It-Tama taʼ l-Irxoxt—Xi Tfisser Għalik?
“Int tiftaħ idek, u taqtaʼ x-xewqa taʼ kull maħluq.”—SALM 145:16, KŻ.
1-3. X’tama għandhom xi wħud għall-futur? Agħti eżempju.
CHRISTOPHER, li kellu disaʼ snin, u ħuh kienu qattgħu n-nofs taʼ nhar taʼ fil-għodu maʼ zijuhom, zithom, u ż-żewġ kuġini tagħhom fil-ministeru Kristjan, iżuru n-nies minn dar għal dar viċin Manchester, l-Ingilterra. Ir-rivista Awake! spjegat x’ġara. “Wara nofsinhar irħewlha flimkien lejn Blackpool, post ħdejn il-baħar, sabiex iżuru xi postijiet taʼ interess hemmhekk. Huma s-6 kienu fost it-12-il persuna li tilfu ħajjithom ħesrem f’ħabta li seħħet fi triq prinċipali u li l-pulizija ddeskrivewha bħala straġi sħiħa.”
2 Fil-lejl taʼ qabel it-traġedja, il-familja kienet attendiet l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni, fejn kien ġie diskuss is-suġġett tal-mewt. “Christopher minn dejjem kien tifel li jaħseb ħafna,” irrakkonta missieru. “Dak il-lejl, hu tkellem ċar dwar dinja ġdida u t-tama tiegħu għall-futur. Imbagħad, hekk kif komplejna nitkellmu, Christopher f’daqqa waħda qal: ‘Il-benefiċċju taʼ li tkun wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova hu li għalkemm il-mewt hija taʼ wġigħ, nafu li xi darba għad nerġgħu naraw lil xulxin fuq l-art.’ Ħadd minna li konna hemmhekk ma qatt basar kemm konna se nibqgħu niftakruh dak il-kliem.”a
3 Snin qabel, fl-1940, Xhud mill-Awstrija jismu Franz kien jaf li kien se jiġi maqtul bil-giljottina minħabba l-lealtà tiegħu lejn Ġeħova. Franz kiteb lil ommu mill-post fejn kien miżmum f’Berlin: “Skond kif naf jien, kieku ħadt il-ġurament [militari], kont inkun għamilt dnub li jistħoqqlu l-mewt. Din kienet tkun xi ħaġa mill-agħar għalija. Ma kien ikolli ebda rxoxt. . . . U issa, għeżież ommi u ħuti, illum qaluli s-sentenza tiegħi, u tiħdux qatgħa, hija għall-mewt, u se joqtluni għada fil-għodu. Inħoss li Alla se jsaħħaħni, bħalma għamel mal-Kristjani veri kollha fil-passat. . . . Jekk iżżommu sodi sal-mewt, nerġgħu niltaqgħu fl-irxoxt. . . . Sakemm nerġgħu niltaqgħu.”b
4. Liema effett għandhom fuqek l-esperjenzi rakkontati hawnhekk, u x’se nikkunsidraw issa?
4 It-tama taʼ l-irxoxt kienet tfisser ħafna kemm għal Christopher kif ukoll għal Franz. Kienet reali għalihom. Ċertament li dawn ir-rakkonti jmissulna qalbna! Sabiex napprezzaw iktar lil Ġeħova u nsaħħu t-tama tagħna fl-irxoxt, ejja nikkunsidraw għala se jkun hemm l-irxoxt u kif dan għandu jeffettwana personalment.
Viżjoni Kif Se Jkun l-Irxoxt fuq l-Art
5, 6. X’tirrivelalna l-viżjoni miktuba mill-appostlu Ġwanni f’Rivelazzjoni 20:12, 13?
5 F’viżjoni dwar il-ġrajjiet li se jseħħu matul ir-Renju Millennjali taʼ Kristu Ġesù, l-appostlu Ġwanni ra l-irxoxt iseħħ fuq l-art. “Rajt il-mejtin, il-kbar u ż-żgħar,” kiteb hu. “U l-baħar radd il-mejtin li kienu fih, u lmewt u Ħades raddew il-mejtin li kienu fihom, u ġew ġudikati individwalment skond l-għemejjel tagħhom.” (Rivelazzjoni 20:12, 13) Huma taʼ liema klassi jew pożizzjoni huma—sew jekk “kbar” u sew jekk “żgħar”—kulmin hu miżmum f’Ħades (Xeol), il-qabar komuni taʼ l-umanità, se jiġi meħlus. Dawk li tilfu ħajjithom fuq il-baħar ukoll se jerġgħu lura għall-ħajja f’dak iż-żmien. Din il-ġrajja meraviljuża hija parti mill-iskop taʼ Ġeħova.
6 Ir-renju t’elf sena taʼ Kristu jibda bl-irbit taʼ Satana u t-tfigħ tiegħu fl-abbiss. Matul dan ir-renju, Satana se jkun inattiv u mhux se jkun jistaʼ jqarraq b’dawk li jiġu rxoxtati jew b’dawk li jibqgħu ħajjin fit-tribulazzjoni l-kbira. (Rivelazzjoni 20:1-3) Forsi għalik elf sena jidhru żmien twil, imma fil-fatt għal Ġeħova huma “jum wieħed.”—2 Pietru 3:8.
7. X’se tkun il-bażi għall-ġudizzju matul ir-Renju Millennjali taʼ Kristu?
7 Skond il-viżjoni, ir-Renju Millennjali taʼ Kristu se jkun żmien taʼ ġudizzju. L-appostlu Ġwanni kiteb: “Rajt il-mejtin, il-kbar u ż-żgħar, weqfin quddiem it-tron, u nfetħu r-rombli. U nfetaħ romblu ieħor, ir-romblu tal-ħajja. U l-mejtin ġew ġudikati fuq dak li kien miktub fir-rombli skond l-għemejjel tagħhom. . . . U ġew ġudikati individwalment skond l-għemejjel tagħhom.” (Rivelazzjoni 20:12, 13) Innota li l-bażi għal dan l-iġġudikar m’hijiex x’għamel jew x’m’għamilx l-individwu qabel ma miet. (Rumani 6:7) Minflok, għandha x’taqsam maʼ “rombli” li għad iridu jinfetħu. L-għemejjel li jagħmel l-individwu wara li jsir jaf x’hemm fir-rombli se jifformaw il-bażi biex jiġi determinat jekk ismu jkunx miktub fir-“romblu tal-ħajja.”
“Irxoxt taʼ Ħajja” jew “Irxoxt taʼ Ġudizzju”
8. Liema żewġ possibbiltajiet għandhom dawk li jiġu rxoxtati?
8 Ftit qabel, fil-viżjoni taʼ Ġwanni, Ġesù ġie deskritt bħala li għandu “l-imfietaħ tal-mewt u taʼ Ħades.” (Rivelazzjoni 1:18) Hu jaqdi bħala l-“Aġent Ewlieni tal-ħajja” taʼ Ġeħova u ngħata l-qawwa biex jiġġudika “l-ħajjin u l-mejtin.” (Atti 3:15; 2 Timotju 4:1) Kif se jagħmlu dan? Billi jirxoxta lil dawk li huma reqdin fil-mewt. “Tistagħġbux b’dan,” qal Ġesù lill-folol li kien qed jippridkalhom, “għax ġejja s-siegħa li fiha dawk kollha li qegħdin fl-oqbra tat-tifkira jisimgħu leħnu u joħorġu.” Imbagħad żied: “Dawk li għamlu t-tajjeb għal irxoxt taʼ ħajja, dawk li pprattikaw affarijiet vili għal irxoxt taʼ ġudizzju.” (Ġwanni 5:28-30) Għaldaqstant, x’futur hemm jistenniehom lill-irġiel u n-nisa leali tal-passat?
9. (a) Meta jiġu lura fl-irxoxt, ħafna x’se jsiru jafu bla dubju? (b) Liema xogħol vast u edukattiv se jsir?
9 Meta dawn l-uħud leali tal-passat jerġgħu lura fl-irxoxt, huma ma jdumux ma jiskopru li l-wegħdi li kienu poġġew il-fiduċja tagħhom fihom issa huma realtà. Kemm se jkunu interessati li jitgħallmu dwar l-identità tan-Nisel tal-mara t’Alla, li ssemma fl-ewwel profezija tal-Bibbja, f’Ġenesi 3:15! Kemm se jithennew meta jisimgħu li dan il-Messija mwiegħed, Ġesù, wera l-fedeltà tiegħu sal-mewt, u b’hekk ta ħajtu bħala sagrifiċċju taʼ fidwa! (Mattew 20:28) Dawk li jilqgħuhom lura għall-ħajja se jkunu ferħanin ħafna li jgħinuhom jifhmu li dan il-provvediment tal-fidwa huwa espressjoni tal-ħniena u lqalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Ġeħova. Meta l-irxoxtati jiskopru x’inhi tagħmel is-Saltna t’Alla biex twettaq l-iskop taʼ Ġeħova għall-art, bla dubju qalbhom se tfur b’espressjonijiet taʼ tifħir lil Ġeħova. Se jkollhom ħafna opportunitajiet biex juru l-lealtà tagħhom lejn Missierhom tas-sema kollu mħabba u lejn Ibnu. Kulmin ikun qed jgħix f’dak iż-żmien se jieħu gost jipparteċipa fix-xogħol vast u edukattiv li hu meħtieġ biex jiġu mgħallmin il-biljuni li jerġgħu lura mill-qabar u li jkollhom bżonn ukoll li jaċċettaw il-provvediment t’Alla għall-fidwa.
10, 11. (a) Il-Millennju liema opportunitajiet se joffri lin-nies kollha taʼ l-art? (b) Dan kif għandu jeffettwana?
10 Meta jiġi rxoxtat, Abraham se jsib faraġ kbir meta jesperjenza r-realtà tal-ħajja taħt il-ħakma taʼ dik il-“belt” li tant ħares ’il quddiem għaliha. (Ebrej 11:10) Kemm se jifraħ il-leali Ġob meta jsir jaf li l-mod kif għex ħajtu saħħaħ lil qaddejja oħrajn taʼ Ġeħova li l-integrità tagħhom għaddiet minn provi! U kemm se jkun ħerqan Danjel biex ikun jaf dwar it-twettiq tal-profeziji li ġie mnebbaħ biex jikteb!
11 Tabilħaqq, kulmin se jikseb il-ħajja fid-dinja ġdida u ġusta, kemm jekk bl-irxoxt u kemm jekk għax jibqaʼ ħaj fit-tribulazzjoni l-kbira, se jkollu ħafna x’jitgħallem dwar l-iskop taʼ Ġeħova għall-art u għall-abitanti tagħha. Il-prospett li ngħixu għal dejjem u nfaħħru lil Ġeħova għall-eternità kollha żgur li se jagħmel il-programm edukattiv tal-Millennju għaxqa taʼ veru. Madankollu, l-iktar li jgħodd se jkun dak li nagħmlu individwalment hekk kif nitgħallmu x’hemm fir-rombli. Se napplikaw dak li nitgħallmu? Se ndaħħlu f’qalbna u nimmeditaw fuq l-informazzjoni vitali li se ssaħħaħna biex nirreżistu l-attentat finali taʼ Satana biex idawwarna ’l hemm mill-verità?
12. X’se jgħin lil kull individwu biex jieħu sehem bis-sħiħ fix-xogħol edukattiv kif ukoll fit-trasformazzjoni taʼ l-art f’ġenna?
12 Ma rridux ninsew il-barkiet meraviljużi li se jiġu meta nkunu nistgħu ngawdu l-benefiċċji tas-sagrifiċċju taʼ fidwa li għamel Kristu. Dawk li jerġgħu jingħataw il-ħajja fl-irxoxt mhux se jkollhom id-dgħjufijiet u d-diżabilitajiet li qed jesperjenzaw bħalissa. (Isaija 33:24) Ġisem f’saħħtu u l-prospett taʼ saħħa perfetta se jippermettu lill-abitanti kollha tad-dinja l-ġdida biex jieħdu sehem bis-sħiħ fix-xogħol edukattiv taʼ li jgħallmu t-triq għall-ħajja lill-biljuni li jiġu rxoxtati. Dawn l-abitanti se jieħdu sehem ukoll fl-akbar xogħol li qatt kien hawn fuq l-art—dak li jittrasformaw il-pjaneta kollha f’ġenna taʼ l-art għat-tifħir taʼ Ġeħova.
13, 14. X’inhu l-iskop li Satana jinħeles għall-aħħar test, u liema riżultat jistaʼ jkollna individwalment?
13 Meta Satana jiġi meħlus mill-abbiss għall-aħħar test, hu se jipprova jqarraq bil-bnedmin għal darb’oħra. Skond Rivelazzjoni 20:7-9, ‘il-ġnus imqarrqin’ jew il-gruppi taʼ nies kollha li jaqgħu taħt l-influwenza mill-agħar taʼ Satana se jiġu kundannati għall-qerda: ‘Jinżel nar mis-sema u jiblagħhom.’ Għal dawk fosthom li jkunu diġà ġew irxoxtati fil-Millennju, din il-qerda tagħmel l-irxoxt tagħhom wieħed taʼ kundanna. B’kuntrast, dawk l-uħud irxoxtati li jżommu l-integrità tagħhom jirċievu r-rigal taʼ ħajja taʼ dejjem. L-irxoxt tagħhom ikun verament “irxoxt taʼ ħajja.”—Ġwanni 5:29.
14 It-tama taʼ l-irxoxt kif tistaʼ tfarraġna saħansitra issa? U iktar importanti, xi rridu nagħmlu biex inkunu żguri li fil-futur nirċievu l-benefiċċji li joffri?
Lezzjonijiet X’Nitgħallmu Issa
15. It-twemmin fl-irxoxt kif jistaʼ jgħinna issa stess?
15 Għandu mnejn li dan l-aħħar tlift lil xi ħadd li tħobb fil-mewt u forsi qed tipprova tkampa mal-bidla kbira li ġġib magħha din it-telfa kbira. It-tama taʼ l-irxoxt tgħinek tikseb saħħa u kalma ġewwinija li oħrajn li ma jafux il-verità jonqsu li jiksbu. “Ma rridukomx ma tkunux tafu dwar dawk li huma reqdin fil-mewt,” ikkonsla Pawlu lit-Tessalonikin, “biex ma ssewdux qalbkom bħall-oħrajn li m’għandhomx tama.” (1 Tessalonikin 4:13) Timmaġinak li qiegħed fid-dinja l-ġdida u li qed tara l-irxoxt b’għajnejk stess? Jekk inhu hekk, farraġ lilek innifsek issa stess billi timmedita fuq il-prospett li se terġaʼ tiltaqaʼ mal-maħbubin tiegħek.
16. X’se jkunu probabbilment is-sentimenti tiegħek meta jseħħ l-irxoxt?
16 Bħalissa għandek mnejn qed tbati minħabba l-konsegwenzi fiżiċi tar-ribelljoni taʼ Adam, forsi fil-forma taʼ xi marda. Tħallix id-dwejjaq li jistaʼ jkollok minħabba dan iġagħluk tinsa l-prospett taʼ ferħ li tesperjenza l-irxoxt personalment u tiġi lura għall-ħajja f’saħħtek u mimli enerġija mill-ġdid fid-dinja l-ġdida. Imbagħad meta jinfetħu għajnejk u tara l-uċuħ ferħanin mimlijin ħerqa biex jaqsmu miegħek il-ferħ tagħhom għall-irxoxt tiegħek, żgur li ma tistax ma tirringrazzjax lil Alla għall-qalb tajba bl-imħabba tiegħu.
17, 18. Liema żewġ lezzjonijiet importanti għandna nżommu f’moħħna?
17 Sadattant, ikkunsidra żewġ lezzjonijiet li għandna nżommuhom f’moħħna. Waħda hi l-importanza taʼ li naqdu lil Ġeħova b’ruħna kollha issa stess. Bħal Sidna, Kristu Ġesù, il-ħajja li ngħixu mimlija sagrifiċċji persunali turi l-imħabba li għandna għal Ġeħova u għall-ġirien tagħna. F’każ li l-oppożizzjoni jew il-persekuzzjoni jisirqulna l-għajxien jew il-libertà tagħna, aħna determinati li nibqgħu sodi fil-fidi jkunu xi jkunu l-provi li niffaċċjaw. Jekk dawk li jopponuna jhedduna bil-mewt, it-tama taʼ l-irxoxt tfarraġna u ssaħħaħna biex nibqgħu leali lejn Ġeħova u s-Saltna tiegħu. Iva, iż-żelu tagħna għax-xogħol taʼ l-ippridkar dwar is-Saltna u taʼ li nagħmlu dixxipli jagħtina l-prospett li ngawdu l-barkiet eterni li Ġeħova għandu maħżunin għan-nies sewwa.
18 It-tieni lezzjoni għandha x’taqsam maʼ kif niffaċċjaw it-tentazzjonijiet li jiġu bl-imperfezzjoni tagħna. L-għarfien li għandna dwar it-tama taʼ l-irxoxt u l-apprezzament tagħna għall-qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Ġeħova jsaħħulna d-determinazzjoni tagħna biex nibqgħu sodi fil-fidi. “Tħobbux id-dinja u lanqas dak li hemm fid-dinja,” wissa l-appostlu Ġwanni. “Jekk xi ħadd iħobb id-dinja, l-imħabba tal-Missier mhix fih; għax kulma hemm fid-dinja—ix-xewqa tal-laħam u x-xewqa taʼ l-għajnejn u l-iffanfrar bil-mezzi tal-ħajja—ma joriġinax mill-Missier, imma mid-dinja. Iktar minn hekk, id-dinja tgħaddi u x-xewqa tagħha wkoll, imma min jagħmel ir-rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.” (1 Ġwanni 2:15-17) Il-ġibda tad-dinja fil-forma tal-materjaliżmu ftit li xejn se tħajjarna meta nqabbluha “mal-ħajja vera.” (1 Timotju 6:17-19) Jekk niġu mħajrin biex nagħmlu xi att immorali, aħna nirreżistu b’mod sod. Nirrealizzaw li f’każ li mmutu qabel Armageddon, il-fatt li nibqgħu f’kondotta li ma togħġobx lil Ġeħova jistaʼ jtellfilna l-prospett li niġu rxoxtati.
19. Liema privileġġ imprezzabbli m’għandniex ninsew?
19 Fuq kollox, qatt m’għandna ninsew il-privileġġ imprezzabbli li għandna li nferrħu qalb Ġeħova issa u għal dejjem. (Proverbji 27:11) Il-fedeltà tagħna sal-mewt jew il-fatt li nżommu l-integrità tagħna sa tmiem din is-sistema mill-agħar juri lil Ġeħova fuq liema naħa qegħdin fil-kwistjoni tas-sovranità universali. Imbagħad x’ferħ se jkun li ngħixu f’Ġenna taʼ l-art billi nibqgħu ħajjin fit-tribulazzjoni l-kbira inkella billi nesperjenzaw irxoxt mirakoluż!
Jaqtgħalna Xewqatna
20, 21. X’se jgħinna nibqgħu leali anki jekk m’għandniex it-tweġiba għal xi mistoqsijiet dwar l-irxoxt? Spjega.
20 Id-diskussjoni tagħna dwar l-irxoxt tħalli xi mistoqsijiet mhux imweġbin. Ġeħova kif se jirranġa l-affarijiet għal dawk li kienu miżżewġin meta mietu? (Luqa 20:34, 35) L-irxoxt tan-nies se jseħħ fl-istess post fejn mietu? L-uħud irxoxtati se jerġgħu lura għall-ħajja viċin il-familji tagħhom? Hemm bosta mistoqsijiet oħra dwar l-arranġamenti għall-irxoxt. Minkejja dan, irridu niftakru fil-kliem taʼ Ġeremija: “Tajjeb il-Mulej maʼ min jistennieh, mar-ruħ li tfittxu. Tajjeb min jistenna fis-skiet, is-salvazzjoni tal-Mulej.” (Lamentazzjonijiet 3:25, 26) Fiż-żmien stabbilit taʼ Ġeħova, il-mistoqsijiet kollha tagħna se jiġu mweġbin għas-sodisfazzjon sħiħ tagħna. Għala nistgħu nkunu ċerti minn dan?
21 Immedita fuq il-kliem ispirat tas-salmista meta kanta lil Ġeħova: “Int tiftaħ idek, u taqtaʼ x-xewqa taʼ kull maħluq.” (Salm 145:16, KŻ) Hekk kif nikbru fl-età, ma nibqgħux nixtiequ l-istess affarijiet. Dak li konna nittamaw għalih meta konna tfal m’għadniex nixtiquh illum. Il-mod kif inħarsu lejn il-ħajja huwa effettwat minn dak li nesperjenzaw kif ukoll mit-tamiet tagħna. Minkejja dan, ikunu xi jkunu x-xewqat xierqa tagħna fid-dinja l-ġdida, Ġeħova żgur li se jaqtagħhom.
22. Għala għandna raġuni tajba biex infaħħru lil Ġeħova?
22 L-iktar ħaġa importanti għal kull wieħed u waħda minna bħalissa hija li nkunu leali. “Dak li hu mistenni mill-prokuraturi hu li jkunu leali.” (1 Korintin 4:2) Aħna prokuraturi taʼ l-aħbar tajba glorjuża tas-Saltna t’Alla. Il-fatt li nħabirku biex inxandru din l-aħbar tajba lil kulmin niltaqgħu miegħu jgħinna nibqgħu fit-triq li tagħti għall-ħajja. Qatt tinjora l-fatt li ż-żmien u l-affarijiet mhux mistennijin jiġu fuqna lkoll. (Koħèlet 9:11) Sabiex tnaqqas kwalunkwe ansjetà mhux neċessarja li tinħoloq mill-inċertezzi tal-ħajja, żomm sod mat-tama glorjuża taʼ l-irxoxt. Kun konvint li jekk hemm l-indikazzjoni li se tesperjenza l-mewt qabel ma jibda r-Renju Millennjali taʼ Kristu, int tistaʼ titfarraġ biċ-ċertezza li se jiġi s-serħan. Fiż-żmien taʼ Ġeħova se tkun tistaʼ ttenni l-kliem li Ġob qal lill-Ħallieq: “Inti ssejjaħli, u jien inwieġbek.” It-tifħir kollu jmur lil Ġeħova, li jixxennaq biex iġib lura għall-ħajja lil dawk kollha li huma fil-memorja tiegħu!—Ġob 14:15, KŻ.
[Noti taʼ taħt]
a Ara l-Awake! tat-8 taʼ Lulju, 1988, paġna 10, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
b Jehovah’s Witnesses—Proclaimers of God’s Kingdom, paġna 662, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
Tiftakar Int?
• Fuq liema bażi se jiġu ġudikati n-nies matul il-Millennju?
• Xi wħud għala se jkollhom “irxoxt taʼ ħajja” u oħrajn “irxoxt taʼ ġudizzju”?
• It-tama taʼ l-irxoxt kif tfarraġna issa?
• Il-kliem taʼ Salm 145:16 (KŻ ) kif jgħinna nittrattaw il-mistoqsijiet dwar l-irxoxt li m’għandniex tweġiba għalihom?
[Stampi f’paġna 21]
It-twemmin fl-irxoxt kif jistaʼ jgħinna issa?