Uliedna —Wirt Prezzjuż
“Ara, wirt il-Mulej huma l-ulied, ħlas tiegħu hu frott il-ġuf.” —SALM 127:3.
1. Kif seħħ it-twelid taʼ l-ewwel tarbija umana?
IKKUNSIDRA l-ġrajjiet mirakolużi li Alla Ġeħova għamel possibbli bil-mod kif ħalaq l-ewwel raġel u mara. Kemm il-missier, Adam, kif ukoll l-omm, Eva, taw xi ħaġa minnhom infushom li żviluppat f’ġuf Eva u saret persuna ġdida fformata għalkollox—l-ewwel tarbija umana. (Ġenesi 4:1) Sal-ġurnata taʼ llum, il-ġrajja tat-tnissil u t-twelid taʼ tarbija timliena bl-istagħġib u hija deskritta minn ħafna bħala xi ħaġa xejn inqas minn miraklu.
2. Għala tistaʼ tgħid li dak li jseħħ fil-ġuf taʼ mara tqila huwa miraklu?
2 Wara xi 270 ġurnata, iċ-ċellula oriġinali, li tkun inħolqot ġewwa l-omm meta din ngħaqdet mal-missier, issir tarbija magħmula minn triljuni taʼ ċelluli. Dik iċ-ċellula oriġinali fiha l-istruzzjonijiet meħtieġa biex tipproduċi iżjed minn 200 tip taʼ ċellula. Billi jsegwu dawn l-istruzzjonijiet meraviljużi, li l-bniedem ma jistax jifhem, dawn iċ-ċelluli kumplessi b’mod impressjonanti jiżviluppaw fl-ordni u l-manjiera eżatta biex tifforma persuna ħajja ġdida!
3. Ħafna nies li jirraġunaw għala jaqblu li Alla żgur hu l-Wieħed li għamel possibbli t-twelid taʼ bniedem ġdid?
3 Fl-opinjoni tiegħek, min taħseb li hu verament dak li għamel it-tarbija? Dan żgur li huwa l-Wieħed li ħalaq il-ħajja nfisha! Is-salmista Bibliku kanta: “Kunu afu li l-Mulej hu Alla: hu li għamilna, u mhux aħna lilna nfusna.” (Salm 100:3, Karm Żammit) Ġenituri, intom tafu tajjeb li ma kienx minħabba xi ħila speċjali min-naħa tagħkom li nissiltu tarbija prezzjuża bħal din. Ried ikun biss Alla t’għerf infinit biex b’miraklu joħloq bniedem ħaj ġdid. Għal eluf taʼ snin, nies li jirraġunaw taw il-kredtu lill-Ħallieq Grandjuż għall-ħolqien taʼ tarbija li tikber f’ġuf ommha. Hekk tagħmel int?—Salm 139:13-16.
4. Liema nuqqas tal-bniedem qatt ma nistgħu ngħidu li Ġeħova għandu minnu?
4 Madankollu, huwa Ġeħova Ħallieq mingħajr ebda sentimenti li sempliċement stabbilixxa proċess bijoloġiku sabiex l-irġiel u n-nisa setgħu jipproduċu nisel? Xi bnedmin m’għandhomx sentimenti, imma Ġeħova qatt m’huwa hekk. (Salm 78:38-40) Il-Bibbja tgħid f’Salm 127:3: “Ara, wirt il-Mulej huma l-ulied, ħlas tiegħu hu frott il-ġuf.” Ejja issa nikkunsidraw x’inhu wirt u taʼ xiex jagħti prova.
Wirt u Rigal
5. It-tfal għala huma wirt?
5 Wirt hu bħal rigal. Spiss il-ġenituri jaħdmu iebes u għal żmien twil sabiex ikunu jistgħu jħallu wirt lit-tfal tagħhom. Dan għandu mnejn jikkonsisti fi flus, proprjetà, jew forsi xi ħaġa taʼ valur li jkollhom. Ikun xi jkun il-każ, huwa evidenza taʼ l-imħabba tal-ġenituri. Il-Bibbja tgħid li lill-ġenituri Alla tahom lil uliedhom bħala wirt. Huma rigal kollu mħabba mingħandu. Jekk int ġenitur, tistaʼ tgħid li l-azzjonijiet tiegħek juru li int tqis liċ-ċkejknin tiegħek bħala rigal li l-Ħallieq taʼ l-univers fdalek f’idejk?
6. X’kien l-iskop taʼ Ġeħova li għamilha possibbli għall-bnedmin biex ikollhom it-tfal?
6 L-iskop taʼ Ġeħova li jagħti dan ir-rigal kien biex jimla l-art bid-dixxendenti taʼ Adam u Eva. (Ġenesi 1:27, 28; Isaija 45:18) Ġeħova ma ħalaqx lil kull bniedem individwalment, bħalma ħalaq lill-miljuni t’anġli. (Ebrej 1:7; Rivelazzjoni 4:11) Minflok, Alla għażel li joħloq lill-bnedmin bl-abbiltà li jkollhom tfal li jkunu tant jixbhuhom. Xi privileġġ meraviljuż hu dan għal omm u missier li jkollhom u jieħdu ħsieb persuna ġdida bħal din! Tirringrazzjawh intom bħala ġenituri lil Ġeħova talli għamilha possibbli għalikom li tgawdu dan il-wirt prezzjuż?
Tgħallem mill-Eżempju taʼ Ġesù
7. B’kuntrast maʼ dak li jagħmlu xi ġenituri, Ġesù kif wera interess u mogħdrija għal “ulied il-bnedmin”?
7 B’dispjaċir, mhux il-ġenituri kollha jqisu t-tfal bħala rigal. Ħafna ftit li xejn juru mogħdrija maʼ wliedhom. Ġenituri bħal dawn ma jimitawx l-attitudni taʼ Ġeħova jew taʼ Ibnu. (Salm 27:10; Isaija 49:15) B’kuntrast, ikkunsidra l-interess li wera Ġesù fit-tfal. Anki qabel Ġesù ġie fuq l-art bħala bniedem—meta għex bħala persuna spirtu setgħan fis-sema—il-Bibbja tgħid li kien ‘jitgħaxxaq b’ulied il-bnedmin.’ (Proverbji 8:31) Imħabbtu għall-bnedmin tant kienet kbira li minn jeddu ta ħajtu b’fidwa biex aħna jistaʼ jkollna l-ħajja taʼ dejjem.—Mattew 20:28; Ġwanni 10:18.
8.Ġesù kif ħalla eżempju tajjeb għall-ġenituri?
8 Meta kien fuq l-art, Ġesù ħalla eżempju mill-aqwa speċjalment għall-ġenituri. Ikkunsidra x’għamel. Hu qattaʼ l-ħin mat-tfal, anki meta kellu ħafna x’jagħmel u kellu stress. Kien joqgħod jarahom jilagħbu ħdejn is-suq u fit-tagħlim tiegħu semma xi affarijiet li rahom jagħmlu. (Mattew 11:16, 17) Matul l-aħħar vjaġġ tiegħu lejn Ġerusalemm, Ġesù kien jaf li kellu jbati u jinqatel. Għalhekk, meta n-nies ġabulu t-tfal biex jarawh, id-dixxipli taʼ Ġesù, x’aktarx biex inaqqsulu l-istress, ipprovaw ikeċċu lit-tfal. Imma Ġesù ċanfar lid-dixxipli tiegħu. Hu wera li kien ‘jitgħaxxaq’ biċ-ċkejknin u qal: “Ħallu t-tfal żgħar jiġu għandi; tipprovawx twaqqfuhom.”—Marku 10:13, 14.
9. Għala dak li nagħmlu jistaʼ jkun iktar importanti minn dak li ngħidu?
9 Aħna nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ Ġesù. Meta ż-żgħar jiġu għandna, kif nirreaġixxu—anki meta jkollna x’nagħmlu? Bl-istess mod li rreaġixxa Ġesù? Dak li t-tfal għandhom bżonn, speċjalment mill-ġenituri tagħhom, hu dak li Ġesù kien lest li jagħtihom—il-ħin u l-attenzjoni tiegħu. Veru, kliem bħal “inħobbok” huma importanti. Madankollu, dak li tagħmel hu iktar importanti minn dak li tgħid. L-imħabba tiegħek tintwera mhux biss b’dak li tgħid imma iktar u iktar b’dak li tagħmel. Tintwera billi tieħu ħsieb iċ-ċkejknin u tagħtihom mill-ħin u l-attenzjoni tiegħek. Madankollu, anki jekk tagħmel dan kollu, jistaʼ jkun li ma jkollokx riżultati ċari, għallinqas mhux daqshekk malajr. Meħtieġa l-paċenzja. Nistgħu rrawmu l-paċenzja jekk nimitaw il-mod li bih Ġesù ttratta lid-dixxipli tiegħu.
Il-Paċenzja u l-Affezzjoni taʼ Ġesù
10. Ġesù kif għallem lid-dixxipli tiegħu lezzjoni dwar l-umiltà, u kellu suċċess għall-ewwel?
10 Ġesù kien konxju tal-kompetizzjoni kontinwa għall-prominenza fost id-dixxipli tiegħu. Darba waħda, wara li wasal Kafarnahum mad-dixxipli tiegħu, staqsiehom: “‘Fuqiex kontu qed targumentaw fit-triq?’ Huma baqgħu siekta, għax fit-triq kienu argumentaw bejniethom dwar min hu l-akbar.” Minflok ma ċanfarhom bl-herra, Ġesù bil-paċenzja ġabilhom eżempju prattiku biex ikun jistaʼ jgħallimhom l-umiltà. (Marku 9:33-37) Dan li għamel ġab ir-riżultat mixtieq? Mhux fil-pront. Xi sitt xhur wara, Ġakbu u Ġwanni ħeġġew lil ommhom biex titlob lil Ġesù jagħtihom pożizzjonijiet prominenti fis-Saltna. Għal darb’oħra, Ġesù kkoreġa bil-paċenzja l-mod kif kienu jaħsbu.—Mattew 20:20-28.
11. (a) Liema drawwa naqsu li jagħmlu l-appostli taʼ Ġesù wara li waslu miegħu f’kamra taʼ fuq? (b) X’għamel Ġesù, u kellhom suċċess l-isforzi tiegħu dak il-ħin?
11 Il-Qbiż tas-sena 33 E.K. malajr wasal, u Ġesù flimkien maʼ l-appostli tiegħu ltaqgħu waħedhom biex jiċċelebrawh. Mal-wasla tagħhom fil-kamra taʼ fuq, ħadd mit-12-il appostlu ma ħa l-inizjattiva biex ikompli bid-drawwa tal-ħasil tas-saqajn mimlijin trab taʼ l-oħrajn—ix-xogħol baxx li kien isir minn qaddej jew mara fid-dar. (1 Samwel 25:41; 1 Timotju 5:10) Min jaf kemm tnikket Ġesù meta ra li d-dixxipli tiegħu komplew juru kilba għall-pożizzjoni! Għalhekk, Ġesù ħasel saqajn kulħadd u mbagħad talabhom bil-ħerqa jsegwu l-eżempju tiegħu li jaqdi lil oħrajn. (Ġwanni 13:4-17) Għamlu hekk huma? Il-Bibbja tgħid li iktar tard dik il-lejla “qam ukoll argument sħun fosthom dwar min minnhom kien jidher li hu l-akbar.”—Luqa 22:24.
12. Kif jistgħu l-ġenituri jimitaw lil Ġesù fl-isforzi tagħhom biex iħarrġu lil uliedhom?
12 Ġenituri, meta wliedkom jonqsu li jieħdu l-pariri tagħkom, tirrealizzaw kif setaʼ ħassu Ġesù? Ftakru li Ġesù ma qatax qalbu mill-appostli għalkemm huma ħadu ż-żmien biex jikkoreġu n-nuqqasijiet tagħhom. Il-paċenzja tiegħu pproduċiet il-frott maż-żmien. (1 Ġwanni 3:14, 18) Intom il-ġenituri tagħmlu tajjeb jekk timitaw l-imħabba u l-paċenzja taʼ Ġesù, billi ma taqtgħux qalbkom fl-isforzi tagħkom biex tħarrġu lil uliedkom.
13. Għala ġenitur m’għandux ikeċċi b’mod żorr lil tifel li jiġi jistaqsih xi ħaġa?
13 Iż-żgħar għandhom bżonn ikunu konxji li l-ġenituri tagħhom iħobbuhom u jinteressahom minnhom. Ġesù ried ikun jaf x’kienu jaħsbu d-dixxipli tiegħu, u għalhekk qagħad jismaʼ meta kellhom xi mistoqsijiet. Hu staqsa għall-opinjoni tagħhom dwar ċerti kwistjonijiet. (Mattew 17:25-27) Iva, it-tagħlim effettiv jinkludi li tismaʼ bl-attenzjoni u b’interess ġenwin. Ġenitur għandu jirreżisti xi inklinazzjoni li jkeċċi b’mod żorr lil tifel li jiġi jistaqsih xi ħaġa billi jgħidlu: “Itlaq ’l hemm! M’intix tara li għandi x’nagħmel?” Jekk ġenitur veru jkollu x’jagħmel, għandu jgħid lit-tifel li se jara x’għandu bżonn iktar tard. Il-ġenituri mbagħad għandhom ikunu żguri li jaraw x’ried it-tifel f’ħin ieħor. B’hekk, it-tifel se jinduna li l-ġenitur verament jinteressah minnu u iktar se jkun lest li jiftaħ qalbu mal-ġenitur.
14. X’jistgħu jitgħallmu l-ġenituri minn Ġesù dwar il-wiri taʼ l-affezzjoni lejn it-tfal tagħhom?
14 Huwa xieraq li l-ġenituri juru l-affezzjoni tagħhom billi jdawru idejhom madwar uliedhom u jgħannquhom? Hawnhekk, ukoll, il-ġenituri jistgħu jitgħallmu minn Ġesù. Il-Bibbja tgħid li “ħaddan it-tfal miegħu u beda jberikhom waqt li jpoġġi idejh fuqhom.” (Marku 10:16) Kif taħseb li rreaġixxew it-tfal? Żgur li qlubhom imtlew bil-ferħ u ħassewhom jinġibdu lejn Ġesù! Jekk hemm l-affezzjoni u l-imħabba ġenwina bejnkom il-ġenituri u t-tfal tagħkom, huma se jkunu iżjed lesti li jwieġbu għall-isforzi li tagħmlu biex tiddixxiplinawhom u tgħallmuhom.
Il-Kwistjoni taʼ Kemm Hemm Bżonn Ħin
15, 16. Liema idea dwar it-trobbija tat-tfal saret popolari, u milli jidher kif bdiet?
15 Xi wħud jiddubitaw jekk it-tfal għandhomx bżonn verament ħafna mill-ħin u l-attenzjoni mogħtija bl-imħabba mill-ġenituri tagħhom. Idea dwar it-trobbija tat-tfal li b’sengħa kbira tmexxiet ’il quddiem hi dak li ġie msejjaħ ħin taʼ kwalità. Dawk li jippromwovu din l-idea jsostnu li t-tfal m’għandhomx bżonn ħafna mill-ħin tal-ġenituri tagħhom ladarba l-ħin limitat li l-ġenituri jqattgħu mat-tfal tagħhom ikun siewi, preparat tajjeb, u pjanat. Hija din l-idea tal-ħin taʼ kwalità effettiva u mibdija bl-iskop li tkun taʼ ġid għat-tfal?
16 Kittieb wieħed li kien tkellem maʼ ħafna tfal qal li dak li “riedu l-iktar mill-ġenituri tagħhom kien iktar ħin,” flimkien m’“attenzjoni sħiħa.” Taʼ min jinnota, professur taʼ l-università qal: “It-terminu [ħin taʼ kwalità] inħoloq minħabba l-ħtija li ħassew il-ġenituri. In-nies sabu skuża tajba biex jiġġustifikaw ruħhom meta jqattgħu inqas ħin mat-tfal tagħhom.” Il-ġenituri kemm għandhom iqattgħu ħin maʼ wliedhom?
17. X’għandhom bżonn it-tfal mill-ġenituri tagħhom?
17 Il-Bibbja ma tgħidx. Madankollu, ġenituri Iżraelin ġew imħeġġin jitkellmu maʼ wliedhom meta jkunu d-dar, meta jkunu mexjin fit-triq, meta jimteddu, u meta jqumu. (Dewteronomju 6:7) Dan ifisser biċ-ċar li l-ġenituri għandhom jikkomunikaw maʼ wliedhom u jgħallmuhom il-ħin kollu u kuljum.
18. Ġesù kif ħa vantaġġ minn opportunitajiet biex iħarreġ lid-dixxipli, u l-ġenituri x’jistgħu jitgħallmu minn dan?
18 Ġesù ħarreġ lid-dixxipli tiegħu b’suċċess meta kiel magħhom, ivvjaġġa magħhom, u saħansitra qattaʼ ħin taʼ mistrieħ magħhom. B’hekk, hu ħa vantaġġ minn kull opportunità biex jgħallimhom. (Marku 6:31, 32; Luqa 8:1; 22:14) Bl-istess mod, ġenituri Kristjani għandhom ikunu għaqlin biżżejjed ħalli jużaw kull opportunità biex jistabbilixxu u jżommu komunikazzjoni tajba maʼ wliedhom u biex iħarrġuhom fil-mogħdijiet taʼ Ġeħova.
X’Tgħallem u Kif
19. (a) X’inhu meħtieġ minbarra li tqattaʼ l-ħin mat-tfal? (b) Il-ġenituri l-ewwelnett x’jeħtieġ li jgħallmu lit-tfal?
19 Il-fatt li sempliċement tqattaʼ ħin mat-tfal u saħansitra li tgħallimhom m’huwiex biżżejjed biex trabbihom b’suċċess. Huwa vitali wkoll dak li tgħallimhom. Innota kif il-Bibbja tenfasizza x’għandu jkun dan. “Dan il-kliem u dawn il-kmandamenti li qiegħed nagħtik illum,” hi tgħid, “tennihom lil uliedek.” X’inhu “dan il-kliem” li t-tfal jeħtieġ li jiġu mgħallmin? Jidher ċar li huwa l-kliem li kien għadu kif issemma, jiġifieri: “Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha.” (Dewteronomju 6:5-7) Ġesù qal li dan huwa l-iktar importanti mill-kmandamenti kollha t’Alla. (Marku 12:28-30) Il-ġenituri l-ewwelnett jeħtieġ li jgħallmu lit-tfal dwar Ġeħova, u jispjegawlhom għala hu biss jistħoqqlu l-imħabba u d-devozzjoni tagħna b’qalb sħiħa.
20. Ħafna żmien ilu, Alla xi kkmanda lill-ġenituri biex jgħallmu lil uliedhom?
20 Madankollu, “dan il-kliem” li lġenituri huma mħeġġin jgħallmu lil uliedhom jinkludi iktar milli sempliċement tħobb lil Alla b’ruħek kollha. Se tinnota li fil-kapitlu taʼ qabel tad-Dewteronomju, Mosè reġaʼ tenna l-liġijiet li Alla kiteb fuq it-twavel tal-ġebel—l-Għaxar Kmandamenti. Dawn il-liġijiet jinkludu kmandi biex wieħed ma jigdibx, ma jisraqx, ma joqtolx, u ma jikkommettix adulterju. (Dewteronomju 5:11-22) Għalhekk, f’dak iż-żmien il-ġenituri ġew megħjuna jifhmu ċar il-bżonn li jgħallmu valuri morali lil uliedhom. Il-ġenituri Kristjani taʼ llum iridu jipprovdu lil uliedhom istruzzjonijiet simili jekk iridu jgħinuhom ikollhom futur sigur u hieni.
21. X’kienet tfisser l-istruzzjoni li ‘ttenni’ l-kelma t’Alla lit-tfal?
21 Innota li l-ġenituri jintqalilhom kif għandhom jgħallmu “dan il-kliem,” jew il-kmandamenti, lit-tfal tagħhom: “Tennihom lil uliedek.” Il-kelma oriġinali għal ‘ittenni’ tfisser ‘li tgħallem u ddaħħal b’ripetizzjonijiet jew twissijiet spissi: inkuraġġixxi jew saħħaħ fil-moħħ.’ Mela bażikament, Alla qed jgħid lill-ġenituri biex jistabbilixxu programm pjanat taʼ istruzzjoni mill-Bibbja li l-għan speċifiku tiegħu huwa li jnaqqxu affarijiet spiritwali fi mħuħ uliedhom.
22. Xi ntqalilhom jagħmlu l-ġenituri Iżraelin biex jgħallmu lil uliedhom, u x’kien ifisser dan?
22 Programm pjanat bħal dan jirrikjedi linizjattiva tal-ġenituri. Il-Bibbja tgħid: “Torbothom [jiġifieri “dan il-kliem u dawn il-kmandamenti” t’Alla] b’sinjal maʼ idek u ddendilhom bejn għajnejk. U tiktibhom mal-ġnub tal-bibien u fuq il-bwieb tiegħek.” (Dewteronomju 6:8, 9) Dan ma jfissirx li l-ġenituri għandhom letteralment jiktbu l-liġijiet t’Alla mal-ġnub tal-bibien u fuq il-bwieb, jorbtu kopja minnhom maʼ idejn uliedhom, u jdendlu waħda bejn għajnejhom. Minflok, il-punt hu li l-ġenituri għandhom ifakkru lil uliedhom il-ħin kollu dwar it-tagħlim t’Alla. Uliedhom tant għandhom jiġu mgħallma b’mod regulari u konsistenti li jkun bħallikieku t-tagħlim t’Alla qiegħed quddiem it-tfal il-ħin kollu.
23. X’se jiġi kunsidrat fil-lezzjoni tal-ġimgħa ddieħla?
23 X’inhuma xi affarijiet importanti ferm li l-ġenituri jeħtieġ li jgħallmu lil uliedhom? Għala hemm bżonn vitali llum li t-tfal jiġu kemm mgħallma kif ukoll imħarrġa biex jipproteġu lilhom infushom? Liema għajnuna hija issa disponibbli għall-ġenituri biex tgħinhom jgħallmu ’l uliedhom b’mod effettiv? Dawn u mistoqsijiet oħrajn li jinteressaw lil ħafna ġenituri se jiġu kunsidrati fl-artiklu li jmiss.
Int Kif Twieġeb?
• Il-ġenituri għala għandhom iqisu lit-tfal tagħhom prezzjużi?
• X’jistgħu jitgħallmu l-ġenituri u oħrajn minn Ġesù?
• Il-ġenituri kemm għandhom jiddedikaw ħin għat-tfal tagħhom?
• X’għandhom jiġu mgħallmin it-tfal, u kif għandu jingħata t-tagħlim?
[Stampa f’paġna 10]
X’jistgħu jitgħallmu l-ġenituri mill-mod li bih għallem Ġesù?
[Stampi f’paġna 11]
Meta u kif kellhom il-ġenituri Iżraelin jgħallmu lil uliedhom?
[Stampi f’paġna 12]
Il-ġenituri għandhom ifakkru lil uliedhom dwar it-tagħlim t’Alla