LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 7/15 pp. 10-13
  • “Dawl Ċar” fuq il-Bibbja mill-Iktar Librerija Antika fir-Russja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Dawl Ċar” fuq il-Bibbja mill-Iktar Librerija Antika fir-Russja
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Manuskritti Antiki ​—Iddefendew il-​Kelma t’Alla
  • Il-​Kżar Jieħu Interess
  • Teżori tal-​Bibbja mill-​Krimea
  • Tidwil Spiritwali fi Żminijiet Moderni
  • Jerġaʼ Jinstab Teżor Bibliku
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 7/15 pp. 10-13

“Dawl Ċar” fuq il-​Bibbja mill-​Iktar Librerija Antika fir-​Russja

ŻEWĠ studjużi qed ifittxu manuskritti antiki tal-​Bibbja. Individwalment jaqsmu deżerti u jfittxu f’għerien, monasterji, u djar tal-​qedem fuq l-​irdumijiet. Snin wara, jiltaqgħu fl-​iktar librerija antika fir-​Russja, fejn jinsabu ftit mill-​iktar sejbiet eċċitanti taʼ manuskritti Bibliċi li d-​dinja qatt kellha. Min kienu dawn l-​irġiel? It-​teżori li skoprew kif spiċċaw fir-​Russja?

Manuskritti Antiki ​—Iddefendew il-​Kelma t’Alla

Biex niltaqgħu maʼ wieħed minn dawn l-​istudjużi, irridu mmorru lura għall-​bidu tas-​seklu 19 meta l-​moviment taʼ rivoluzzjoni intelletwali kien qed jinfirex fl-​Ewropa. Kien żmien taʼ progress xjentifiku u suċċess kulturali li qanqal ħarsa xettika dwar twemmin tradizzjonali. Kritiċi taʼ pożizzjoni għolja fittxew li jisfidaw l-​awtorità tal-​Bibbja. Fil-​fatt, xi studjużi kienu qed jesprimu dubji dwar l-​awtentiċità tal-​Bibbja nfisha.

Ċerti wħud li sinċerament riedu jiddefendu l-​Bibbja sostnew li difensuri ġodda​—manuskritti antiki tal-​Bibbja li sadanittant kienu għadhom ma nstabux—mingħajr dubju kienu se jappoġġaw l-​integrità tal-​Kelma t’Alla. Li kieku setgħu jsibu manuskritti iktar antiki minn dawk li kienu diġà jeżistu, kienu se jservu taʼ xiehda silenzjuża għall-​purità tal-​Bibbja, għalkemm kien hemm diversi attentati biex il-​messaġġ tagħha jinqered jew jiġi interpretat ħażin. Dawn il-​manuskritti setgħu wkoll jesponu l-​ftit postijiet fejn fit-​test daħlu żbalji minħabba t-​traduzzjoni.

Xi wħud mill-​iktar dibattiti intensi dwar l-​awtentiċità tal-​Bibbja seħħew fil-​Ġermanja. Hemmhekk, professur żagħżugħ telaq il-​ħajja akkademika komda tiegħu biex imur fuq vjaġġ li kien se jwasslu għal wieħed mill-​akbar skoperti Bibliċi li qatt seħħew. Kien jismu Konstantin von Tischendorf, studjuż tal-​Bibbja li minħabba li ċaħad il-​kritika taʼ dawk f’pożizzjonijiet għoljin wasal biex kellu suċċess f’li jiddefendi l-​awtentiċità tal-​Bibbja. Fl-​ewwel vjaġġ tiegħu sad-​deżert tas-​Sinaj fl-​1844 kellu suċċess li ma jitwemminx. Meta ttawwal fl-​iskart taʼ monasterju sab kopja antika tas-​Settanta, jew it-​traduzzjoni Griega taʼ l-​Iskrittura Ebrajka​—l-​eqdem waħda li qatt instabet!

Ferħan se jtir, Tischendorf irnexxielu jieħu miegħu 43 karta. Għalkemm kien konvint li kien hemm iktar, meta reġaʼ rritorna fl-​1853 sab xi ħaġa żgħira biss. Fejn kienu l-​kumplament? Minħabba li ma kienx fadallu biżżejjed flus biex ikompli l-​iskoperta tiegħu, Tischendorf fittex appoġġ finanzjarju taʼ sponser sinjur, u ddeċieda li jerġaʼ jitlaq pajjiżu biex ifittex manuskritti antiki. Però, qabel ma beda l-​missjoni kellu jappella lill-​Kżar tar-​Russja.

Il-​Kżar Jieħu Interess

Tischendorf, li kien studjuż Protestant, għandu mnejn ħaseb dwar kif kienu se jilqgħuh fir-​Russja, art kbira li kienet tħaddan ir-​reliġjon Ortodossa Griega. B’ferħ, ir-​Russja kienet daħlet f’perijodu favorevoli taʼ bidla u riforma. Enfasi fuq l-​edukazzjoni wasslet biex tinfetaħ il-​Librerija Imperjali taʼ San Pietruburgu fl-​1795 mill-​Imperatriċi Katerina II (magħrufa wkoll bħala Katerina l-​Kbira). Din l-​ewwel librerija pubblika fir-​Russja għamlitha possibbli biex ammont kbir taʼ informazzjoni jkun disponibbli għal miljuni taʼ nies.

Imfaħħra bħala waħda mill-​aqwa libreriji fl-​Ewropa, il-​Librerija Imperjali kellha difett wieħed. Ħamsin sena wara li ġiet stabbilita, il-​librerija kellha biss sitt manuskritti Ebrajċi. Ma setgħetx tlaħħaq maʼ l-​interess li kien dejjem qed jiżdied fir-​Russja għall-​istudju tal-​lingwi u għat-​traduzzjonijiet Bibliċi. Katerina II kienet bagħtet lil xi studjużi fl-​universitajiet fl-​Ewropa biex jistudjaw l-​Ebrajk. Wara li rritornaw l-​istudjużi, inbdew korsijiet bl-​Ebrajk f’kulleġġi ewlenin tal-​qassisin tar-​Russja Ortodossa, u għall-​ewwel darba, studjużi Russi bdew jaħdmu fuq it-​traduzzjoni bir-​reqqa tal-​Bibbja mill-​Ebrajk antik għar-​Russu. Imma kellhom nuqqas taʼ riżorsi u saħansitra ffaċċjaw oppożizzjoni minn mexxejja tal-​knisja konservattivi. Tidwil veru kien għadu ma bediex għal dawk li kienu qed ifittxu l-​għarfien tal-​Bibbja.

Il-​kżar, Alessandru II, fehem il-​valur tal-​missjoni taʼ Tischendorf u offra appoġġ finanzjarju. Minkejja “l-​oppożizzjoni minħabba l-​għira u l-​fanatiċiżmu” mingħand xi wħud, Tischendorf irritorna mill-​missjoni tiegħu fis-​Sinaj bil-​kumplament tas-​Settanta.a Iktar tard ġiet imsejħa l-​Manuskritt Sinajtiku, u sa llum għadu wieħed mill-​iktar manuskritti antiki tal-​Bibbja li qatt instabu. Lura f’San Pietruburgu, Tischendorf mar malajr għand il-​kżar, fil-​Palazz Imperjali tax-​Xitwa. Hu ppropona li l-​kżar jappoġġa “waħda mill-​iktar ġrajjiet kbar fl-​istudju taʼ l-​analisi u tal-​Bibbja”​—edizzjoni pubblikata tal-​manuskritti li sab, li iktar tard tqiegħdu fil-​Librerija Imperjali. Il-​kżar mill-​ewwel aċċetta, u Tischendorf li kien se jtir bil-​ferħ iktar tard kiteb: “Il-​providenza tat lill-​ġenerazzjoni tagħna . . . il-​Bibbja Sinajtika, biex tkun għalina dawl ċar u sħiħ dwar dak li tassew hemm fil-​Kelma t’Alla, u biex tgħinna niddefendu l-​verità billi nistabbilixxu l-​awtentiċità tagħha.”

Teżori tal-​Bibbja mill-​Krimea

Fil-​bidu semmejna studjuż ieħor li kien qed ifittex teżori tal-​Bibbja. Min kien? Ftit snin qabel ma Tischendorf irritorna r-​Russja, il-​Librerija Imperjali rċiviet proposta li tant kienet taʼ l-​għaġeb li qanqlet l-​interess tal-​kżar u ġibdet studjużi minn madwar l-​Ewropa kollha lejn ir-​Russja. Ma setgħux jemmnu ’l għajnejhom. Quddiemhom kien hemm kollezzjoni kbira taʼ manuskritti u materjali oħra. Kien fiha 2,412-il oġġett, numru enormi, inkluż 975 manuskritt u skroll. Fosthom kien hemm 45 manuskritt tal-​Bibbja li nkitbu qabel l-​għaxar seklu. Għalkemm deher impossibbli, dawn il-​manuskritti kollha nġabru minn raġel wieħed jismu Abraham Firkovich, studjuż Karaite li kellu iktar minn 70 sena! Imma min kienu l-​Karaites?b

