LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 2/15 pp. 17-22
  • Inħarsu l-Identità Kristjana Tagħna

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Inħarsu l-Identità Kristjana Tagħna
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Stabbilixxi fis-​Sod l-​Identità Kristjana Tiegħek
  • Kun Determinat li Togħġob lil Alla
  • Tgħallem mill-​Passat, Ibni għall-​Futur
  • Identità Ċara, Barkiet Reali
  • Kristjani—Kunu Kburin bl-Identità Tagħkom!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • 9 L-identità tiegħek
    Stenbaħ!—2018
  • Jien min jien?
    Tweġibiet għal 10 mistoqsijiet li ż-żgħażagħ jistaqsu
  • Jistgħu Jisirqulek l-Identità Tiegħek!
    Stenbaħ!—2001
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 2/15 pp. 17-22

Inħarsu l-​Identità Kristjana Tagħna

“Intom ix-​xhieda tiegħi, oraklu tal-​Mulej.”​—ISAIJA 43:10.

1. Ġeħova liema tip taʼ nies jiġbed lejh?

META tkun fis-​Sala tas-​Saltna, ħares ħarsa sew madwarek. Lil min tara f’dan il-​post taʼ qima? Għandek mnejn tara żgħażagħ sinċieri qed jitgħallmu u jifhmu l-​għerf Skritturali. (Salm 148:​12, 13) Wisq probabbli, se tosserva wkoll kapijiet tal-​familja li jistinkaw biex jogħġbu lil Alla waqt li jgħixu f’dinja li tbaxxi l-​ħajja tal-​familja. Forsi se tara lil xi wħud għeżież akbar fl-​età li qed iżommu sod mad-​dedikazzjoni tagħhom lil Ġeħova bil-​mod kif jgħixu ħajjithom minkejja l-​mard li ġġib magħha l-​età avanzata. (Proverbji 16:31) Ilkoll iħobbu lil Ġeħova mill-​fond taʼ qalbhom. U hu ra li hu xieraq li jiġbidhom f’relazzjoni miegħu. “Ebda bniedem ma jistaʼ jiġi għandi,” qal l-​Iben t’Alla, “jekk ma jiġbdux il-​Missier li bagħatni.”​—Ġwanni 6:​37, 44, 65.

2, 3. Għala jistaʼ jkun taʼ sfida li napprezzaw lidentità tagħna bħala Kristjani?

2 Ma nitgħaxxqux li aħna parti minn poplu li għandu l-​approvazzjoni u l-​barka taʼ Ġeħova? Madankollu, hija sfida li nibqgħu napprezzaw l-​identità tagħna bħala Kristjani f’dawn iż-​“żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” (2 Timotju 3:1) Dan hu speċjalment minnu dwar iż-​żgħażagħ li trabbew f’familji Kristjani. “Għalkemm kont qed nattendi l-​laqgħat Kristjani,” ammetta wieħed minn dawn iż-​żgħażagħ, “ma kelli ebda mira spiritwali ċara u, bis-​sinċerità kollha, lanqas ma kelli xewqa persunali biex naqdi lil Ġeħova.”

3 Xi wħud, waqt li jixtiequ sinċerament jaqdu lil Ġeħova, għandhom mnejn jiġu aljenati minn pressjoni intensa minn dawk taʼ mparhom, influwenzi dinjin, u tendenzi midinba. Meta ssirilna pressjoni, jistaʼ jkun li bil-​mod il-​mod din iġġagħalna nitilfu l-​identità Kristjana tagħna. Per eżempju, ħafna fid-​dinja llum iħarsu lejn il-​livelli tal-​Bibbja dwar il-​moralità bħala antikwati jew mhux realistiċi fid-​dinja moderna tagħna. (1 Pietru 4:4) Xi wħud iħossu li m’huwiex vitali li naduraw ’l Alla bil-​mod kif jurina hu. (Ġwanni 4:​24) Fl-​ittra tiegħu lill-​Efesin, Pawlu jitkellem dwar id-​dinja bħala li għandha “spirtu,” jew attitudni dominanti. (Efesin 2:2) Dan l-​ispirtu jagħmel pressjoni fuq in-​nies biex jikkonformaw mal-​mod taʼ ħsieb taʼ soċjetà li ma tafx lil Ġeħova.

4. Ġesù kif enfasizza l-​bżonn li noqogħdu attenti biex nibqgħu nintgħarfu b’mod ċar li aħna Kristjani?

4 Madankollu, bħala qaddejja dedikati taʼ Ġeħova, aħna nirrealizzaw li tkun xi ħaġa traġika għalina lkoll​—kemm żgħar u kemm kbar—jekk ma nibqgħux nintgħarfu bħala Kristjani. Biex ikollna ħarsa xierqa lejn l-​identità Kristjana tagħna, din trid tkun ibbażata biss fuq il-​livelli taʼ Ġeħova u dak li jistenna minna. Wara kollox, aħna maħluqin fuq ix-​xbieha tiegħu. (Ġenesi 1:​26; Mikea 6:8) Il-​Bibbja xxebbah il-​fatt li nintgħarfu ċar bħala li aħna Kristjani maʼ ħwejjeġ, li jintlibsu biex jarahom kulħadd. Dwar żminijietna, Ġesù wissa: “Ara! Jien ġej bħal ħalliel. Hieni min jibqaʼ mqajjem u jżomm ħwejġu, sabiex ma jimxix għarwien u n-​nies jaraw l-​għajb tiegħu.”a (Rivelazzjoni 16:15) Aħna ma rridux ninżgħu l-​kwalitajiet Kristjani u l-​livelli taʼ kondotta tagħna u nħallu d-​dinja taʼ Satana tifformana. Kieku dan kellu jiġri, konna nitilfu dawn il-​‘ħwejjeġ.’ Sitwazzjoni bħal din tkun taʼ niket u taʼ mistħija.

5, 6. Għala hu vitali li nkunu stabbli spiritwalment?

5 Il-​fatt li wieħed ikun konxju ferm li hu Kristjan se jeffettwalu kif jgħix ħajtu. Dan kif? Kieku aduratur taʼ Ġeħova ma jibqax iżomm ċar f’moħħu min hu, jistaʼ jispiċċa li ma jibqax iffokat, u ma jkollux direzzjoni jew miri ċari. Il-​Bibbja twissi kontinwament kontra qagħda indeċiża bħal din. Id-​dixxiplu Ġakbu wissa: “Min jiddubita hu bħal mewġa tal-​baħar immexxija mir-​riħ u mitfugħa ’l hawn u ’l hinn. Fil-​fatt, ħa ma jistenniex dan il-​bniedem li se jaqlaʼ xi ħaġa mingħand Ġeħova; hu bniedem indeċiż u mhux sod f’kulma jagħmel.”​—Ġakbu 1:​6-8; Efesin 4:​14; Ebrej 13:9.

6 Kif nistgħu ngħassu l-​identità Kristjana tagħna? X’jistaʼ jgħinna nsiru dejjem iktar konxji tal-​privileġġ kbir li għandna li nkunu aduraturi taʼ l-​Iktar Għoli? Jekk jogħġbok ikkunsidra l-​modi li ġejjin.

Stabbilixxi fis-​Sod l-​Identità Kristjana Tiegħek

7. Għala hu taʼ vantaġġ li nitolbu lil Ġeħova biex jgħarbilna?

7 Saħħaħ kontinwament ir-​relazzjoni tiegħek maʼ Ġeħova. L-​iktar ħaġa prezzjuża li għandu Kristjan hija r-​relazzjoni persunali tiegħu m’Alla. (Salm 25:14; Proverbji 3:​32) Jekk jibda jkollna mistoqsijiet li jinkwetawna dwar l-​identità Kristjana tagħna, allura jkun il-​waqt li neżaminaw sew il-​kwalità taʼ din ir-​relazzjoni u kemm hi profonda. Is-​salmista b’mod xieraq talab: “[“Eżaminani,” NW], Mulej, u għarbilni, iflili moħħi u qalbi.” (Salm 26:2) Għala hu vitali li Ġeħova jgħarbilna b’dan il-​mod? Għaliex aħna ma nistgħux nistrieħu fuqna nfusna biex neżaminaw l-​iktar motivi profondi tagħna stess u l-​iktar inklinazzjonijiet ġewwinija li għandna. Ġeħova biss jistaʼ jifhem il-​persuna ġewwinija tagħna​—il-​motivi, il-​ħsibijiet, u l-​emozzjonijiet tagħna.​—Ġeremija 17:​9, 10.

8. (a) Kif nistgħu nibbenefikaw jekk jittestjana Ġeħova? (b) Kif ġejt megħjun tagħmel progress bħala Kristjan?

8 Meta nitolbu lil Ġeħova jgħarbilna, aħna nkunu qed nistidnuh jittestjana. Hu jistaʼ jħalli ċerti sitwazzjonijiet jiżviluppaw li se jikxfu l-​motivi u l-​kundizzjoni vera taʼ qalbna. (Ebrej 4:​12, 13; Ġakbu 1:​22-​25) Għandna nilqgħu provi bħal dawn għaliex jagħtuna l-​opportunità biex nuru kemm hi profonda l-​lealtà tagħna lejn Ġeħova. Dawn jistgħu juru jekk aħniex “kompluti u sħaħ f’kull aspett bla ma [jonqosna] xejn.” (Ġakbu 1:​2-4) U sadanittant nistgħu nikbru spiritwalment.​—Efesin 4:​22-​24.

9. Għala hu neċessarju li nagħtu prova lilna nfusna li dak li tgħallem il-​Bibbja hu l-​verità? Spjega.

9 Studja biex tikkonvinċi lilek innifsek dwar il-​verità tal-​Bibbja. Is-​sens tagħna taʼ identità bħala qaddejja taʼ Ġeħova jistaʼ jiddgħajjef jekk ma jkunx ibbażat fis-​sod fuq l-​għarfien taʼ l-​Iskrittura. (Filippin 1:​9, 10) Kull Kristjan​—kemm żgħir u kemm kbir​—irid isib il-​provi sakemm jissodisfa ruħu li dak li jemmen hu tabilħaqq il-​verità kif inhi misjuba fil-​Bibbja. Pawlu ħeġġeġ lil sħabu fit-​twemmin: “Aċċertaw ruħkom minn kollox; żommu sod mat-​tajjeb.” (1 Tessalonikin 5:​21) Żgħażagħ Kristjani li jappartjenu lil familji li jibżgħu minn Alla jridu jirrealizzaw li ma jistgħux jistrieħu fuq il-​fidi tal-​ġenituri tagħhom. Salamun ġie mħeġġeġ minn missieru stess, David, biex ‘jagħraf ’l Alla taʼ missieru u jaqdih b’qalb sħiħa.’ (1 Kronaki 28:9, korsiv tagħna.) Ma kienx se jkun biżżejjed għaż-​żagħżugħ Salamun li jara kif missieru bena l-​fidi tiegħu f’Ġeħova. Hu kellu jsir jaf lil Ġeħova personalment, u hekk għamel. Hu talab bil-​ħrara lil Alla: “Agħtini mela issa għerf u dehen ħalli nagħraf noħroġ u nidħol f’ras dan il-​poplu.”​—2 Kronaki 1:​10.

10. Għala m’hemm xejn ħażin f’li nistaqsu mistoqsijiet sinċieri b’motiv tajjeb?

10 Il-​fidi qawwija tinbena fuq l-​għarfien. Pawlu qal: “Il-​fidi tiġi minn dak li nstemaʼ.” (Rumani 10:17) X’ried jgħid bih dan il-​kliem? Hu ried ifisser li billi nitimgħu lilna nfusna mill-​Kelma t’Alla, aħna se nibnu l-​fidi u l-​fiduċja tagħna f’Ġeħova, fil-​wegħdi tiegħu, u fl-​organizzazzjoni tiegħu. Meta nistaqsu mistoqsijiet sinċieri dwar il-​Bibbja nistgħu naslu għal tweġibiet rassiguranti. Iktar minn hekk, f’Rumani 12:2 insibu l-​parir taʼ Pawlu: “[Agħtu] prova lilkom infuskom dwar x’inhi r-​rieda tajba u aċċettabbli u perfetta t’Alla.” Kif nistgħu nagħmlu dan? Billi niksbu “l-​għarfien eżatt dwar il-​verità.” (Titu 1:1) L-​ispirtu taʼ Ġeħova jistaʼ jgħinna nifhmu saħansitra suġġetti diffiċli. (1 Korintin 2:​11, 12) Aħna rridu nitolbu għall-​għajnuna t’Alla meta nkunu qed insibuha diffiċli biex nifhmu xi ħaġa. (Salm 119:​10, 11, 27) Ġeħova jridna nifhmu l-​Kelma tiegħu, nemmnuha, u nobduha. Hu jilqaʼ mistoqsijiet sinċieri li jsiru b’motiv tajjeb.

Kun Determinat li Togħġob lil Alla

11. (a) Liema xewqa naturali tistaʼ twaqqagħna f’nassa? (b) Kif nistgħu nagħmlu l-​qalb biex negħlbu l-​pressjoni minn taʼ mparna?

11 Fittex li togħġob lil Alla, mhux lill-​bniedem. Huwa naturali li nħossu li biex sa ċertu punt nistabbilixxu min aħna, inkunu rridu nagħmlu parti minn grupp. Kulħadd għandu bżonn il-​ħbieb, u meta ħaddieħor jinkludina nħossuna kuntenti u kunfidenti. Matul l-​adoloxxenza​—kif ukoll iktar tard fil-​ħajja​—il-​pressjoni minn dawk taʼ mparna tistaʼ tkun qawwija u tistaʼ tqanqalna biex nimitaw u nogħġbu lil oħrajn akkost taʼ kollox. Imma l-​ħbieb u dawk taʼ mparna mhux dejjem ikun jinteressahom f’dak li hu l-​iktar taʼ ġid għalina. Kultant ikunu sempliċement iridu min jissieħeb magħhom fil-​ħażen tagħhom. (Proverbji 1:​11-​19) Meta Kristjan iċedi għall-​pressjoni negattiva minn taʼ mparu, hu ġeneralment jipprova jaħbi l-​identità tiegħu. (Salm 26:4) “Tifformawx ruħkom skond l-​imġiba tad-​dinja taʼ madwarkom,” wissa l-​appostlu Pawlu. (Rumani 12:​2, The Jerusalem Bible) Ġeħova jipprovdi s-​saħħa ġewwinija li għandna bżonn sabiex niġġieldu kontra kwalunkwe pressjoni barranija biex inkunu bħall-​oħrajn.​—Ebrej 13:6.

12. Liema prinċipju u liema eżempju jistgħu jsaħħuna biex inżommu sod fil-​fidi meta tkun involuta l-​fiduċja tagħna f’Alla?

12 Meta l-​pressjoni minn nies oħra thedded li tħassar is-​sens tagħna taʼ identità Kristjana, ikun tajjeb li niftakru li l-​lealtà tagħna lejn Alla hija ħafna iktar importanti mill-​opinjoni pubblika jew mit-​tendenzi tal-​maġġuranza tan-​nies. Il-​kliem f’Eżodu 23:2 iservi bħala prinċipju li jistaʼ jipproteġina: “La tmurx mal-​kotra biex tagħmel id-​deni.” Meta l-​maġġuranza taʼ sħabu l-​Iżraelin iddubitaw mill-​abbiltà taʼ Ġeħova li jwettaq il-​wegħdi Tiegħu, Kaleb żamm sod biex ma jsegwix lill-​maġġuranza. Hu kien ċert li l-​wegħdi t’Alla kienu taʼ min jafdahom, u ġie premjat bil-​kbir talli baqaʼ leali. (Numri 13:30; Ġożwè 14:​6-​11) Lest int li bl-​istess mod tirreżisti l-​pressjoni taʼ l-​opinjoni popolari sabiex tħares ir-​relazzjoni tiegħek m’Alla?

13. Għala huwa għaqli li nuru lil oħrajn li aħna Kristjani?

13 Uri lil oħrajn li int Kristjan. Jingħad li l-​aħjar difiża hi l-​attakk u dan huwa minnu meta niġu biex niddefendu l-​identità Kristjana tagħna. Meta ġew iffaċċjati bl-​oppożizzjoni għall-​isforzi tagħhom biex jagħmlu r-​rieda taʼ Ġeħova fi żmien Esdra, l-​Iżraelin leali qalu: “Aħna l-​qaddejja taʼ Alla tas-​sema u l-​art.” (Esdra 5:​11) Jekk niġu effettwati mir-​reazzjoni u l-​kritika tan-​nies aggressivi, nistgħu nispiċċaw paralizzati bil-​biżaʼ. Jekk dejjem nipprovaw nogħġbu lil kulħadd se nsiru inqas effettivi. Mela tibżax. Dejjem ikun tajjeb li lill-​oħrajn tgħidilhom ċar u tond li int wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Bir-​rispett imma b’mod sod, tistaʼ tispjega lil oħrajn il-​valuri, it-​twemmin, u l-​pożizzjoni tiegħek bħala Kristjan. Uri lil oħrajn li int deċiż li żżomm il-​livelli għoljin taʼ Ġeħova fejn jidħlu kwistjonijiet taʼ moralità. Agħmilha ċara li m’intix lest tagħmel kompromess fejn tidħol l-​integrità Kristjana tiegħek. Uri li int kburi bil-​livelli morali tiegħek. (Salm 64:11 [64:​10, NW]) Jekk tispikka bħala Kristjan leali tistaʼ tissaħħaħ, tkun protett, u saħansitra tistaʼ tqanqal lil xi wħud biex jistaqsu dwar Ġeħova u l-​poplu tiegħu.

14. Għandna nħossuna skuraġġiti minħabba ttwaqqigħ għaċ-​ċajt jew l-​oppożizzjoni? Spjega.

14 Iva, xi wħud għandhom mnejn iwaqqgħuk għaċ-​ċajt jew jopponulek. (Ġuda 18) Jekk oħrajn ma jwiġbux b’mod favorevoli għall-​isforzi li tagħmel biex tispjegalhom il-​valuri tiegħek, tħossokx skuraġġit. (Eżekjel 3:​7, 8) Minkejja d-​determinazzjoni tiegħek, qatt m’int se tikkonvinċi lin-​nies li ma jixtiqux ikunu konvinti. Ftakar fil-​Fargħun. Ebda kastig jew miraklu​—lanqas saħansitra t-​telfa persunali taʼ l-​ewwel imwieled tiegħu​—ma kien biżżejjed biex jipperswadi lill-​Fargħun li Mosè kien qed jitkellem f’isem Ġeħova. Għalhekk, tħallix il-​biżaʼ mill-​bniedem jipparalizzak. Il-​fiduċja u l-​fidi f’Alla jistgħu jgħinuna negħlbu l-​biżaʼ.​—Proverbji 3:​5, 6; 29:25.

Tgħallem mill-​Passat, Ibni għall-​Futur

15, 16. (a) X’inhu l-​wirt spiritwali tagħna? (b) Kif nistgħu nibbenefikaw jekk nimmeditaw fuq il-​wirt spiritwali tagħna fid-​dawl tal-​Kelma t’Alla?

15 Għożż il-​wirt spiritwali tiegħek. Il-​Kristjani jibbenefikaw meta, fid-​dawl tal-​Kelma t’Alla, jimmeditaw fuq il-​wirt spiritwali li għandhom. Dan il-​wirt jinkludi l-​verità tal-​Kelma taʼ Ġeħova, it-​tama għall-​ħajja taʼ dejjem, u l-​unur li jirrappreżentaw ’l Alla bħala proklamaturi taʼ l-​aħbar tajba. Tistaʼ tara liema rwol individwali għandek fost ix-​Xhieda tiegħu, fil-​grupp privileġġat taʼ nies li ġew inkarigati bix-​xogħol li jsalva l-​ħajjiet taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna? Ftakar li Ġeħova nnifsu jiddikjara: “Intom ix-​xhieda tiegħi.”​—Isaija 43:10.

16 Tistaʼ tistaqsi lilek innifsek mistoqsijiet bħal: ‘Kemm hu prezzjuż dan il-​wirt spiritwali għalija? Narah daqshekk prezzjuż li r-​rieda t’Alla nagħtiha l-​akbar prijorità f’ħajti? Huwa l-​apprezzament tiegħi qawwi biżżejjed biex isaħħaħni ħalli nirreżisti kull tentazzjoni li tistaʼ twassalni biex nitilfu?’ Il-​wirt spiritwali tagħna jistaʼ wkoll iqanqal fina sens profond taʼ sigurtà spiritwali li nistgħu ngawduh biss fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. (Salm 91:​1, 2) Jekk nirrivedu xi ġrajjiet rimarkevoli mill-​istorja moderna taʼ l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova nistgħu nifhmu li ebda individwu jew ħaġa ma tistaʼ teqred il-​poplu taʼ Ġeħova minn fuq wiċċ l-​art.​—Isaija 54:17; Ġeremija 1:​19.

17. X’hemm bżonn iktar milli sempliċement nistrieħu fuq il-​wirt spiritwali tagħna?

17 M’għandniex xi ngħidu, ma nistgħux niddependu biss mill-​wirt spiritwali tagħna. Kull wieħed u waħda minna għandu jiżviluppa relazzjoni mill-​qrib m’Alla. Wara li Pawlu kien ħadem iebes biex jibni l-​fidi tal-​Kristjani ġo Filippi, hu kitbilhom: “Għaldaqstant, maħbubin tiegħi, bħalma dejjem obdejtu, mhux biss fil-​preżenza tiegħi, imma bil-​wisq iktar issa li m’iniex magħkom, ibqgħu wettqu s-​salvazzjoni tagħkom bil-​biżaʼ u t-​tregħid.” (Filippin 2:​12) Ma nistgħux nistrieħu fuq ħaddieħor għas-​salvazzjoni tagħna.

18. L-​attivitajiet Kristjani kif jistgħu jtejbu s-​sens tagħna taʼ identità Kristjana?

18 Ipparteċipa kemm tiflaħ fl-​attivitajiet Kristjani. Ġie osservat li “x-​xogħol jifforma l-​identità persunali.” Il-​Kristjani llum ġew inkarigati jagħmlu x-​xogħol vitali taʼ l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna stabbilita t’Alla. Pawlu ddikjara: “Peress li, fir-​realtà, jien appostlu tal-​ġnus, nigglorifika l-​ministeru tiegħi.” (Rumani 11:13) Ix-​xogħol tagħna taʼ l-​ippridkar jiddistingwina mid-​dinja, u meta nieħdu sehem fih l-​identità Kristjana tagħna tispikka iktar. Jekk nieħdu sehem kemm nifilħu f’attivitajiet teokratiċi oħra, bħal-​laqgħat Kristjani, programmi għall-​bini taʼ postijiet tal-​qima, sforzi biex ngħinu lil min hu fil-​bżonn, u affarijiet bħal dawn se nqawwu s-​sens tagħna taʼ identità bħala Kristjani.​—Galatin 6:​9, 10; Ebrej 10:​23, 24.

Identità Ċara, Barkiet Reali

19, 20. (a) Liema benefiċċji gawdejt personalment minħabba li int Kristjan? (b) X’jagħtina l-​bażi għall-​identità vera tagħna?

19 Ħu ftit ħin biex timmedita fuq il-​ħafna benefiċċji u vantaġġi li ngawdu minħabba li aħna Kristjani veri. Għandna l-​privileġġ li Ġeħova jirrikonoxxina personalment. Il-​profeta Malakija qal: “Hekk qalu wieħed lil ieħor dawk li jibżgħu mill-​Mulej; u l-​Mulej ta widen u samaʼ; u nkiteb quddiemu ktieb it-​tifkiriet minħabba f’dawk li jibżgħu minnu u dawk li jafdaw f’Ismu.” (Malakija 3:​16) Alla jistaʼ jħares lejna bħala ħbieb tiegħu. (Ġakbu 2:​23) Ħajjitna hija isbaħ minħabba li għandna skop ċar, sinifikat profond, u miri pożittivi u produttivi. U ngħatajna tama taʼ futur dejjiemi.​—Salm 37:9.

20 Ftakar li Alla hu l-​wieħed li jiddetermina min tassew int u kemm tiswa, mhux x’jaħseb ħaddieħor dwarek. Oħrajn għandhom mnejn jistmawna skond livelli umani li m’humiex xierqa. Imma l-​imħabba u l-​interess persunali t’Alla jagħtuna bażi reali għal dak li niswew​—aħna nappartjenu lilu. (Mattew 10:​29-​31) Mill-​banda l-​oħra, l-​imħabba tagħna stess għal Alla tistaʼ tipprovdilna l-​akbar sens taʼ identità u l-​iktar direzzjoni ċara f’ħajjitna. “Jekk xi ħadd iħobb lil Alla, Alla jkun jafu lil dan.”—1 Korintin 8:3.

[Nota taʼ taħt]

a Dan il-​kliem għandu mnejn jirreferi għax-​xogħol taʼ uffiċjal tat-​tempju fuq l-​għolja taʼ Ġerusalemm. Matul l-​għassa tal-​lejl, hu kien idur mat-​tempju biex jara jekk l-​għassiesa Leviti kinux imqajmin jew reqdin f’posthom. Kull għassies li kien jinstab rieqed kien jingħata daqqa b’lasta, u ħwejġu setgħu jiġu maħruqa bħala kastig taʼ mistħija.

Tiftakar Int?

• Għala hu vitali li l-​Kristjani jħarsu l-​identità spiritwali tagħhom?

• Kif nistgħu nistabbilixxu fis-​sod l-​identità Kristjana tagħna?

• Meta niffaċċjaw l-​għażla dwar lil min għandna nogħġbu, liema fatturi jistgħu jgħinuna nieħdu deċiżjoni tajba?

• Kif jistaʼ sens qawwi taʼ identità Kristjana jeffettwa l-​futur tagħna bħala Kristjani?

[Stampi f’paġna 21]

Jekk nieħdu sehem kemm nifilħu f’attivitajiet Kristjani, l-​identità Kristjana tagħna se tispikka iktar

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja