LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 4/15 pp. 15-20
  • Ħalli l-Kelma t’Alla Tkun Dawl fil-Mogħdija Tiegħek

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħalli l-Kelma t’Alla Tkun Dawl fil-Mogħdija Tiegħek
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Għala Titgħaxxaq bil-​Kelma t’Alla?
  • Fanal għal Riġlejna
  • Sostnuti mill-​Kelma t’Alla
  • Itlob bil-​Fidi
  • Megħjunin mit-​Tfakkiriet taʼ Ġeħova
  • Fis-​Sigurtà u fil-​Paċi
  • Dawl Dejjiemi għall-​Mogħdija Tagħna
  • Afda fil-Kelma taʼ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • “Imxi fil-​liġi taʼ Ġeħova”
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2016
  • Tħobbhom Ħafna Int it-Tfakkiriet taʼ Jehovah?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Kemm Tħobbha l-Kelma t’Alla?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 4/15 pp. 15-20

Ħalli l-​Kelma t’Alla Tkun Dawl fil-​Mogħdija Tiegħek

“Il-​kelma tiegħek . . . dawl fil-​mogħdija tiegħi.”​—SALM 119:​105.

1, 2. Il-​kelma taʼ Ġeħova f’liema ċirkustanzi ddawlilna l-​mogħdija?

IL-​KELMA taʼ Ġeħova ddawlilna l-​mogħdija jekk inħalluha. Biex ingawdu dan id-​dawl spiritwali, irridu nkunu studenti beżlin tal-​Kelma miktuba t’Alla u napplikaw il-​pariri li tagħtina. B’hekk biss jistaʼ jkollna l-​istess sentimenti li kellu s-​salmista: “Fanal għal riġlejja l-​kelma tiegħek, u dawl fil-​mogħdija tiegħi.”​—Salm 119:​105.

2 Ejja issa nikkunsidraw Salm 119:​89-​176. X’abbundanza taʼ informazzjoni hemm f’dawn il-​versi, irranġati fi 11-il stanza! Dawn jistgħu jgħinuna biex nibqgħu fit-​triq li tagħti għall-​ħajja taʼ dejjem.​—Mattew 7:​13, 14.

Għala Titgħaxxaq bil-​Kelma t’Alla?

3 .Salm 119:​89, 90 kif juri li nistgħu niddependu mill-​kelma t’Alla?

3 Jekk nitgħaxxqu bil-​kelma taʼ Ġeħova r-​riżultat ikun stabbiltà spiritwali. (Salm 119:​89-​96) Is-​salmista kanta: “Għal dejjem, Mulej, il-​kelma tiegħek; hi mwaqqfa fis-​sod fis-​smewwiet. . . . fuq l-​art waqqaftha, u żammet fis-​sod.” (Salm 119:​89, 90) Permezz tal-​kelma t’Alla​—“il-​liġijiet tas-​sema” tiegħu​—ix-​xemx, il-​qamar, u l-​kwiekeb jitħarrku b’mod perfett fl-​orbiti tagħhom u l-​art hi stabbilita b’mod sod għal dejjem. (Ġob 38:​31-​33; Salm 104:​5) Aħna nistgħu niddependu minn kull kelma li toħroġ minn fomm Ġeħova; dak li jgħid Alla żgur li se jkollu suċċess fit-​twettiq taʼ l-​iskop tiegħu.​—Isaija 55:​8-​11.

4. L-​għaxqa għall-​kelma t’Alla x’tagħmlilhom lill-​qaddejja tiegħu li jsofru l-​persekuzzjoni?

4 Is-​salmista ‘kien jintemm fin-​niket tiegħu li ma sabx l-​hena fil-​liġi t’Alla.’ (Salm 119:​92) Ma kienx qed jiġi persegwitat mill-​barranin; kienu qed jobogħduh Iżraelin li bdew jiksru l-​liġi. (Levitiku 19:​17) Imma dan ma nikktux, għax hu kien iħobb il-​liġi t’Alla li sostnietu. F’Korintu, l-​appostlu Pawlu kien “f’perikli fost aħwa foloz,” li forsi fosthom kien hemm “l-​appostli raffinati żżejjed” li kienu qed jipprovaw jakkużawh. (2 Korintin 11:​5, 12-​14, 26) Madankollu, Pawlu baqaʼ b’saħħtu spiritwalment għaliex kien jitgħaxxaq bil-​kelma t’Alla. Ladarba nitgħaxxqu bil-​Kelma miktuba taʼ Ġeħova u napplikaw dak li tgħidilna, aħna nħobbu lil ħutna. (1 Ġwanni 3:​15) Saħansitra l-​mibegħda tad-​dinja ma ġġagħalna ninsew ebda waħda mill-​istruzzjonijiet t’Alla. Aħna nibqgħu nagħmlu r-​rieda tiegħu magħqudin bi mħabba maʼ ħutna hekk kif inħarsu ’l quddiem lejn eternità taʼ servizz ferrieħi lil Ġeħova.​—Salm 119:​93.

5. Is-​Sultan Asa kif fittex lil Ġeħova?

5 Biex nesprimu d-​devozzjoni tagħna lil Ġeħova, nistgħu nitolbu: “Tiegħek jien; salvani int! Jiena nfittex il-​preċetti tiegħek.” (Salm 119:​94) Is-​Sultan Asa fittex lil Alla u qered l-​apostasija f’Ġuda. F’assemblea kbira li saret fil-​15-il sena tar-​renju t’Asa (963 Q.E.K.), l-​abitanti taʼ Ġuda “daħlu f’patt u wiegħdu li jfittxu l-​Mulej” Ġeħova. Alla ħalliehom ‘isibuh’ u “tahom il-​mistrieħ madwarhom kollu.” (2 Kronaki 15:​10-​15) Dan l-​eżempju għandu jinkuraġġixxi lil kulmin tbiegħed mill-​kongregazzjoni Kristjana biex jerġaʼ jfittex lil Alla. Hu se jbierek u jipproteġi lil dawk li jerġgħu jissieħbu b’mod attiv mal-​poplu tiegħu.

6. Liema aġir se jipproteġina mill-​ħsara spiritwali?

6 Il-​kelma taʼ Ġeħova tagħti għerf li jistaʼ jipproteġina mill-​ħsara spiritwali. (Salm 119:​97-​104) Il-​kmandamenti t’Alla jagħmluna iktar għorrief mill-​għedewwa tagħna. Jekk nagħtu kas it-​tfakkiriet tiegħu, dawn jagħtuna d-​dehen, u nkunu ‘bil-​għaqal iktar mix-​xjuħ, għax inħarsu l-​preċetti tiegħu.’ (Salm 119:​98-​100) Jekk dak li jgħid Ġeħova hu ‘oħla mill-​għasel għal fommna,’ aħna se nobogħdu u nevitaw “kull triq qarrieqa.” (Salm 119:​103, 104) Dan iservi bħala protezzjoni mill-​ħsara spiritwali meta niltaqgħu maʼ nies kburin u kefrin li jiċħdu ’l Alla f’dawn l-​aħħar jiem.​—2 Timotju 3:​1-​5.

Fanal għal Riġlejna

7, 8. Fi qbil maʼ Salm 119:​105, x’għandna bżonn nagħmlu?

7 Il-​kelma t’Alla hi sors taʼ dawl spiritwali li ma jintefa qatt. (Salm 119:​105-​112) Kemm jekk aħna Kristjani midlukin u kemm jekk aħna sħabhom min-​“nagħaġ oħrajn,” niddikjaraw: “Fanal għal riġlejja l-​kelma tiegħek, u dawl fil-​mogħdija tiegħi.” (Ġwanni 10:​16; Salm 119:​105) Il-​kelma t’Alla hi bħal fanal li jdawwal il-​mogħdija tagħna, u b’hekk ma nitfixklux spiritwalment. (Proverbji 6:​23) Madankollu, irridu personalment inħallu l-​kelma taʼ Ġeħova tkun fanal għal riġlejna.

