Tiqafx Tagħmel Dak li Hu Tajjeb
“ŻOMMU kondotta tajba fost il-ġnus,” ħeġġeġ l-appostlu Pietru. (1 Pietru 2:12) Il-kelma Griega tradotta “tajba” tirreferi għal xi ħaġa li hi “sabiħa, nobbli, onorabbli, u eċċellenti.” Illum il-ġurnata, jistaʼ jidher li għalxejn wieħed jittama li n-nies in ġenerali jġibu ruħhom b’mod nobbli jew onorabbli. Meta tikkunsidra kollox, madankollu, il-poplu taʼ Ġeħova llum irnexxielu jsegwi dak li Pietru ħeġġu biex jagħmel. Fil-fatt, dan il-poplu huwa magħruf mad-dinja kollha għall-imġiba mill-aħjar tiegħu.
Dan huwa taʼ min jinnotah partikolarment meta nikkunsidraw l-istress u l-ansjetajiet li niffaċċjaw matul dawn iż-“żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” (2 Timotju 3:1) Il-provi huma parti mill-ħajja taʼ kuljum tagħna, u l-oppożizzjoni għall-mod taʼ kif ngħixu bħala Kristjani hija komuni. Barra minn hekk, filwaqt li ċerti provi ma jdumux, oħrajn donnhom qatt ma jispiċċaw, anzi jiħraxu. Minkejja dan, l-appostlu Pawlu wissa: “Ħa ma niqfux nagħmlu dak li hu tajjeb, għax meta jasal iż-żmien naħsdu jekk ma negħjewx.” (Galatin 6:9) Imma kif inhu possibbli li tagħmel—u tkompli tagħmel—dak li hu tajjeb meta tkun qed tiffaċċja l-kuntrarju li jtertaqlek qalbek u li ma jbatti qatt?
Għajnuna biex Tagħmel Dak li Hu Tajjeb
Meta wieħed ikun “nobbli, onorabbli, u eċċellenti,” juri biċ-ċar dak li hu minn ġewwa, il-kwalità tal-qalb. Għalhekk, li wieħed iżomm l-imġiba tiegħu tajba meta jiffaċċja l-provi u t-tbatijiet m’huwiex xi reazzjoni taʼ dak il-ħin, imma huwa r-riżultat taʼ li wieħed kuljum isegwi u japplika l-prinċipji tal-Bibbja fl-aspetti kollha tal-ħajja. X’inhuma xi ftit affarijiet li jistgħu jgħinuna f’dan ir-rigward? Ikkunsidra dan li ġej.
Ikkultiva l-attitudni mentali taʼ Kristu. Jirrikjedi umiltà biex tissaporti dak li għandu mnejn jidher inġust. Individwu li jaħseb li hu xi ħaġa, wisq probabbli ma jittollerax li xi ħadd jittrattah ħażin. Madankollu, Ġesù “umilja ruħu u sar ubbidjenti sal-mewt.” (Filippin 2:5, 8) Billi nimitaw lilu, aħna mhux se ‘negħjew jew inċedu’ fis-servizz sagru tagħna. (Ebrej 12:2, 3) Ipprattika l-ubbidjenza bl-umiltà billi minn jeddek tikkoopera maʼ dawk li jieħdu t-tmexxija fil-kongregazzjoni lokali tiegħek. (Ebrej 13:17) Tgħallem qis lil oħrajn bħala “superjuri” għalik, billi tpoġġi l-interessi tagħhom qabel tiegħek.—Filippin 2:3, 4.
Ftakar li Ġeħova jħobbok. Aħna rridu nkunu konvinti li Ġeħova “jippremja lil dawk li jfittxuh bil-ħeġġa.” (Ebrej 11:6) Hu jinteressah minna ġenwinament u jridna niksbu l-ħajja taʼ dejjem. (1 Timotju 2:4; 1 Pietru 5:7) Il-fatt li niftakru li xejn ma jistaʼ jħassar l-imħabba t’Alla għalina se jgħinna biex ma naqtgħux qalbna fil-provi.—Rumani 8:38, 39.
Afda f’Ġeħova kompletament. Il-fiduċja f’Ġeħova hija essenzjali, speċjalment meta l-provi jidhru li m’hu se jieqfu qatt jew li jistgħu jipperikolawlna ħajjitna. Irid ikollna fiduċja sħiħa li Ġeħova m’hu se jħallina ngħaddu minn ebda prova li tkun ‘iktar milli nifilħu,’ li hu dejjem se ‘jiftħilna triq.’ (1 Korintin 10:13) Anki jekk jhedduna bil-mewt, nistgħu niffaċċjaw is-sitwazzjoni bil-kuraġġ meta l-fiduċja tagħna tkun f’Ġeħova.—2 Korintin 1:8, 9.
Ippersevera fit-talb. It-talb mill-qalb huwa vitali. (Rumani 12:12) It-talb sinċier huwa wieħed mill-modi kif nersqu qrib Ġeħova. (Ġakbu 4:8) Mill-esperjenzi li ngħaddu minnhom, aħna nitgħallmu li “kulma nitolbuh . . . , hu jismagħna.” (1 Ġwanni 5:14) Jekk Ġeħova jħallina nibqgħu ngħaddu minn xi prova bħala test taʼ l-integrità tagħna, aħna nitolbu għall-għajnuna tiegħu biex nissaportu. (Luqa 22:41-43) It-talb jgħallimna li aħna qatt m’aħna waħedna, li b’Ġeħova magħna se noħorġu rebbieħa dejjem.—Rumani 8:31, 37.
Għemejjel Tajbin—‘Iġibu Tifħir u Glorja’
Minn żmien għal żmien, il-Kristjani kollha ‘jitnikktu b’diversi provi.’ Madankollu, aħna ma rridux ‘nieqfu nagħmlu dak li hu tajjeb.’ Meta tkun għaddej minn xi stress, akkwista s-saħħa meta tiftakar li l-lealtà tiegħek fl-aħħar se “ġġib tifħir u glorja u unur.” (1 Pietru 1:6, 7) Ħu vantaġġ sħiħ mill-provvedimenti spiritwali kollha li Ġeħova jipprovdi biex jibnuk. Meta jkollok bżonn attenzjoni persunali, mur għand dawk li jaqdu bħala rgħajja, għalliema, u wħud li jagħtu l-pariri fil-kongregazzjoni Kristjana. (Atti 20:28) Attendi regolarment il-laqgħat kollha tal-kongregazzjoni li ‘jqanqluna għall-imħabba u l-għemejjel tajbin.’ (Ebrej 10:24) Skeda għall-qari tal-Bibbja kuljum, studju persunali, kif ukoll sehem regulari fil-ministeru Kristjan se jżommuk imqajjem u f’saħħtek spiritwalment.—Salm 1:1-3; Mattew 24:14.
Iktar ma dduq l-imħabba u l-attenzjoni taʼ Ġeħova, iktar se tikber ix-xewqa tiegħek li tkun żeluż għal “għemejjel tajbin.” (Titu 2:14) Ftakar li “min jissaporti sat-tmiem jiġi salvat.” (Mattew 24:13) Iva, kun determinat li ma ‘tiqafx tagħmel dak li hu tajjeb’!
[Kumment f’paġna 29]
Irid ikollna fiduċja sħiħa li Ġeħova m’hu se jħallina ngħaddu minn ebda prova li tkun ‘iktar milli nifilħu,’ li hu dejjem se ‘jiftħilna triq.’
[Stampi f’paġna 30]
Jekk nibqgħu bieżla f’attivitajiet teokratiċi se nkunu preparati biex niffaċċjaw il-provi