-ktieb tiegħu The Dream of Eternal Life, Mark Benecke jinnota: “Kważi l-ġisem kollu jiġġedded diversi drabi matul il-ħajja. . . . Wara xi sebaʼ snin, inkunu nies ġodda fil-veru sens tal-kelma.” Madankollu, dan il-proċess ma jibqax għaddej għal dejjem għax iċ-ċelluli jieqfu jimmultiplikaw wara għadd taʼ drabi, kif ikun determinat minn qabel. Iżda Benecke jgħid illi kieku ma kienx hekk, “il-ġisem uman jistaʼ jkompli jiġġedded għal żmien twil ħafna—anki għall-eternità.”
Ikkunsidra wkoll il-kapaċità taʼ l-għaġeb li għandu moħħ il-bniedem. Dan għandu l-kapaċità li jintuża bil-wisq iktar milli nistgħu nużawh matul il-ħajja tagħna li hi pjuttost qasira. Skond l-Encyclopædia Britannica, moħħ il-bniedem jistaʼ jintuża għal ħafna iktar affarijiet milli persuna jirnexxilha tużah matul ħajjitha. (Edizzjoni taʼ l-1976, Volum 12, paġna 998) Il-ktieb How the Brain Learns, taʼ David A. Sousa, jgħid: “Prattikament, il-kapaċità li għandu l-moħħ biex iżomm l-informazzjoni fih m’għandhiex limitu.”—Paġna 78, it-Tieni Edizzjoni, copyright 2001.
Fl-istudju tagħhom dwar il-ġisem, ir-riċerkaturi għala ma jistgħux isibu raġuni xjentifika għala mmutu? U moħħ il-bniedem għala għandu kapaċità taʼ l-għaġeb? Jistaʼ jkun li ġejna maħluqin biex nibqgħu nitgħallmu għal dejjem? Għala fuq kollox għandna l-idea taʼ ħajja taʼ dejjem?
Il-Bibbja tgħid: “[Alla] qiegħed ukoll f’qalb ulied il-bniedem il-ħsieb taʼ l-eternità, għalkemm il-bniedem ma jistax jifhem mill-bidu sat-tmiem l-egħmil li għamel Alla.” (Ekkleżjażti 3:11, Karm Żammit) Dan il-kliem jindika li Alla daħħal fina l-idea li ngħixu għal dejjem. Fil-fatt, dejjem nistgħu nibqgħu nitgħallmu xi ħaġa ġdida dwar Alla u l-għemejjel tiegħu. Kieku jkollna ngħixu għal biljuni kbar taʼ snin—iva, għall-eternità—m’aħniex se nieqfu nitgħallmu dwar l-għeġubijiet tal-ħolqien t’Alla.
Il-kliem taʼ Ġesù Kristu juri wkoll li l-bniedem jistaʼ jgħix għall-eternità. Hu qal: “Il-ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.” (Ġwanni 17:3) Xi ngħidu għalik? Trid int tgħix għal dejjem?
[Stampi f’paġna 3]
Juan Ponce de León fittex funtana taż-żgħożija
[Sors]
Ponce de León: Harper’s Encyclopædia of United States History