8 Irridu nkunu deċiżi daqs min ikkompona Salm 119. Hu kien determinat li ma jwarrabx mill-​preċetti t’Alla. “Ħlift,” qal hu, “u rrid inżomm kelmti, li nħares id-​digrieti ġusti [taʼ Ġeħova].” (Salm 119:​106) Jalla qatt ma nnaqqsu l-​valur taʼ l-​istudju tal-​Bibbja u l-​parteċipazzjoni fil-​laqgħat Kristjani fuq bażi regulari.

9, 10. Kif nafu li individwi dedikati lil Ġeħova jistgħu ‘jwarrbu mill-​preċetti tiegħu,’ imma dan kif jistaʼ jiġi evitat?

9 Is-​salmista ‘ma warrabx mill-​preċetti [t’Alla],’ imma dan jistaʼ jiġri lil xi ħadd li hu dedikat lil Ġeħova. (Salm 119:​110) Is-​Sultan Salamun warrab, għalkemm kien membru taʼ ġens dedikat lil Ġeħova u fil-​bidu tar-​renju tiegħu aġixxa fi qbil maʼ l-​għerf li tah Alla. “In-​nisa barranin ġagħluh jidneb” billi ħajruh iqim lil allat foloz.​—Neħemija 13:​26; 1 Slaten 11:​1-​6.

10 In-​“nassab,” Satana, iqiegħed ħafna nases. (Salm 91:​3) Per eżempju, xi ħadd li kien aduratur jistaʼ jipprova jħajjarna nwarrbu mill-​mogħdija taʼ dawl spiritwali biex nidħlu fid-​dlam taʼ l-​apostasija. Fost il-​Kristjani fi Tjatira, kien hemm “dik il-​mara Ġeżabel” li x’aktarx li kienet grupp taʼ nisa li kienu qed jgħallmu lil oħrajn jipprattikaw l-​idolatrija u jagħmlu ż-​żína. Ġesù ma ttollerahx dan il-​ħażen, u lanqas m’għandna nittollerawh aħna. (Rivelazzjoni 2:​18-​22; Ġuda 3, 4) Għalhekk, ejja nitolbu għall-​għajnuna taʼ Ġeħova sabiex ma nwarrbux mill-​preċetti tiegħu imma nibqgħu fid-​dawl divin.​—Salm 119:​111, 112.

Sostnuti mill-​Kelma t’Alla

11. Skond Salm 119:​119, Alla kif iqishom il-​ħżiena?

11 Jekk qatt ma nitbiegħdu mill-​kmandamenti tiegħu, Alla se jsostnina. (Salm 119:​113-​120) Aħna ma napprovawhomx “in-​nies taʼ żewġt iqlub,” bħalma Ġesù llum ma japprovax lil dawk li jgħidu li huma Kristjani imma fl-​istess ħin huma berdin. (Salm 119:​113; Rivelazzjoni 3:​16) Peress li aħna naqdu lil Ġeħova b’qalbna kollha, hu “l-​kenn” tagħna u se jsostnina. Hu ‘jistmell ’il kull min jitbiegħed mill-​kmandamenti tiegħu’ għax jirrikorri għall-​ingann u l-​qerq. (Salm 119:​114, 117, 118; Proverbji 3:​32) Lil dawn il-​ħżiena jqishom bħala “skart”​—impuritajiet li jitneħħew minn metalli taʼ valur bħalma huma l-​fidda u d-​deheb. (Salm 119:​119; Proverbji 17:3) Jalla dejjem nuru mħabba għat-​tfakkiriet t’Alla, għax aħna żgur li ma rridux nissieħbu mal-​ħżiena fuq il-​munzell skart tal-​qerda!