Din il-​mistoqsija kienet taʼ interess kbir għall-​kżar. Ir-​Russja kienet estendiet il-​fruntieri tagħha biex issa kellha territorju li qabel kien taʼ pajjiżi oħra. Minħabba dan daħlu gruppi etniċi ġodda fl-​imperu. Fir-​reġjun mill-​isbaħ tal-​Krimea, ħdejn ix-​xtut tal-​Baħar l-​Iswed, kienu jgħixu nies li dehru li huma Lhud imma li kellhom drawwiet Torok u kienu jitkellmu b’lingwa viċin ħafna tat-​Tatar. Dawn il-​Karaites kienu dixxendenti tal-​Lhud li ġew eżiljati lejn Babilonja wara l-​qerda taʼ Ġerusalemm fis-​sena 607 Q.E.K. Però, kuntrarju għal-​Lhud rabbiniċi huma ċaħdu t-​Talmud u enfasizzaw il-​qari taʼ l-​Iskrittura. Il-​Karaites tal-​Krimea kienu ħerqanin biex juru lill-​kżar evidenza li huma kienu differenti mil-​Lhud rabbiniċi, u b’hekk kellhom stat separat. Billi ppreżentaw manuskritti antiki li kellhom il-​Karaites, huma riedu jagħtu prova li huma dixxendenti tal-​Lhud li emigraw lejn il-​Krimea wara l-​eżilju Babiloniż.

Meta Firkovich beda t-​tfittxija tiegħu għal kitbiet u manuskritti antiki, hu beda fid-​djar li kienu mibnijin fl-​Irdum tal-​Krimea taʼ Chufut-Kale. Ġenerazzjonijiet tal-​Karaites kienu għexu u taw qima f’dawn id-​djar żgħar mibnijin mill-​blat maqtugħ mill-​irdum. Il-​Karaites qatt ma qerdu kopji li ma setgħux jintużaw taʼ l-​Iskrittura fejn deher l-​isem divin, Ġeħova, għaliex huma kkunsidraw azzjoni bħal din sagrileġġ. Il-​manuskritti kienu jitqiegħdu b’attenzjoni f’maħżen żgħir bl-​isem genizah, li bl-​Ebrajk ifisser “post fejn taħbi.” Minħabba li l-​Karaites kellhom rispett kbir għall-​isem divin, dawn il-​manuskritti rari kienu jintużaw.

Minkejja t-​trab li nġemaʼ wara sekli sħaħ, Firkovich ma qatax qalbu u fittex bir-​reqqa fil-​postijiet fejn kien hemm il-​genizah. F’wieħed minnhom, sab il-​manuskritt famuż tas-​sena 916 E.K. Dan l-​hekk imsejjaħ Kodiċi taʼ Pietruburgu tal-​Profeti taʼ l-​Aħħar huwa wieħed mill-​eqdem kopji taʼ l-​Iskrittura Ebrajka li jeżisti.

Firkovich irnexxielu jiġbor numru kbir taʼ manuskritti, u fl-​1859 hu ddeċieda li joffri l-​kollezzjoni kbira tiegħu lil-​Librerija Imperjali. Fl-​1862, Alessandru II għen biex tinxtara l-​kollezzjoni għal-​librerija għas-​somma taʼ 125,000 rublu, li f’dak iż-​żmien kienet somma enormi. F’dak iż-​żmien, il-​librerija kollha kemm hi kellha biss finanzi taʼ 10,000 rublu fis-​sena! Din il-​kollezzjoni inkludiet il-​Kodiċi taʼ Leningrad (B 19A) li kienet tant famuża. Inkitbet lura fis-​sena 1008 u hija l-​eqdem kopja taʼ l-​Iskrittura Ebrajka fid-​dinja kollha. Studjuż wieħed innota li hu “probabbilment l-​uniku manuskritt tant importanti tal-​Bibbja, għaliex stabbilixxa t-​test tal-​maġġuranza mill-​edizzjonijiet moderni u importanti tal-​Bibbja Ebrajka.” (Ara l-​kaxxa inkluża fl-​artiklu.) F’dik is-​sena stess, l-​1862, ġie pubblikat il-​Manuskritt Sinajtiku taʼ Tischendorf, u sar magħruf mad-​dinja kollha.

Tidwil Spiritwali fi Żminijiet Moderni

Il-​librerija li issa hi magħrufa bħala l-​Librerija Nazzjonali tar-​Russja għandha waħda mill-​iktar kollezzjonijiet kbar taʼ manuskritti tal-​qedem.c Biex tirrifletti l-​istorja tar-​Russja, l-​isem tal-​librerija nbidel sebaʼ darbiet tul żewġ sekli. Isem minnhom magħruf sew hu l-​Librerija Pubblika taʼ l-​Istat Saltykov-Shchedrin. Għalkemm it-​taqlib tas-​seklu 20 għamel xi ħsara lil-​librerija, il-​manuskritti tagħha baqgħu jeżistu wara ż-​żewġ gwerer dinjin u l-​assedju taʼ Leningrad. Kif nistgħu nibbenefikaw minn dawn il-​manuskritti?

Manuskritti antiki huma l-​bażi taʼ min joqgħod fuqha għal ħafna traduzzjonijiet moderni tal-​Bibbja. Dawn iħallu lil dawk li sinċerament qed ifittxu l-​verità jgawdu verżjoni ċara taʼ l-​Iskrittura Mqaddsa. Il-​manuskritt Sinajtiku u taʼ Leningrad taw sehem taʼ valur għat-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida taʼ l-​Iskrittura Griega Kristjana, pubblikata mix-​Xhieda taʼ Ġeħova u maħruġa kompletament fl-​1961. Per eżempju, il-​Biblia Hebraica Stuttgartensia u l-​Biblia Hebraica taʼ Kittel, li ntużaw mill-​Kumitat tat-​Traduzzjoni tal-​Bibbja tad-​Dinja l-​Ġdida, huma bbażati fuq il-​manuskritt taʼ Leningrad u jużaw it-​Tetragrammaton, jew l-​isem divin, 6,828 darba fit-​test oriġinali.

Ftit qarrejja tal-​Bibbja huma konxji tal-​fatt li għandhom ikunu grati lejn il-​librerija kwieta f’San Pietruburgu u l-​manuskritti tagħha, li xi wħud minnhom għad fihom l-​isem antik tal-​belt, Leningrad. Però, l-​iktar li għandna nuru gratitudni hu lejn l-​Awtur tal-​Bibbja, Ġeħova, li jagħti dawl spiritwali. Is-​salmista għalhekk talbu: “Ibgħat id-​dawl tiegħek u s-​sewwa tiegħek: huma jmexxuni.”​—Salm 43:3.

[Noti taʼ taħt]

a Ħa miegħu wkoll kopja sħiħa taʼ l-​Iskrittura Griega Kristjana li nkitbet lura fir-​rabaʼ seklu E.K.

b Għal iktar informazzjoni dwar il-​Karaites, ara l-​artiklu “The Karaites and Their Quest for Truth,” fil-​ħarġa taʼ The Watchtower tal-​15 taʼ Lulju, 1995.

c Il-​maġġuranza mill-​Manuskritt Sinajtiku nbiegħ lill-​British Museum. Fadal biċċiet żgħar fil-​Librerija Nazzjonali tar-​Russja.

[Kaxxa f’paġna 13]

L-​ISEM DIVIN MAGĦRUF U UŻAT

Fl-​għerf tiegħu, Ġeħova għamilha possibbli biex il-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja, tiġi preservata sa llum il-​ġurnata. Ix-​xogħol diliġenti taʼ skribi tul is-​sekli għen biex tiġi preservata. L-​iktar uħud metikulużi minn dawn kienu l-​Masoreti, skribi Ebrej professjonali li ħadmu mis-​sitt seklu sa l-​għaxar seklu E.K. L-​Ebrajk tal-​qedem kien jinkiteb mingħajr vokali. Maż-​żmien, dan żied il-​periklu li tintilef il-​pronunzja xierqa hekk kif l-​Aramajk ħa post l-​Ebrajk. Il-​Masoreti żviluppaw sistema taʼ punti tal-​vokali biex iżidu mat-​test Bibliku sabiex jindikaw il-​pronunzja xierqa taʼ kliem Ebrajk.

B’mod sinifikanti, il-​punti tal-​vokali Masoretiċi fil-​manuskritt taʼ Leningrad jgħinu l-​pronunzja tat-​Tetragrammaton​—l-​erbaʼ konsonanti Ebrajċi li jifformaw l-​isem divin​—bħala Yehwah’, Yehwih’, u Yeho·wah’. “Ġeħova” issa hu l-​iktar pronunzja magħrufa taʼ l-​isem. L-​isem divin kien terminu ħaj u familjari mal-​kittieba tal-​Bibbja u m’oħrajn fi żminijiet tal-​qedem. Illum, l-​isem t’Alla hu magħruf u jintuża minn miljuni li jagħrfu li ‘Jaħweh hu waħdu l-​Għoli fuq l-​art kollha.’​—Salm 83:19 (83:​18, NW).

[Stampa f’paġna 10]

Il-​kamra tal-​manuskritti tal-​Librerija Nazzjonali

[Stampa f’paġna 11]

L-​Imperatriċi Katerina II

[Stampi f’paġna 11]

Konstantin von Tischendorf (fin-nofs) u Alessandru II, il-​kżar tar-​Russja

[Stampa f’paġna 12]

Abraham Firkovich

[Sors tal-​Istampa f’paġna 10]

Iż-​żewġ stampi: Il-​Librerija Nazzjonali tar-​Russja, San Pietruburgu

[Sors tal-​Istampas f’paġna 11]

Katerina II: Il-​Librerija Nazzjonali tar-​Russja, San Pietruburgu; Alessandru II: Mill-​ktieb Spamers Illustrierte Weltgeschichte, Leipzig, 1898

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja