Salvati, Mhux bl-Għemejjel Biss, Imma Wkoll bil-Qalb Tajba Mhix Mistħoqqa
“Ġejtu salvati permezz tal-fidi . . . M’huwiex bis-saħħa taʼ l-għemejjel, sabiex l-ebda bniedem ma jkollu għalfejn jiftaħar.”—EFESIN 2:8, 9.
1. Il-Kristjani b’liema mod huma differenti min-nies in ġenerali rigward l-affarijiet li jwettqu, u għala?
IN-NIES illum iħossuhom kburin b’dak li jirnexxilhom iwettqu, u spiss isibuha faċli biex jiftaħru b’dan. Il-Kristjani huma differenti. Huma joqogħdu lura milli jpoġġu enfasi żejda fuq dak li jirnexxilhom iwettqu, anki f’dawk l-affarijiet konnessi mal-qima vera. Waqt li jifirħu b’dak li jwettaq il-poplu taʼ Ġeħova bħala grupp, huma ma jenfasizzawx l-irwol individwali tagħhom f’dan it-twettiq. Jirrealizzaw li fis-servizz taʼ Ġeħova, l-intenzjonijiet xierqa huma iktar importanti minn dak li individwu jwettaq personalment. Imbagħad, kulmin jingħata r-rigal tal-ħajja taʼ dejjem se jkun kisbu, mhux b’dak li wettaq personalment, imma permezz tal-fidi u l-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla.—Luqa 17:10; Ġwanni 3:16.
2, 3. Pawlu dwar xiex ftaħar, u għala?
2 L-appostlu Pawlu kien jaf sew b’dan il-fatt. Wara li talab tliet darbiet biex jeħles minn “xewka fil-laħam,” Ġeħova wieġbu: “Il-qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħi hi biżżejjed għalik; għax il-qawwa tiegħi tintgħamel perfetta fid-dgħjufija.” Waqt li bl-umiltà aċċetta d-deċiżjoni taʼ Ġeħova, Pawlu qal: “Għalhekk, b’ferħ kbir, nippreferi niftaħar bid-dgħjufijiet tiegħi biex il-qawwa tal-Kristu tibqaʼ fuqi bħal tinda.” L-attitudni umli taʼ Pawlu hija waħda li għandna nkunu rridu nimitawha.—2 Korintin 12:7-9.
3 Avolja Pawlu kien jispikka fl-għemejjel Kristjani, hu rrikonoxxa li dak li wettaq ma kienx minħabba xi abbiltajiet partikulari li kellu. Bil-modestja, hu nnota: “Lili, bniedem inqas mill-inqas wieħed fost il-qaddisin kollha, intwerietli din il-qalb tajba mhix mistħoqqa, sabiex inxandar lill-ġnus l-aħbar tajba dwar ir-rikkezzi bla tarf tal-Kristu.” (Efesin 3:8) Kliemu juri li ma kellux attitudni taʼ ftaħir jew li b’suppervja kien mimli bih innifsu. “Alla jopponi lis-suppervi, imma juri qalb tajba mhix mistħoqqa maʼ l-umli.” (Ġakbu 4:6; 1 Pietru 5:5) Insegwu aħna l-eżempju taʼ Pawlu, billi bl-umiltà nikkunsidraw lilna nfusna bħala li aħna inqas mill-iżgħar wieħed minn ħutna?
“Tqisu lill-Oħrajn Superjuri”
4. Għala kultant nistgħu nsibuha diffiċli biex nikkunsidraw lil oħrajn bħala li huma superjuri għalina?
4 L-appostlu Pawlu ta l-parir lill-Kristjani: “Tagħmlu xejn bi ġlied jew bi kburija, imma b’umiltà tqisu lill-oħrajn superjuri għalikom.” (Filippin 2:3) Dan jistaʼ jkun taʼ sfida, speċjalment jekk ikollna pożizzjoni taʼ responsabbiltà. Forsi d-diffikultà tkun minħabba li ġejna effettwati, sa ċertu punt, mill-ispirtu kompetittiv li hu tant komuni fid-dinja taʼ llum. Forsi, meta konna tfal ġejna mgħallmin nikkompetu, jew maʼ ħutna stess fid-dar jew inkella maʼ sħabna tal-klassi fl-iskola. Forsi konna dejjem niġu mħeġġin biex nirsistu għall-unur taʼ li nkunu l-aqwa atleta fl-iskola jew l-aqwa student. M’għandniex xi ngħidu, li nagħtu l-aqwa tagħna fi kwalunkwe ħaġa xierqa hu taʼ min ifaħħru. Però, il-Kristjani jagħmlu dan, mhux biex jiġbdu attenzjoni żejda lejhom infushom, imma biex jibbenefikaw bis-sħiħ mill-attività u biex forsi ħaddieħor jibbenefika wkoll. Però, jekk dejjem nixtiequ niġu mfaħħrin bħala l-aqwa nies, dan jistaʼ jkun perikoluż. Dan kif?
5. Jekk ma jiġix kontrollat, għal xiex jistaʼ jwassal spirtu kompetittiv?
5 Jekk individwu ma jikkontrollax spirtu kompetittiv u egoistiku, jistaʼ jsir arroganti u jonqos milli jirrispetta lil oħrajn. Hu jistaʼ jsir rgħib għall-abbiltajiet u l-privileġġi taʼ l-oħrajn. Proverbji 28:22 jgħid: “Min hu rgħib irid jistagħna f’qasir żmien, bla ma jaħseb li għad jilħqu l-għaks.” Jistaʼ saħansitra b’mod prużuntuż jistinka għal pożizzjonijiet li m’għandux dritt għalihom. Biex jiġġustifika l-għemejjel tiegħu, għandu mnejn jibda jilmenta u jikkritika lil oħrajn—tendenzi li l-Kristjani għandhom jaħarbuhom. (Ġakbu 3:14-16) Jagħmel x’jagħmel, hu jkun qed jirriskja li jiżviluppa attitudni egoista.
6. Il-Bibbja kif twissina kontra spirtu kompetittiv?
6 Il-Bibbja, għalhekk, tħeġġeġ lill-Kristjani: “Ħa ma nintefħux bina nfusna, għax b’hekk inqanqlu l-kompetizzjoni bejnietna, u ngħiru għal xulxin.” (Galatin 5:26) L-appostlu Ġwanni tkellem dwar sieħbu Kristjan li milli jidher inħakem minn dan l-ispirtu. “Ktibt xi ħaġa lill-kongregazzjoni,” qal Ġwanni, “imma Dijotrefe, li jħobb ikollu l-pożizzjoni ewlenija fosthom, ma jilqaʼ xejn mingħandna bir-rispett. Huwa għalhekk li, jekk niġi, infakkar l-għemil tiegħu li qed ikompli jwettaq u l-kliem mill-agħar li qed ipaċpaċ fuqna.” X’sitwazzjoni kerha li jistaʼ jaqaʼ fiha Kristjan!—3 Ġwanni 9, 10.
7. Kristjan x’għandu jevita llum fil-post kompetittiv tax-xogħol?
7 M’għandniex xi ngħidu, m’huwiex realistiku li naħsbu li Kristjan jistaʼ jevita għalkollox kull attività kompetittiva. Per eżempju, ix-xogħol sekulari tiegħu jistaʼ jinvolvi kompetizzjoni ekonomika maʼ individwi oħra jew negozji li jipproduċu prodotti simili jew joffru servizzi simili. Però, anki f’sitwazzjonijiet bħal dawn, Kristjan għandu jwettaq in-negozju tiegħu bi spirtu taʼ rispett, imħabba, u konsiderazzjoni. Hu se jiċħad għalkollox prattiċi illegali jew mhux Kristjani u jevita li jsir individwu magħruf l-iktar għall-attitudni kompetittiva u egoistika tiegħu. Mhux se jħoss li l-fatt li tkun l-aqwa—fi kwalunkwe attività—hu l-iktar ħaġa importanti fil-ħajja. Jekk dan hu minnu dwar attivitajiet sekulari, mela kemm iktar japplika fejn tidħol il-qima!
“Ma Jqabbilx Ruħu maʼ Ħaddieħor”
8, 9. (a) Għala l-anzjani Kristjani m’għandhom ebda raġuni għal xiex jikkompetu maʼ xulxin? (b) Għala l-1 Pietru 4:10 japplika għall-qaddejja t’Alla kollha?
8 L-attitudni li għandu jkollhom il-Kristjani fil-qima tagħhom hija deskritta f’dan il-kliem ispirat: “Kull wieħed ħa jagħti prova taʼ x’inhu għemilu, u mbagħad ikollu għalxiex jifraħ b’dak li jagħmel hu stess, u ma jqabbilx ruħu maʼ ħaddieħor.” (Galatin 6:4) L-anzjani fil-kongregazzjoni, peress li jafu li m’humiex f’kompetizzjoni maʼ xulxin, jikkooperaw u jaħdmu flimkien mill-qrib bħala ġemgħa. Huma jifirħu bil-kontribut li kull wieħed jistaʼ jagħti għall-ġid tal-kongregazzjoni in ġenerali. Għalhekk, huma jevitaw kompetizzjoni li tifred u jagħtu eżempju mill-aqwa fejn tidħol l-unità għall-bqija tal-kongregazzjoni.
9 Minħabba l-età, l-esperjenza, jew l-abbiltajiet naturali, xi anzjani jistgħu jkunu iktar effiċjenti minn oħrajn, jew jistaʼ jkollhom iktar dehen. Għal din ir-raġuni, l-anzjani għandhom responsabbiltajiet differenti fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Minflok ma joqogħdu jitqabblu maʼ xulxin, huma jżommu f’moħħhom il-parir: “Bħala prokuraturi mill-aħjar tal-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla espressa b’diversi modi, aqdu lil xulxin skond l-għotja li rċieva kull wieħed minnkom.” (1 Pietru 4:10) Fir-realtà, dan il-kliem japplika għall-qaddejja kollha taʼ Ġeħova, għaliex sa ċertu punt ilkoll ngħatajna l-għotja t’għarfien eżatt u lkoll ingawdu l-privileġġ li nieħdu sehem fil-ministeru Kristjan.
10. B’liema mod uniku jistaʼ s-servizz sagru tagħna jkun aċċettabbli għal Ġeħova?
10 Is-servizz sagru tagħna jogħġob lil Ġeħova biss meta jingħata bl-imħabba u d-devozzjoni, mhux meta jsir biex inħossuna aqwa minn ħaddieħor. Għalhekk, hu vitali li nżommu ħarsa bilanċjata taʼ l-attività tagħna biex nappoġġaw il-qima vera. Waqt li ħadd ma jistaʼ jiġġudika bir-reqqa l-intenzjonijiet taʼ l-oħrajn, Ġeħova “jiżen il-qlub.” (Proverbji 24:12; 1 Samwel 16:7) Għalhekk, nagħmlu tajjeb li kultant żmien nistaqsu lilna nfusna, “Jien b’liema intenzjoni qed nagħmel l-għemejjel tal-fidi?”—Salm 24:3, 4; Mattew 5:8.
Ħarsa Xierqa Lejn l-Għemejjel Tagħna
11. Liema mistoqsijiet dwar il-ministeru tagħna jistgħu jiġu kunsidrati b’mod raġunevoli?
11 Jekk l-intenzjonijiet huma l-iktar importanti meta nkunu rridu niksbu l-approvazzjoni taʼ Ġeħova, allura sa liema punt għandna nkunu konċernati dwar l-għemejjel tal-fidi tagħna? Sakemm inwettqu l-ministeru tagħna b’intenzjoni xierqa, huwa tassew neċessarju li nniżżlu bil-miktub dak li nagħmlu u kemm nagħmlu? Dawn huma mistoqsijiet raġunevoli, ladarba ma rridux nagħtu iktar importanza lin-numri mill-għemejjel tal-fidi jew inħallu l-fatt li jkollna rapport tajjeb isir l-iktar ħaġa importanti fl-attività Kristjana tagħna.
12, 13. (a) Liema huma xi raġunijiet għala nżommu rekord tas-servizz taʼ l-għalqa tagħna? (b) Liema raġunijiet għandna biex nifirħu meta naraw ir-rapport globali taʼ l-attività taʼ l-ippridkar tagħna?
12 Innota x’jgħid il-ktieb Organizzati biex Nagħmlu r-Rieda taʼ Ġeħova: “Is-segwaċi tal-bidu taʼ Ġesù Kristu interessaw ruħhom fir-rapporti dwar il-progress fix-xogħol taʼ l-ippridkar. (Marku 6:30) Il-ktieb Bibliku taʼ l-Atti jgħidilna li kien hemm madwar 120 persuna preżenti meta l-ispirtu qaddis ġie msawwab fuq id-dixxipli f’Pentekoste. Malajr in-numru taʼ dixxipli kiber għal 3,000 u mbagħad għal 5,000. . . . (Atti 1:15; 2:5-11, 41, 47; 4:4; 6:7) X’inkuraġġiment kbir ġabet lid-dixxipli l-aħbar dwar dawn iż-żjidiet!” Għall-istess raġuni, ix-Xhieda taʼ Ġeħova llum jistinkaw biex iżommu rapporti eżatti dwar dak li jsir madwar id-dinja fi twettiq tal-kliem taʼ Ġesù: “Din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-tmiem.” (Mattew 24:14) Dawn ir-rapporti jipprovdu stampa realistika taʼ dak li qed isir madwar id-dinja kollha. Dawn juru fejn hemm bżonn l-għajnuna u liema tip u x’ammont taʼ letteratura huma meħtieġa biex ix-xogħol taʼ l-ippridkar jimxi ’l quddiem.
13 Għalhekk, ir-rapport taʼ l-attività tagħna taʼ l-ippridkar jgħinna nwettqu l-inkarigu tagħna biex nippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna b’mod iktar effettiv. Barra minn hekk, ma nħossuniex inkuraġġiti meta nisimgħu dwar ix-xogħol li ħutna qed jagħmlu f’partijiet oħra tad-dinja? L-aħbarijiet tat-tkabbir u ż-żjieda li qed issir madwar id-dinja jimlewna bil-ferħ, iqanqluna nkunu iktar attivi, u jiżgurawna mill-barka taʼ Ġeħova. U kemm inħossuna sodisfatti meta nkunu nafu li r-rapport persunali tagħna huwa inkluż fir-rapport taʼ madwar id-dinja! Ir-rapport tagħna hu żgħir meta mqabbel mat-total, imma Ġeħova jinnotah. (Marku 12:42, 43) Ftakar li mingħajr ir-rapport tiegħek, ir-rapport totali ma jkunx komplut.
14. Minbarra l-ippridkar u t-tagħlim, x’tinkludi lqima tagħna lil Ġeħova?
14 M’għandniex xi ngħidu, ħafna minn dak li jagħmel kull Xhud biex iwettaq ir-responsabbiltà tiegħu bħala qaddej dedikat taʼ Ġeħova ma jidhirx fir-rapport tiegħu. Per eżempju, ir-rapport ma jinkludix l-istudju persunali regulari mill-Bibbja, l-attendenza u s-sehem fil-laqgħat Kristjani, ix-xogħol fil-kongregazzjoni, l-għajnuna lil sħabna fit-twemmin skond il-bżonn, l-appoġġ finanzjarju għax-xogħol tas-Saltna madwar id-dinja, u affarijiet bħal dawn. Għalhekk, waqt li r-rapport tas-servizz taʼ l-għalqa tagħna huwa importanti, għaliex jgħinna nżommu ż-żelu tagħna fl-ippridkar u nevitaw li nitnikkru, però aħna għandna nħarsu lejh minn lenti tajba. M’għandniex narawh bħala xi liċenzja jew passaport spiritwali li se jiddetermina jekk nikkwalifikawx għall-ħajja taʼ dejjem.
“Żeluż għal Għemejjel Tajbin”
15. Għalkemm l-għemejjel waħedhom ma jistgħux isalvawna, għala huma neċessarji?
15 Jidher ċar li avolja l-għemejjel waħedhom ma jistgħux isalvawna, però huma neċessarji. Għal din ir-raġuni l-Kristjani jissejħu “poplu esklużivament tiegħu, żeluż għal għemejjel tajbin,” u għalhekk huma inkuraġġiti biex ‘jagħtu kas xulxin biex jitqanqlu għall-imħabba u l-għemejjel tajbin.’ (Titu 2:14; Ebrej 10:24) B’mod iktar dirett, kittieb tal-Bibbja ieħor, Ġakbu, sempliċement jgħid: “Bħalma l-ġisem mingħajr l-ispirtu hu mejjet, hekk ukoll il-fidi mingħajr l-għemejjel hi mejta.”—Ġakbu 2:26.
16. X’inhu iktar importanti mill-għemejjel, imma għal xiex għandna noqogħdu għassa?
16 Għalkemm l-għemejjel tajbin fihom infushom huma importanti, l-intenzjonijiet li jqanqluhom huma saħansitra iktar importanti. Għalhekk, huwa għaqli li neżaminaw l-intenzjonijiet tagħna minn żmien għal żmien. Madankollu, ladarba ebda bniedem ma jaf eżatt l-intenzjonijiet taʼ l-oħrajn, irridu noqogħdu attenti li ma niġġudikawx lil oħrajn. “Int min int biex tiġġudika l-qaddej taʼ dar ħaddieħor?” niġu mistoqsijin, bit-tweġiba ovvja: “Jara sidu jekk iżommx wieqaf jew jaqax.” (Rumani 14:4) Ġeħova, is-Sid taʼ kulħadd, u l-Imħallef maħtur minnu, Ġesù Kristu, se jiġġudikawna, mhux fuq il-bażi taʼ l-għemejjel tagħna biss imma wkoll fuq il-bażi taʼ l-intenzjonijiet tagħna, l-opportunitajiet tagħna, l-imħabba tagħna, u d-devozzjoni tagħna. Ġeħova u Kristu Ġesù biss jistgħu jiġġudikaw eżatt jekk għamilniex dak li l-Kristjani huma mwissijin jagħmlu, fil-kliem taʼ l-appostlu Pawlu: “Agħmel l-almu tiegħek biex tidher quddiem Alla bħala bniedem approvat, ħaddiem li m’għandux minn xiex jistħi, billi timmaniġġa sew il-kelma tal-verità.”—2 Timotju 2:15; 2 Pietru 1:10; 3:14.
17. Waqt li nistinkaw biex nagħmlu l-aħjar li nistgħu, għala għandna nżommu f’moħħna l-kliem taʼ Ġakbu 3:17?
17 Ġeħova hu raġunevoli f’dak li jistenna minna. Skond Ġakbu 3:17, “l-għerf li ġej minn fuq hu” fost affarijiet oħra, “raġunevoli.” Ma jkunx għaqli, u fl-istess waqt xieraq, li nimitaw lil Ġeħova f’dan? Għalhekk, m’għandniex nistennew affarijiet li m’humiex raġunevoli jew li ma nistgħux nagħmluhom kemm minna nfusna u kemm minn ħutna.
18. Għal xiex nistgħu nħarsu ’l quddiem meta jkollna ħarsa bilanċjata lejn l-għemejjel tagħna u l-qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Ġeħova?
18 Sakemm inżommu ħarsa bilanċjata lejn l-għemejjel tal-fidi u l-qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Ġeħova, aħna se nżommu l-ferħ li hu marka li tiddistingwi lill-qaddejja veri taʼ Ġeħova. (Isaija 65:13, 14) Nistgħu nifirħu bil-barkiet li Ġeħova qed iferraʼ fuq il-poplu kollu tiegħu, minkejja kemm nistgħu nagħmlu aħna personalment. Jekk inkomplu ‘nitolbu u nagħmlu suppliki flimkien maʼ radd il-ħajr,’ se nitolbu lil Alla biex jgħinna nagħmlu l-aħjar li nistgħu. Imbagħad, mingħajr ebda dubju, “il-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil [qalbna] u l-qawwa mentali [tagħna] permezz taʼ Kristu Ġesù.” (Filippin 4:4-7) Iva, nistgħu niksbu l-faraġ u l-inkuraġġiment mill-fatt li nafu li nistgħu niġu salvati, mhux bl-għemejjel biss, imma bil-qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Ġeħova!
Tistaʼ Tispjega Għala l-Kristjani
• ma jpoġġux enfasi żejda fuq dak li jirnexxilhom iwettqu personalment?
• jevitaw li juru attitudni kompetittiva?
• jirrapportaw l-attività tagħhom fil-ministeru Kristjan?
• jevitaw li jiġġudikaw lil sħabhom il-Kristjani?
[Stampa f’paġna 15]
“Il-qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħi hi biżżejjed għalik”
[Stampi f’paġna 16, 17]
L-anzjani jifirħu bil-kontribut li kull wieħed jistaʼ jagħti għall-ġid tal-kongregazzjoni
[Stampi f’paġna 18, 19]
Mingħajr ir-rapport tiegħek, ir-rapport globali ma jkunx komplet