12. Għala hu importanti l-​biżaʼ minn Ġeħova?

12 “Jitkexkex ġismi bil-​biżaʼ tiegħek [Ġeħova],” qal is-​salmista. (Salm 119:​120) Hu vitali li jkollna biżaʼ bnin minn Alla, u dan nuruh billi nevitaw dak li ma japprovax hu, jekk irriduh isostnina bħala l-​qaddejja tiegħu. Ġob kien raġel sewwa matul ħajtu għax kellu biżaʼ riverenzjali minn Ġeħova. (Ġob 1:​1; 23:​15) Il-​biżaʼ minn Alla jistaʼ jgħinna nipperseveraw f’ħajja li għandha l-​favur t’Alla, hu x’inhu dak li rridu nissaportu. Iżda, is-​sabar jirrikjedi talb bil-​ħerqa li jingħad bil-​fidi.​—Ġakbu 5:​15.

Itlob bil-​Fidi

13-15. (a) Għala jistaʼ jkollna l-​fidi li t-​talb tagħna se jitwieġeb? (b) X’jistaʼ jiġri jekk ma nkunux nafu x’se ngħidu fit-​talb? (ċ) Uri kif Salm 119:​121-​128 jistaʼ jiġi relatat mal-​“krib li ma jitlissinx” tagħna fit-​talb.

13 Nistgħu nitolbu bil-​fidi li Alla se jaġixxi għan-​nom tagħna. (Salm 119:​121-​128) Bħas-​salmista, aħna ċerti li t-​talb tagħna se jitwieġeb. Għala? Għaliex il-​kmandamenti t’Alla nħobbuhom “aktar mid-​deheb, mid-​deheb l-​aktar fin.” Iktar minn hekk, ‘aħna nimxu dritt fuq il-​preċetti t’Alla.’​—Salm 119:​127, 128.

14 Ġeħova jismaʼ l-​petizzjonijiet tagħna għaliex aħna nitolbu bil-​fidi u wkoll noqogħdu attenti li ngħixu fi qbil mal-​preċetti tiegħu. (Salm 65:​3, 4a [65:​2, NW]) Imma x’jiġri jekk kultant ikollna problemi li tant iħawduna li ma nkunux nafu x’se ngħidu fit-​talb? F’dak il-​każ, “l-​ispirtu nnifsu jitlob bil-​ħniena għalina bi krib li ma jitlissinx.” (Rumani 8:​26, 27) Meta jiġri hekk, Alla jaċċetta l-​espressjonijiet li hemm fil-​Kelma tiegħu bħala talb li jirrappreżenta l-​ħtiġijiet tagħna.

15 L-​Iskrittura hi mimlija talb u ħsibijiet li huma relatati mal-​“krib li ma jitlissinx” tagħna. Per eżempju, ikkunsidra Salm 119:​121-​128. Il-​mod kif inhuma miktubin l-​affarijiet hawnhekk jistaʼ jkun jaqbel maċ-​ċirkustanzi tagħna. Per eżempju, jekk nibżgħu li niġu maħqurin, nistgħu nitolbu għall-​għajnuna t’Alla kif talab is-​salmista. (Versi 121-​123) Suppost li għandna bżonn nieħdu xi deċiżjoni li tkun diffiċli ferm. Allura, nistgħu nitolbu li l-​ispirtu taʼ Ġeħova jgħinna biex niftakru u napplikaw it-​tfakkiriet tiegħu. (Versi 124, 125) Għalkemm ‘nobogħdu kull triq qarrieqa,’ forsi jkollna bżonn nitolbu lil Alla sabiex jaġixxi għalina ħalli ma nċedux għal xi tentazzjoni biex niksru l-​liġi tiegħu. (Versi 126-​128) Jekk naqraw il-​Bibbja kuljum, meta nitolbu bil-​ħerqa lil Ġeħova jistgħu jiġuna f’moħħna dawn is-​siltiet li jgħinuna.

Megħjunin mit-​Tfakkiriet taʼ Ġeħova

16, 17. (a) Għala għandna bżonnhom it-​tfakkiriet t’Alla, u kif għandna nħarsu lejhom? (b) Oħrajn kif għandhom mnejn iħarsu lejna, imma x’jimpurtana tassew?

16 Irridu nagħtu kas it-​tfakkiriet t’Alla biex jinstemaʼ t-​talb tagħna u ngawdu l-​favur Tiegħu. (Salm 119:​129-​136) Ladarba ninsew, għandna bżonn it-​tfakkiriet meraviljużi taʼ Ġeħova li jfakkruna fl-​istruzzjonijiet u l-​kmandamenti tiegħu. Naturalment, aħna napprezzaw it-​tidwil spiritwali li naraw kull darba li nifhmu xi ħaġa ġdida dwar il-​kliem t’Alla. (Salm 119:​129, 130) Aħna grati wkoll li Ġeħova ħalla lil ‘wiċċu jiddi fuqna’ b’approvazzjoni, għalkemm ‘id-​dmugħ bħal wied iġelben minn għajnejna’ minħabba li oħrajn jiksru l-​liġi tiegħu.​—Salm 119:​135, 136; Numri 6:​25.

17 Aħna ċerti li l-​favur t’Alla jibqaʼ fuqna jekk ngħixu fi qbil mat-​tfakkiriet ġusti tiegħu. (Salm 119:​137-​144) Bħala qaddejja taʼ Ġeħova, aħna nirrikonoxxu li hu għandu d-​dritt li jġibilna għall-​attenzjoni tagħna t-​tfakkiriet ġusti tiegħu u jqegħedhom fuqna bħala kmandamenti li għandna nobduhom. (Salm 119:​138) Ladarba s-​salmista obda l-​kmandamenti t’Alla, għala qal: “Jien żgħir u mżeblaħ”? (Salm 119:​141) Milli jidher, kien qed jirreferi għall-​mod kif kienu jħarsu lejh l-​għedewwa tiegħu. Jekk ma nagħmlux kompromessi fil-​waqfa tagħna favur dak li hu ġust u sewwa, oħrajn għandhom mnejn iżebilħuna. Madankollu, dak li jimpurtana tassew hu li Ġeħova jħares lejna b’approvazzjoni għaliex aħna ngħixu fi qbil mat-​tfakkiriet ġusti tiegħu.

Fis-​Sigurtà u fil-​Paċi

18, 19. X’jirriżulta milli nosservaw it-​tfakkiriet t’Alla?

18 Jekk nosservaw it-​tfakkiriet t’Alla, se nibqgħu qribu. (Salm 119:​145-​152) Peress li noqogħdu attenti għat-​tfakkiriet taʼ Ġeħova, aħna nafu li nistgħu nsejħulu b’qalbna kollha u nistgħu nistennew li se jismagħna. Forsi nqumu “sa minn qabel is-​sebħ” u ngħajtu għall-​għajnuna. X’ħin sabiħ biex titlob! (Salm 119:​145-​147) Alla hu qribna wkoll għaliex nevitaw il-​kondotta laxka u nqisu l-​kelma tiegħu bħala l-​verità, saħansitra bħalma għamel Ġesù. (Salm 119:​150, 151; Ġwanni 17:​17) Ir-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova ssostnina f’din id-​dinja mimlija inkwiet u se tgħaddina minn ġol-​gwerra kbira tiegħu t’Armageddon.​—Rivelazzjoni 7:​9, 14; 16:​13-​16.

