LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 7/15 pp. 14-16
  • “Xabla għall-Mulej u għal Gidgħon!”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Xabla għall-Mulej u għal Gidgħon!”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Bidwi Attent jew “Raġel Qalbieni”?
  • “Ħa Jeħodha Kontrieh Bagħal”
  • Jipprepara għal Azzjoni
  • L-​Istrateġija tal-​Battalja
  • Lezzjonijiet Għalina
  • Gidegħon rebaħ lill-Midjanin
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
  • Gidegħon u t-300 Raġel Tiegħu
    Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
  • Anzjani—Tgħallmu minn Gidegħon
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
  • Ġeħova—L-aqwa Ħabib tagħna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 7/15 pp. 14-16

“Xabla għall-​Mulej u għal Gidgħon!”

TANT hemm folla kbira li qishom ġradijiet, u l-​għelieqi fertili ġabuhom qishom xagħri. Iż-​żmien hu għal ħabta li l-​imħallfin qed jaħkmu fuq Iżrael, u l-​Iżraelin jinsabu ddisprati. Ġemgħat sħaħ taʼ Midjanin, Għamalekin, u nies mil-​Lvant rekbin fuq iġmla ilhom sebaʼ snin jinvadu l-​art biex jisirqu dak li jsibu hekk kif iż-​żrieragħ ikunu se jibdew jinbtu. L-​imrieħel tagħhom jitferrxu sabiex isibu fejn jirgħu u jibilgħu l-​ħaxix kollu li jsibu. Imma l-​poplu taʼ Iżrael la għandu ħmir, la barrin, u lanqas nagħaġ. Il-​ħakma tal-​biżaʼ tal-​Midjanin tant hija kiefra li l-​Iżraelin li huma milqutin mill-​faqar ikollhom jerfgħu xi affarijiet fil-​muntanji, fl-​għerien, u f’postijiet diffiċli biex jintlaħqu.

Is-sitwazzjoni għala hija daqshekk imwiegħra? Iżrael apostat qed iqim l-​allat foloz, u b’hekk, Ġeħova abbandunahom f’idejn dan it-​tirann. Issa li wlied Iżrael ma jifilħux iktar, huma jgħajtu lil Ġeħova għall-​għajnuna. Sejjer hu jismagħhom? L-​esperjenza taʼ Iżrael x’tgħallimna?—Mħallfin 6:​1-6.

Bidwi Attent jew “Raġel Qalbieni”?

Ġeneralment, il-​bdiewa Iżraelin jidirsu lqamħ b’barri u slitta fil-​beraħ u għall-​arja ħalli ż-​żiffa tkun tistaʼ ttajjar il-​karfa u tisseparaha minn mal-​qamħa waqt il-​proċess tat-​tidrir. Imma sforz it-​theddida li hemm minħabba l-​ħallelin li huma determinati li jħarbtu l-​art, dan jagħmel it-​tidrir jidher iktar ovvju. Bil-​moħbi tal-​Midjanin, Gidgħon jidres il-​qamħ fejn jagħsru l-​inbid—x’aktarx li f’bittija mkennija mnaqqxa fil-​blat u daqsxejn imdaqqsa. (Mħallfin 6:11) Hemmhekk, x’aktarx li l-​qamħ jistaʼ jiġi misħuq b’biċċa injama fi kwantitajiet żgħar biss. F’ċirkustanzi bħal dawn, Gidgħon jagħmel dak li jistaʼ.

Immaġina x’sorpriża ħa Gidgħon meta l-​anġlu taʼ Ġeħova deherlu u qallu: “Il-​Mulej miegħek, ja raġel qalbieni!” (Mħallfin 6:12) Peress li beda jisħaq il-​qamħ f’magħsar, Gidgħon abbli ma tantx ħassu hekk dwaru nnifsu. Madankollu, dan il-​kliem jindika li Alla kien ċert li Gidgħon jistaʼ jkun mexxej qalbieni taʼ Iżrael. Minkejja dan, hu għandu bżonn jikkonvinċi lilu nnifsu.

Meta Ġeħova jagħtih l-​inkarigu biex ‘jeħles lil Iżrael mill-​ħakma taʼ idejn Midjan,’ Gidgħon bil-​modestja kollha jgħid: “Iddew, ja Sidi, biex se neħles lil Iżrael? Ara, il-​familja tiegħi hi l-​inqas waħda fit-​tribù taʼ Manassi, u jien iż-​żgħir f’dar missieri.” B’attenzjoni kbira, Gidgħon jitlob lil Alla għal sinjal biex jinduna li Hu se jkun miegħu meta jmur ikisser lil Midjanin, u meta Ġeħova jara li Gidgħon għandu bżonn li jiġi rassigurat, Hu minn qalbu jagħmel dan. Għalhekk, Gidgħon jippreżenta offerta taʼ l-​ikel lill-​anġlu li ġie jżuru, u jitlaʼ nar mill-​blata filwaqt li jaħraq l-​offerta. Wara li Ġeħova jtaffi l-​biżaʼ taʼ Gidgħon, Gidgħon jibni artal f’dak il-​post.—Mħallfin 6:​12-24.

“Ħa Jeħodha Kontrieh Bagħal”

L-​akbar problema li għandhom l-​Iżraelin m’hijiex l-​oppressjoni taʼ Midjan. Il-​vera problema hi li ngħaqdu fil-​qima maʼ Bagħal. Ġeħova huwa “Alla għajjur,” u ħadd ma jistaʼ jaqdih b’mod aċċettabbli jekk ikun qed jaqdi lil allat oħrajn. (Eżodu 34:14) Għalhekk, Ġeħova jikkmanda lil Gidgħon sabiex iħott l-​artal li missieru kien għamel għal Bagħal u jqaċċat ix-​xbieha taʼ l-​Asera. Minħabba l-​biżaʼ mir-​reazzjoni taʼ missieru u kif ukoll t’oħrajn, Gidgħon jagħmel dan bil-​lejl minflok bi nhar, bl-​għajnuna taʼ għaxar qaddejja.

Nistgħu nifhmu għala Gidgħon huwa daqshekk attent għax malli jiskopru dan is-​“sagrileġġ,” l-​aduraturi lokali taʼ Bagħal iridu jagħtuh il-​mewt. Madankollu, Ġowas, missier Gidgħon, jibda jirraġuna mal-​poplu b’loġika li ma tistax tiċħadha u jgħidilhom li kieku Bagħal hu Alla, hu kien ikun kapaċi jiddefendi lilu nnifsu. Għal dan, b’mod xieraq Ġowas isejjaħ lil ibnu Ġerub-bagħal, li jfisser “Ħa Jeħodha Kontrieh Bagħal.”—Mħallfin 6:​25-32.

Alla dejjem ibierek lill-​qaddejja tiegħu kulmeta jieħdu waqfa kuraġġuża għall-​qima vera. Meta l-​Midjanin u l-​alleati tagħhom jerġgħu jinvadu t-​territorji taʼ Iżrael, l-​ispirtu taʼ Ġeħova “[‘jimla,’ Saydon] lil Gidgħon.” (Mħallfin 6:34) Taħt l-​influwenza taʼ l-​ispirtu, jew il-​forza attiva, t’Alla, Gidgħon jiġmaʼ t-​truppi mit-​tribujiet taʼ Manasse, Aser, Żebulun, u Naftali.—Mħallfin 6:35.

Jipprepara għal Azzjoni

Għalkemm Gidgħon issa għandu armata taʼ 32,000, hu jitlob lil Alla għal sinjal. Jekk il-​ġeżża li jħalli fl-​art fejn jidirsu tkun imxarrba bin-​nida filwaqt li l-​art tkun xotta, dan kien se juri li Alla se jsalva lil Iżrael permezz tiegħu. Ġeħova jagħmel dan il-​miraklu, u Gidgħon jitlob għal sinjal ieħor u jieħu l-​konferma meta jitolbu biex iwettaq l-​ewwel miraklu imma bil-​kontra—l-​art tixxarrab u l-​ġeżża tibqaʼ xotta. Qiegħed Gidgħon ikun attent iżżejjed? Mid-​dehra le, għax Ġeħova jaqtaʼ x-​xewqa taʼ Gidgħon biex ikun rassigurat. (Mħallfin 6:​36-40) Illum il-​ġurnata ma nistgħux nistennew li se jseħħu mirakli bħal dawn. Madankollu, nistgħu nirċievu l-​gwida u l-​assiguranza taʼ Ġeħova mill-​Kelma tiegħu.

Alla issa jgħid li l-​armata taʼ Gidgħon hija kbira. Jekk huma jirbħu kontra l-​għedewwa tagħhom b’armata daqshekk kbira, l-​Iżraelin għandhom mnejn jiftaħru li huma salvaw lilhom infushom. Imma Ġeħova għandu jkun il-​wieħed li jieħu l-​kredtu għar-​rebħa li ġejja. X’inhi s-​soluzzjoni? Gidgħon irid jestendi l-​provvediment li hemm imniżżel fil-​Liġi Mosajka u jistieden lil dawk li huma mbeżżgħin biex jirtiraw. Għal dan, 22,000 mill-​irġiel tiegħu jagħmlu dan, u jifdal biss 10,000.—Dewteronomju 20:8; Mħallfin 7:​2, 3.

Mill-ħarsa t’Alla, xorta għad hemm ħafna rġiel. Lil Gidgħon jintqallu biex jiħodhom ħdejn l-​ilma. L-​istorjografu Lhudi Ġużeppi Flavju jgħid li Alla ġiegħel lil Gidgħon jimmarċja t-​truppi tiegħu lejn xmara fl-​eqqel tal-​ġurnata. Hu x’inhu il-​każ, Gidgħon joqgħod josserva lill-​irġiel waqt li jkunu qegħdin jixorbu. Tliet mija biss iniżżlu id waħda fl-​ilma u jixorbu minnha filwaqt li joqogħdu għassa għal xi attakk mill-​għadu. Dawn it-​300 raġel attent biss se jmorru maʼ Gidgħon. (Mħallfin 7:​4-8) Immaġina lilek innifsek fiż-​żarbun tagħhom. Ladarba l-​għedewwa tiegħek huma iktar minn 135,000, żgur li se tgħid li r-​rebħa tistaʼ tiġi biss bil-​qawwa taʼ Ġeħova, u mhux b’tiegħek!

Alla jistieden lil Gidgħon biex flimkien mal-​qaddej tiegħu jispija l-​kamp taʼ Midjan. Waqt li qegħdin hemm, Gidgħon jismaʼ raġel jirrakkonta ħolma lil sieħbu li mingħajr ma joqgħod jaħsibha jgħid li t-​tifsira tal-​ħolma hi li Alla kien se jagħti lill-​Midjanin f’idejn Gidgħon. Dan hu dak li Gidgħon għandu bżonn jismaʼ. Hu ċert li Ġeħova se jgħin lilu u lit-​300 raġel li kienu miegħu jirbħu lill-​Midjanin.—Mħallfin 7:​9-15.

L-​Istrateġija tal-​Battalja

Hemm 300 raġel maqsumin fi tliet gruppi taʼ 100 kull wieħed. Kull raġel tingħatalu tromba u ġarra kbira vojta. F’kull ġarra hemm torċa moħbija. L-​ewwel ordni taʼ Gidgħon hi: ‘Ħarsu lejja u agħmlu bħali. Malli ndoqq it-​tromba, doqqu wkoll intom u għajtu “Xabla għall-​Mulej u għal Gidgħon!”’—Mħallfin 7:​16-18, 20.

It-​300 suldat Iżraeli jersqu bil-​moħbi lejn it-​tarf tal-​kamp taʼ l-​għadu. Saru madwar l-​għaxra taʼ fil-​għaxija—għadhom kif inbidlu l-​għassiesa. Jidher li issa huwa l-​aħjar ħin biex jattakkaw, għax jieħu ftit tal-​ħin sakemm joqogħdu għad-​dlam għajnejn l-​għassiesa li għadhom kif ġew.

X’biżaʼ jaqbadhom il-​Midjanin issa! F’daqqa waħda l-​ħemda tinkiser hekk kif 300 ġarra jitfarrku, 300 tromba jżarżru, u 300 raġel jgħajtu. Miblugħin, speċjalment meta jisimgħu l-​għajta “Xabla għall-​Mulej u għal Gidgħon!,” il-​Midjanin iżidu l-​għajjat tagħhom mal-​geġwiġija. F’dan il-​kaos, huwa verament diffiċli biex tara min hu ħabib u min hu għadu. It-​300 raġel għadhom weqfin fil-​post li ngħatalhom hekk kif Alla jġiegħel lill-​għedewwa jużaw ix-​xwabel tagħhom stess biex joqtlu lil xulxin. Il-​kamp tħarbat, huwa diffiċli biex taħrab, u l-​aħħar attakk jinvolvi li jmorru għal wara dawk li għad fadal u jtemmu t-​theddida tal-​Midjanin darba għal dejjem. L-​invażjoni li ħadet tant fit-​tul u li tant kien sar qtil fiha fl-​aħħar spiċċat.—Mħallfin 7:​19-25; 8:​10-12, 28.

Saħansitra wara rebħa bħal din, Gidgħon jibqaʼ modest. Meta nies minn Efrajm, li mid-​dehra ħassewhom insultati għax ma ssejħux għall-​gwerra, jipprovaw jiħduha miegħu, hu jweġibhom bil-​kalma kollha. It-​tweġiba ħelwa tiegħu ttaffi d-​dagħdigħa tagħhom u tikkalmahom.—Mħallfin 8:​1-3; Proverbji 15:1.

Issa li hemm il-​paċi, l-​Iżraelin iħeġġu lil Gidgħon biex isir sultan fuqhom. X’tentazzjoni dik! Imma Gidgħon jirrifjuta. Hu ma nesiex min kien rebaħ lill-​Midjanin. “Ma nsaltanx fuqkom, la jien u lanqas ibni,” jgħid hu. “Il-​Mulej isaltan fuqkom.”—Mħallfin 8:23.

Peress li kien imperfett, Gidgħon mhux dejjem jaġixxi bl-​għaqal. Għal xi raġuni li ma nafux biha, hu jagħmel efod mill-​priża tal-​gwerra u juriha lin-​nies tal-​belt. Ir-​rakkont jgħid li Iżrael kollu jibda ‘jiżni’ maʼ l-​efod. Huma jibdew iqimuh, u jsir bħal nassa saħansitra għal Gidgħon u għan-​nies taʼ daru. Madankollu, hu ma sarx idolatra għall-​aħħar, għax l-​Iskrittura tgħid li hu kien raġel li kellu fidi f’Ġeħova.—Mħallfin 8:27; Ebrej 11:​32-34.

Lezzjonijiet Għalina

L-​istorja taʼ Gidgħon tagħtina lezzjonijiet kemm bħala twissija u kemm bħala inkuraġġiment. Twissina li jekk Ġeħova jneħħi minn fuqna l-​ispirtu u l-​barka tiegħu minħabba kondotta ħażina min-​naħa tagħna, il-​kundizzjoni spiritwali tagħna se ssir bħal dik tar-​residenti milqutin mill-​faqar li kienu jgħixu f’art mifnija bil-​ġradijiet. Aħna ngħixu fi żminijiet kritiċi u m’għandna qatt ninsew li l-​barka taʼ Ġeħova “ġġib l-​għana, u xejn ma jżid magħha t-​taħbit tagħna.” (Proverbji 10:22) Aħna ngawdu l-​barka t’Alla għax ‘naqduh b’qalbna sħiħa u b’rieda soda.’ Inkella hu jwarrabna.—1 Kronaki 28:9.

Nistgħu ninkuraġġixxu ruħna minn dan ir-​rakkont dwar Gidgħon, għax jagħti prova li Ġeħova jistaʼ jsalva lill-​poplu tiegħu mill-​periklu, anki billi juża lil dawk li huma dgħajfin jew bla għajnuna. Il-​fatt li Gidgħon u t-​300 raġel li kienu miegħu setgħu jirbħu 135,000 Midjan jagħti prova tal-​qawwa infinita t’Alla. Għandna mnejn li nkunu f’qagħda kritika u forsi l-​għedewwa tagħna jkunu iktar minna fin-​numru. Madankollu, ir-​rakkont Bibliku taʼ Gidgħon jinkuraġġina nafdaw f’Ġeħova, li se jbierek u jeħles lil dawk kollha li jeżerċitaw fidi Fih.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja