L-Ippridkar taʼ Sawl Iqajjem l-Oppożizzjoni
IL-LHUD f’Damasku ma setgħux jifhmu. Kif setaʼ difensur ferventi tat-twemmin tradizzjonali jsir apostat? Sawl kien magħruf bħala raġel li kien jifni lil dawk li kienu jsejħu isem Ġesù f’Ġerusalemm. Hu ġie Damasku biex jippersegwita lid-dixxipli f’dan il-post. Imma issa hu stess kien qed jippriedka li dak l-istess kriminal mibgħud li ssammar fuq zokk bħala wieħed dagħaj kien il-Messija! Mela Sawl iġġennen?—Atti 9:1, 2, 20-22.
Forsi kien hemm spjegazzjoni. Oħrajn li vvjaġġaw fl-istess grupp taʼ Sawl minn Ġerusalemm setgħu tkellmu dwar dak li kien seħħ fi triqithom. Hekk kif qorbu lejn Damasku, f’daqqa waħda dawl qawwi xegħel madwarhom, u lkoll waqgħu maʼ l-art. Kien hemm ukoll il-ħoss taʼ leħen. Ħadd ma weġġaʼ ħlief Sawl. Hu kien mixħut fit-triq. Meta finalment qam bil-wieqfa, oħrajn li kienu qed jivvjaġġaw miegħu kellhom imexxuh lejn Damasku, għax ma setaʼ jara xejn.—Atti 9:3-8; 26:13, 14.
Għadu taʼ Ġesù Jibda Jippriedka Dwaru
Xi ġralu Sawl fi triqtu lejn Damasku? Jistaʼ jkun li l-vjaġġ twil jew is-sħana taʼ nofsinhar kiddewh u għamewh? Peress li x-xettiċi moderni huma determinati li jsibu spjegazzjoni naturali, dawn jimmaġinaw xenarji taʼ delirju, alluċinazzjonijiet, u kriżi psikoloġika drastika li kienet imqanqla mill-kuxjenza ħatja taʼ Sawl, xi eżawriment nervuż, u jaħsbu li probabbilment kien ibati mill-epilessija.
Fir-realtà, Ġesù Kristu deher lil Sawl f’dan id-dawl qawwi li għamieh, u kkonvinċieh li Hu kien il-Messija. Xi tpinġijiet artistiċi taʼ dan l-episodju juru lil Sawl jaqaʼ minn fuq żiemel. Għalkemm dan jistaʼ jkun, il-Bibbja sempliċement tgħid li hu ‘waqgħa fl-art.’ (Atti 22:6-11) Kienet kif kienet il-waqgħa li esperjenza Sawl ma kinitx tabilħaqq kbira daqs il-waqgħa mill-pożizzjoni kburija li kellu. Issa hu kellu jagħraf li dak li kienu qed jippridkaw is-segwaċi taʼ Ġesù kien minnu. L-unika għażla li kellu Sawl kienet li jingħaqad magħhom. Minn għadu ġelliedi kontra l-messaġġ taʼ Ġesù, Sawl sar wieħed mill-iktar predikaturi żelużi dwaru. Wara li reġaʼ kiseb id-dawl u tgħammed, “Sawl baqaʼ jiżdied fil-qawwa u, bil-loġika li kien juża biex juri li dan hu l-Kristu, kien ibellah lil-Lhud li kienu joqogħdu Damasku.”—Atti 9:22.
Il-Pjan biex Joqtluh Ifalli
Fejn mar Sawl, li iktar tard issejjaħ Pawlu, wara l-konverżjoni tiegħu? Meta kien qed jikteb lill-Galatin, hu qal: “Tlaqt lejn l-Għarabja, u rġajt lura lejn Damasku.” (Galatin 1:17) It-terminu “Għarabja” jistaʼ jfisser vjaġġ fi kwalunkwe parti tal-Peniżola Għarbija. Xi studjużi jissuġġerixxu li Pawlu għandu mnejn mar fid-Deżert Sirjan jew xi mkien ieħor fis-Saltna taʼ Nabatin tas-sultan Areta IV. X’aktarx li Sawl wara l-magħmudija tiegħu mar f’post għall-kwiet biex jimmedita, l-istess bħalma Ġesù mar fid-deżert wara li tgħammed.—Luqa 4:1.
Meta Sawl irritorna lejn Damasku, “il-Lhud ftiehmu bejniethom biex jeħilsu minnu.” (Atti 9:23) Il-gvernatur li kien jaqdi bħala r-rappreżentant tas-Sultan Areta f’Damasku kien qed jgħasses il-belt sabiex jaqbad lil Sawl. (2 Korintin 11:32) Imma waqt li l-għedewwa ppjanaw li joqtlu lil Sawl, id-dixxipli taʼ Ġesù ppjanaw kif se jħarrbuh.
Fost dawk li għenu lil Sawl biex jaħrab kien hemm Ananija u d-dixxipli li l-appostlu kien gawda l-kumpanija tagħhom eżatt wara li kkonverta.a (Atti 9:17-19) Jistaʼ jkun ukoll li Sawl ngħata l-għajnuna mingħand dawk li saru jemmnu minħabba l-ippridkar tiegħu f’Damasku, għaliex Atti 9:25 jgħid: “Id-dixxipli tiegħu ħaduh u bil-lejl niżżluh f’qoffa minn ġo fetħa fis-sur.” L-espressjoni “d-dixxipli tiegħu” tistaʼ tfisser dawk li għallimhom Sawl. Hu x’inhu l-każ, is-suċċess li kellu fil-ministeru probabbilment qanqal iżjed il-mibegħda li kien hemm diġà għalih.
Tagħlima Għalina
Meta neżaminaw ftit mill-ġrajjiet li seħħew fiż-żmien tal-konverżjoni u lmagħmudija taʼ Sawl, naraw ċar li hu ma kienx jinkwieta żżejjed dwar kif kien jiġġudikah ħaddieħor; lanqas ma qataʼ qalbu minħabba l-oppożizzjoni ħarxa. L-iktar ħaġa importanti għal Sawl kienet l-inkarigu taʼ l-ippridkar li ngħata.—Atti 22:14, 15.
Int wieħed minn dawk li dan l-aħħar sirt konvint dwar l-importanza taʼ lippridkar taʼ l-aħbar tajba? Jekk inhu hekk, żgur li taf li l-Kristjani veri kollha jridu jkunu predikaturi tas-Saltna. M’għandikx tissorprendi ruħek jekk il-ministeru tiegħek kultant iqanqal reazzjoni taʼ mibegħda. (Mattew 24:9; Luqa 21:12; 1 Pietru 2:20) Sawl kien eżemplari fil-mod kif wieġeb għall-oppożizzjoni. Il-Kristjani li jissaportu fil-provi mingħajr ma jaqtgħu qalbhom se jkollhom il-favur t’Alla. Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Tkunu mibgħudin minn kulħadd minħabba ismi.” Madankollu, hu żgurahom: “Bis-sabar tagħkom tiksbu ruħkom.”—Luqa 21:17-19.
[Nota taʼ taħt]
a Jistaʼ jkun li l-Kristjanità waslet f’Damasku jew wara li Ġesù ppriedka fil-Galilija inkella wara Pentekoste tas-sena 33 E.K.—Mattew 4:24; Atti 2:5.
[Stampa f’paġna 28]
Sawl ‘waqgħa fl-art’ meta deherlu Ġesù
[Stampa f’paġna 29]
Sawl ħarab minn Damasku fejn kien tħejja pjan biex joqtluh