19 Peress li għandna rispett profond lejn il-​kelma t’Alla, aħna ngawdu sigurtà vera. (Salm 119:​153-​160) Kuntrarju għall-​ħżiena, aħna ma tbegħedniex mit-​tfakkiriet taʼ Ġeħova. Inħobbuhom il-​preċetti t’Alla, u għalhekk ninsabu fis-​sigurtà minħabba l-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħu. (Salm 119:​157-​159) It-​tfakkiriet taʼ Ġeħova jistimulaw il-​memorja tagħna, u b’hekk niftakru x’jirrikjedi minna f’sitwazzjonijiet speċifiċi. Mill-​banda l-​oħra, il-​preċetti t’Alla huma direttivi, u aħna nirrikonoxxu bla diffikultà d-​dritt li għandu l-​Ħallieq tagħna biex jidderiġina. Peress li aħna konxji tal-​fatt li ‘s-​sewwa t’Alla l-​qofol taʼ kelmtu’ u li ma nistgħux nidderieġu l-​passi tagħna stess b’mod indipendenti, aħna naċċettaw bil-​ferħ id-​direzzjoni divina.​—Salm 119:​160; Ġeremija 10:​23.

20. Għala għandna “sliem bil-​kotra”?

20 L-​imħabba li għandna għal-​liġi taʼ Ġeħova ġġibilna sliem bil-​kotra. (Salm 119:​161-​168) Il-​persekuzzjoni ma tisirqilniex “il-​paċi t’Alla” li xejn ma jistaʼ jitqabbel magħha. (Filippin 4:​6, 7) Tant napprezzawhom id-​digrieti taʼ Ġeħova li spiss infaħħruh għalihom​—“sebaʼ darbiet kull jum.” (Salm 119:​161-​164) “Sliem bil-​kotra għal min iħobb il-​liġi tiegħek,” kanta s-​salmista, “ma hemm ebda tfixkil għalihom.” (Salm 119:​165) Jekk aħna bħala individwi nħobbu u nosservaw il-​liġi taʼ Ġeħova, m’aħniex se nitfixklu spiritwalment b’dak li jagħmel ħaddieħor jew b’xi kwistjoni oħra.

21. Liema eżempji Skritturali juru li m’għandniex għalfejn nitfixklu jekk iqumu xi diffikultajiet fil-​kongregazzjoni?

21 Bosta individwi li hemm fil-​Bibbja ma ħallew xejn ikun taʼ xkiel dejjiemi għalihom. Per eżempju, ir-​raġel Kristjan Gaju ma tfixkilx imma ‘kompla miexi fil-​verità’ minkejja l-​kondotta taʼ Dijotrefe li ċaħad lil Alla. (3 Ġwanni 1-​3, 9, 10) Pawlu ħeġġeġ lin-​nisa Kristjani Evodja u Sintike “biex ikunu taʼ l-​istess fehma fil-​Mulej,” x’aktarx għaliex kienu qamu xi diffikultajiet bejniethom. Milli jidher, ġew megħjunin biex isolvu l-​problema tagħhom, u huma komplew jaqdu lil Ġeħova fedelment. (Filippin 4:​2, 3) Għalhekk, m’għandniex għalfejn nitfixklu jekk iqumu xi tip taʼ diffikultajiet fil-​kongregazzjoni. Ejja nikkonċentraw fuq li nosservaw il-​preċetti taʼ Ġeħova u niftakru li ‘l-​imġiba tagħna kollha qiegħda quddiem għajnejh.’ (Salm 119:​168; Proverbji 15:​3) B’hekk, xejn ma se jisirqilna b’mod permanenti s-​“sliem bil-​kotra.”

22. (a) Jekk nobdu lil Alla, liema privileġġ nistgħu ngawdu? (b) Kif għandna nħarsu lejn xi wħud li telqu mill-​kongregazzjoni Kristjana?

22 Jekk dejjem nobdu lil Ġeħova, se jkollna l-​privileġġ li nkomplu nfaħħruh. (Salm 119:​169-​176) Billi ngħixu fi qbil mal-​kmandamenti t’Alla, mhux biss ingawdu s-​sigurtà spiritwali imma wkoll ‘jinfexxu xofftejna fit-​tifħir’ taʼ Ġeħova. (Salm 119:​169-​171, 174) Dan hu l-​akbar privileġġ li jistaʼ jkollna f’dawn l-​aħħar jiem. Is-​salmista ried jibqaʼ ħaj u jfaħħar lil Ġeħova, imma b’xi mod mhux rivelat, hu kien ‘ħareġ mit-​triq bħal nagħġa mitlufa.’ (Salm 119:​175, 176) Xi wħud li telqu mill-​kongregazzjoni Kristjana forsi għadhom iħobbu lil Alla u jridu jfaħħruh. Għalhekk, ejja nagħmlu l-​almu tagħna biex ngħinuhom ħalli jerġgħu jsibu s-​sigurtà spiritwali u jesperjenzaw il-​ferħ li jiġi milli jfaħħru lil Ġeħova mal-​poplu tiegħu.​—Ebrej 13:​15; 1 Pietru 5:​6, 7.

Dawl Dejjiemi għall-​Mogħdija Tagħna

23, 24. Kif ibbenefikajt minn Salm 119?

23 Salm 119 jistaʼ jkun taʼ ġid għalina b’diversi modi. Per eżempju, jistaʼ jagħmilna nistrieħu iktar fuq Alla għax is-​salm juri li l-​hena veru jirriżulta milli ‘nimxu fil-​liġi tal-​Mulej.’ (Salm 119:​1) Is-​salmista jfakkarna li ‘s-​sewwa t’Alla l-​qofol taʼ kelmtu.’ (Salm 119:​160) Dan żgur li għandu jkabbrilna l-​apprezzament lejn il-​Kelma miktuba t’Alla kollha kemm hi. Il-​meditazzjoni fuq Salm 119 għandha tqanqalna biex nistudjaw l-​Iskrittura bir-​reqqa. Is-​salmista talab lil Alla ripetutament: “Għallimni l-​kmandamenti tiegħek.” (Salm 119:​12, 68, 135) Talab bil-​ħerqa wkoll: “Fehma tajba u għerf għallimni, għax jien nemmen fil-​kmandamenti tiegħek.” (Salm 119:​66) Aħna nagħmlu tajjeb li nitolbu b’mod simili.

24 It-​tagħlim divin jagħmilha possibbli li jkollna relazzjoni mill-​qrib maʼ Ġeħova. Is-​salmista jsejjaħ lilu nnifsu ripetutament qaddej t’Alla. Fil-​fatt, hu jindirizza lil Ġeħova bil-​kliem kommoventi: “Tiegħek jien.” (Salm 119:​17, 65, 94, 122, 125; Rumani 14:​8) Xi privileġġ li taqdi u tfaħħar lil Ġeħova bħala wieħed jew waħda mix-​Xhieda tiegħu! (Salm 119:​7) Qiegħed int taqdi lil Alla bil-​ferħ bħala xandâr tas-​Saltna? Jekk iva, tistaʼ tkun ċert li Ġeħova se jkompli jappoġġak u jbierkek f’din l-​attività privileġġata jekk tafda dejjem fil-​kelma tiegħu u tħalliha ddawwallek il-​mogħdija tiegħek.

Int Kif Twieġeb?

• Għala għandna nitgħaxxqu bil-​kelma t’Alla?

• Kif niġu sostnuti mill-​kelma t’Alla?

• B’liema modi niġu megħjunin mit-​tfakkiriet taʼ Ġeħova?

• In-​nies taʼ Ġeħova għala qegħdin fis-​sigurtà u fil-​paċi?

[Stampa f’paġna 16]

Il-​kelma t’Alla hija sors taʼ dawl spiritwali

[Stampa f’paġna 17]

Jekk inħobbu t-​tfakkiriet taʼ Ġeħova, hu qatt ma se jqisna bħala “skart”

[Stampi f’paġna 18]

Jekk naqraw il-​Bibbja kuljum, jistgħu faċilment jiġuna f’moħħna siltiet t’għajnuna meta nitolbu

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja