LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 7/1 pp. 13-15
  • Qegħdin Joffru Lilhom Infushom

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Qegħdin Joffru Lilhom Infushom
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Inkuraġġiment f’Waqtu għall-​Gradwati
  • Esperjenzi u Intervisti li Jgħallmu
  • Nies li minn Rajhom Jitqanqlu biex Jiġu Gilgħad
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Imqanqlin Biex Jaqdu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • L-Iskola taʼ Gilgħad—60 Sena taʼ Taħriġ għall-Missjunarji
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Il-Gradwati taʼ Gilgħad Joħorġu b’Żelu Kbir għax-Xogħol tal-Ħsad!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 7/1 pp. 13-15

Qegħdin Joffru Lilhom Infushom

“IL-​POPLU tiegħek minn rajh joffri lilu nnifsu.” (Salm 110:​3, Karm Żammit) Dan il-​kliem għandu tifsir speċjali għas-​46 student li attendew għall-​118-il klassi taʼ l-​Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead). Dawn kif ippreparaw lilhom infushom biex jattendu din l-​iskola li tħarreġ missjunarji prospettivi biex jaqdu l-​bżonnijiet spiritwali taʼ wħud f’pajjiżi barranin? Mike u Stacie, membri tal-​118-il klassi, spjegaw: “Id-​deċiżjoni li ħadna biex ngħixu ħajja sempliċi għenitna biex innaqqsu t-​tfixkil u niffokaw fuq l-​affarijiet spiritwali. Konna determinati li ma nħallux is-​suċċess li kellna fin-​negozju jwarrab fil-​ġenb il-​miri spiritwali.” Bħal Mike u Stacie, l-​istudenti l-​oħra taʼ din il-​klassi offrew lilhom infushom minn rajhom u issa qed jaqdu bħala proklamaturi tas-​Saltna f’erbaʼ kontinenti differenti.

Nhar is-​Sibt, 12 taʼ Marzu, 2005, is-​6,843 ruħ fl-​udjenza kienu jidhru tassew ferħanin hekk kif qagħdu jisimgħu l-​programm tal-​gradwazzjoni. Iċ-​chairman kien Theodore Jaracz, membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Wara li ta merħba mill-​qalb lill-​mistidnin minn 28 pajjiż differenti, hu ġibed l-​attenzjoni lejn il-​valur taʼ l-​edukazzjoni mill-​Bibbja. Il-​kelliemi kkwota lil William Lyon Phelps, għalliem Amerikan, billi qal: “Kulmin għandu għarfien profond u eżatt tal-​Bibbja jistaʼ verament jissejjaħ bniedem mgħallem.” Għalkemm l-​edukazzjoni sekulari hija bżonnjuża, l-​edukazzjoni mill-​Bibbja hi saħansitra aqwa. Din tgħin lin-​nies jieħdu għarfien dwar Alla li jwassal għall-​ħajja taʼ dejjem. (Ġwanni 17:3) Ħuna Jaracz faħħar lill-​gradwati għall-​ħeġġa li għandhom biex jieħdu sehem akbar fil-​programm globali t’edukazzjoni mill-​Bibbja f’iktar minn 98,000 kongregazzjoni tax-​Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-​dinja.

Inkuraġġiment f’Waqtu għall-​Gradwati

Wara li ċ-​chairman ta l-​kummenti tal-​ftuħ, William Samuelson tkellem dwar is-​suġġett, “Kif Tistaʼ Tkun bħal Siġra taż-​Żebbuġ li Tħaddar fid-​Dar t’Alla,” ibbażat fuq Salm 52:10 (52:​8, NW). Hu ħareġ il-​punt li fil-​Bibbja s-​siġra taż-​żebbuġ tintuża b’mod figurattiv bħala simbolu taʼ produttività, sbuħija, u dinjità. (Ġeremija 11:16) Billi qabbel lill-​istudenti maʼ siġar taż-​żebbuġ, il-​kelliemi qal: “Ġeħova se jagħtikom sbuħija u dinjità hekk kif twettqu lealment ix-​xogħol tagħkom taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna fl-​inkarigu missjunarju li għandkom.” Sewwa sew bħalma s-​siġra taż-​żebbuġ għandha bżonn għeruq b’saħħithom biex tibqaʼ ħajja matul żmien taʼ nixfa, hekk ukoll l-​istudenti għandhom bżonn isaħħu l-​għeruq spiritwali tagħhom sabiex jissaportu l-​indifferenza, l-​oppożizzjoni, jew provi oħra li għandhom mnejn jiltaqgħu magħhom fis-​servizz f’pajjiż barrani.​—Mattew 13:21; Kolossin 2:​6, 7.

John E. Barr, wieħed mit-​tliet membri tal-​Ġemgħa li Tiggverna li kellu sehem fil-​programm, tkellem dwar it-​tema “Intom il-​Melħ taʼ l-​Art.” (Mattew 5:13) Hu spjega b’mod ċar li bħalma l-​melħ letterali jipproteġi l-​ikel milli jeħżien, hekk ukoll l-​ippridkar tal-​missjunarji dwar is-​Saltna t’Alla se jsalva l-​ħajja taʼ dawk li jisimgħu, u jipproteġihom milli jeħżienu moralment u spiritwalment. Imbagħad, Ħuna Barr b’qalb tajba ħeġġeġ lill-​gradwati biex “iżommu l-​paċi” maʼ oħrajn. (Marku 9:50) “Ikkultivaw il-​frott taʼ l-​ispirtu, u kunu żguri li l-​kondotta u l-​kliem tagħkom ikunu dejjem kollhom ħlewwa u rispett,” wissa l-​kelliemi.

“Ibqgħu fuq il-​Vapur f’Baħar Fond” kienet it-​tema li tkellem dwarha Wallace Liverance, wieħed mill-​għalliema taʼ Gilgħad. Bħalma vapur li jkun qed ibaħħar f’baħar fond jistaʼ jimxi fid-​direzzjoni t-​tajba, hekk ukoll fehma dwar “l-​affarijiet profondi t’Alla”​—veritajiet li għandhom x’jaqsmu maʼ l-​iskop t’Alla u kif se jitwettaq​—tistaʼ tgħin lil dak li jkun biex jagħmel progress spiritwali. (1 Korintin 2:10) Jekk sempliċement noqogħdu f’ilma baxx spiritwalment billi nkunu kuntenti bl-​“affarijiet elementari tad-​dikjarazzjonijiet sagri t’Alla,” se nfixklu l-​progress tagħna u nistgħu saħansitra nżidu ċ-​ċans li nġarrbu “nawfraġju fil-​fidi” tagħna. (Ebrej 5:​12, 13; 1 Timotju 1:19) Ħuna Liverance kkonkluda: “Ħallu ‘r-​rikkezzi u l-​għerf u l-​għarfien profondi t’Alla’ isostnukom fl-​inkarigi missjunarji tagħkom.”​—Rumani 11:33.

Mark Noumair, għalliem ieħor taʼ Gilgħad, tkellem fuq is-​suġġett “Se Tgħix Int Skond il-​Wirt li Ngħatajt?” Għal iktar minn 60 sena, l-​Iskola taʼ Gilgħad kisbet fiduċja u reputazzjoni mill-​aqwa minħabba ‘l-​abbundanza taʼ xiehda tajba’ li taw il-​gradwati taʼ l-​iskola. Dan il-​wirt taʼ Gilgħad ġie mgħoddi lill-​istudenti tal-​118-il klassi. Ħuna Noumair ħeġġeġ lill-​istudenti biex jixbhu lin-​nies taʼ Tekugħa tal-​qedem fi żmien Neħemija u bl-​umiltà jikkooperaw mal-​kongregazzjoni lokali u maʼ sħabhom il-​missjunarji. Huma ġew imwissijin biex jevitaw l-​attitudni tal-​“kbarat” minfuħin bihom infushom li tkellem dwarhom Neħemija, u jkunu lesti li jaħdmu bil-​kwiet mingħajr ma jipprovaw jidhru.​—Neħemija 3:5.

Esperjenzi u Intervisti li Jgħallmu

Il-​parti li kien imiss fil-​programm kienet intitolata “Il-​Kelma t’Alla Kompliet Tikber.” (Atti 6:7) Lawrence Bowen, għalliem taʼ Gilgħad, idderieġa lill-​istudenti biex jirreċtaw esperjenzi li gawdew fil-​ministeru waqt li attendew l-​iskola. L-​esperjenzi wrew li l-​istudenti xandru l-​Kelma t’Alla biż-​żelu u li Ġeħova bierek bil-​kbir l-​isforzi tagħhom.

Richard Ashe intervista lil xi membri tal-​familja taʼ Betel li xogħolhom hu marbut direttament maʼ l-​iskola. Il-​kummenti spjegaw iktar biċ-​ċar l-​għajnuna li l-​familja taʼ Betel tagħti lill-​istudenti taʼ Gilgħad sabiex dawn jibbenefikaw kemm jistaʼ jkun mill-​iskola. Imbagħad, Geoffrey Jackson tkellem maʼ wħud li kienu ggradwaw minn Gilgħad fis-​snin taʼ qabel. Huma enfasizzaw il-​ħafna opportunitajiet li toffrilhom il-​ħajja missjunarja biex ifaħħru u jonoraw lil Ġeħova. Kumment minnhom kien jgħid: “In-​nies josservaw dak kollu li tagħmel bħala missjunarju. Huma jisimgħu, jaraw, u jiftakru.” B’dan il-​mod, l-​istudenti kienu mħeġġin biex dejjem joqogħdu attenti li jħallu eżempju tajjeb il-​ħin kollu. Bla dubju, fiż-​żmien li ġej, dan il-​parir għaqli se jkun prezzjuż.

Stephen Lett, membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna, ta t-​taħdita taʼ l-​għeluq bit-​titlu “Morru Bħala Wħud li Jġorru l-​‘Ilma Ħaj.’” (Ġwanni 7:38) Hu nnota li fil-​ħames xhur li għaddew, l-​istudenti bbenefikaw bil-​kbir billi xorbu kemm felħu mill-​ilma tal-​verità tal-​Kelma t’Alla. Imma, il-​missjunarji l-​ġodda x’se jagħmlu bl-​informazzjoni li kisbu? Ħuna Lett ħeġġeġ lill-​gradwati biex jaqsmu dan l-​ilma spiritwali bla egoiżmu ħalli oħrajn jirċievu fihom infushom ‘għajn taʼ ilma ġieri biex jagħtihom il-​ħajja taʼ dejjem.’ (Ġwanni 4:14) Il-​kelliemi żied: “Qatt tinsew tagħtu lil Ġeħova, ‘l-​għajn taʼ l-​ilma ġieri,’ l-​unur u l-​glorja li jistħoqqulu. Kunu paċenzjużi meta tgħallmu lil dawk li jkunu ħarġu minn Babilonja l-​Kbira li hija milquta minn nixfa.” (Ġeremija 2:13) Ħuna Lett ikkonkluda billi inkuraġġixxa lill-​gradwati jimitaw b’entużjażmu l-​ispirtu u l-​għarusa u jibqgħu jgħidu: “‘Ejja!’ U kulmin hu bil-​għatx ħa jiġi; u kulmin jixtieq ħa jieħu l-​ilma tal-​ħajja b’xejn.”​—Rivelazzjoni 22:17.

Ħuna Jaracz ikkonkluda l-​programm billi qasam maʼ kulħadd it-​tislijiet li ntbagħtu minn pajjiżi differenti. Fl-​aħħar, membru mill-​klassi tal-​gradwati qara ittra taʼ ringrazzjament mingħand l-​istudenti kollha.

Tistaʼ tagħmel lilek innifsek disponibbli biex taqdi fejn il-​ħtieġa hija akbar? Jekk tistaʼ, allura agħmel miri spiritwali kif għamlu dawn l-​istudenti li ggradwaw. Aħsad il-​ferħ u s-​sodisfazzjon li jiġu meta individwu bil-​ferħ joffri ruħu minn rajh fis-​servizz t’Alla​—kemm jekk bħala missjunarju f’pajjiż barrani u kemm jekk bħala ministru f’pajjiżu stess.

[Kaxxa f’paġna 13]

STATISTIKI TAL-​KLASSI

Numru taʼ pajjiżi rappreżentati: 8

Numru taʼ pajjiżi li ġew assenjati fihom: 19

Numru taʼ studenti: 46

Età medja: 33.0

Medja taʼ snin fil-​verità: 16.5

Medja taʼ snin fil-​ministeru full-time: 12.9

[Stampa f’paġna 15]

Il-​118-il Klassi li Ggradwat mill-​Iskola taʼ Gilgħad

Fil-​lista t’hawn taħt, ir-​ringieli huma nnumerati minn quddiem għal wara, u l-​ismijiet f’kull ringiela huma mniżżlin mix-​xellug għal-​lemin.

(1) Brockmeyer, A.; Moloney, S.; Symonds, N.; Lopez, Y.; Howard, C. (2) Jastrzebski, T.; Brown, D.; Hernandez, H.; Malagón, I.; Jones, A.; Connell, L. (3) Howard, J.; Lareau, E.; Shams, B.; Hayes, S.; Brown, O. (4) Burrell, J.; Hammer, M.; Mayer, A.; Kim, K.; Stanley, R.; Rainey, R. (5) Jastrzebski, P.; Zilavetz, K.; Ferris, S.; Torres, B.; Torres, F. (6) Connell, J.; Hernandez, R.; Moloney, M.; Malagón, J.; Shams, R.; Hayes, J. (7) Ferris, A.; Hammer, J.; Stanley, G.; Kim, C.; Symonds, S.; Lopez, D.; Burrell, D. (8) Brockmeyer, D.; Mayer, J.; Rainey, S.; Zilavetz, S.; Jones, R.; Lareau, J. 

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja