Il-Bibbja bit-Taljan Storja Mimlija Taqlib
“IL-BIBBJA hija fost l-iktar kotba mqassmin f’pajjiżna [l-Italja], iżda forsi hi wkoll fost l-inqas li jinqraw. Il-Kattoliċi ma tantx jiġu inkuraġġiti biex isiru midħla tal-Bibbja u ma tantx jingħataw għajnuna biex jaqrawha bħala l-Kelma t’Alla. Hemm dawk li jixtiequ jsiru jafu l-Bibbja, iżda spiss ma jkunx hemm min jgħallimhom il-Bibbja.”
Din l-istqarrija, li saret fl-1995 minn ġemgħa tal-Konferenza taʼ l-Isqfijiet Taljani, tqajjem ħafna mistoqsijiet. Sekli ilu, il-Bibbja kemm kienet tinqara fl-Italja? Għala damet iktar minn pajjiżi oħra biex titqassam? Għala għadha fost l-inqas kotba li jinqraw fl-Italja? Eżami taʼ l-istorja taʼ xi verżjonijiet tal-Bibbja bit-Taljan jagħti ftit tweġibiet.
Sekli sħaħ għaddew sakemm il-lingwi Romantiċi—il-Franċiż, l-Ispanjol, il-Portugiż, it-Taljan, eċċetra—żviluppaw mil-Latin. F’diversi pajjiżi fl-Ewropa li kellhom sfond Latin, il-vernakolu, jiġifieri, il-lingwa tan-nies komuni bil-mod il-mod beda jingħata iktar stima u beda jintuża wkoll f’xogħlijiet letterarji. L-iżvilupp tal-lingwa tan-nies komuni kellu effett dirett fuq it-traduzzjoni tal-Bibbja. Kif? F’ċertu żmien fl-istorja, id-differenza bejn il-Latin, il-lingwa qaddisa li tintuża mill-Knisja Kattolika, u l-lingwa tan-nies komuni li kienet tintuża f’kull wieħed minn dawn il-pajjiżi u li kellha diversi djaletti u kienet tvarja minn lokal għal ieħor, tant kibret li l-Latin ma baqax jiġi mifhum minn dawk li ma tantx kienu jafu skola.
Sas-sena 1000, ħafna mill-abitanti tal-peniżola Taljana kienu jsibuha diffiċli biex jaqraw il-Vulgata Latina, anki jekk kien jirnexxilhom jiksbu kopja. Għal sekli sħaħ, il-ġerarkija tal-knisja kkontrollat l-edukazzjoni, inkluż dak li kien jiġi mgħallem fil-ftit universitajiet li kienu jeżistu. Dawk taʼ klassi għolja biss kienu jibbenefikaw minnha. Għalhekk, maż-żmien il-Bibbja saret ktieb “mhux magħruf.” Madankollu, ħafna xtaqu li jkollhom aċċess għall-Kelma t’Alla u jifhmuha bil-lingwa tagħhom stess.
B’mod ġenerali, il-kleru oppona t-traduzzjoni tal-Bibbja għax kien jibżaʼ li din kienet se tinkuraġġixxi li jinfirxu l-hekk imsejħa ereżiji. Skond l-istorjografu Massimo Firpo, l-użu tal-lingwa tan-nies komuni kien se jfisser li kien se jitneħħa l-ostaklu tal-lingwa, jiġifieri, l-użu tal-Latin, li kien jipproteġi l-awtorità esklużiva li kellu l-kleru fuq kwistjonijiet reliġjużi. Għalhekk, taħlita tal-kultura, ir-reliġjon, u affarijiet soċjali kienu l-fatturi li kkaġunaw in-nuqqas ġenerali t’edukazzjoni Biblika li għad hemm fl-Italja llum.
L-Ewwel Kotba tal-Bibbja li Ġew Tradotti
Fis-seklu 13 kien hemm l-ewwel traduzzjonijiet taʼ kotba Bibliċi mil-Latin għat-Taljan. Dawn il-kotba kienu miktubin bl-idejn u kienu jiswew ħafna flus. Minħabba li fis-seklu 14 in-numru taʼ traduzzjonijiet kiber, kważi lBibbja kollha kienet disponibbli bit-Taljan, avolja l-kotba tagħha ġew tradotti minn nies differenti fi żminijiet u f’postijiet differenti. Il-maġġuranza minn dawn it-traduzzjonijiet, li saru minn tradutturi anonimi, kienu jinxtraw mis-sinjuri jew dawk li kienu taʼ skola, l-uniċi nies li kellhom il-flus biex jixtruhom. Skond l-istorjografu Gigliola Fragnito, anki meta l-istampar naqqas il-prezz tal-kotba, il-Bibbja setgħet tinkiseb minn ftit uħud biss.
Għal sekli sħaħ, il-biċċa l-kbira mill-popolazzjoni ma kinitx taf taqra. Anki meta, fl-1861 l-Italja ngħaqdet, 74.7 fil-mija mill-popolazzjoni ma kinitx taf taqra. Ġara li meta l-gvern ġdid Taljan beda jagħmel tħejjijiet biex ikun hemm edukazzjoni pubblika bla ħlas u obbligatorja disponibbli għal kulħadd, fl-1870 Papa Piju IX kiteb lir-re u ħeġġu biex jopponi din il-liġi li l-papa ddeskrivieha bħala “pesta” li kienet immirata biex “teqred totalment l-iskejjel Kattoliċi.”
L-Ewwel Bibbja bit-Taljan
L-ewwel Bibbja kompluta bit-Taljan kienet stampata f’Venezja fl-1471, xi 16-il sena wara li beda jintuża l-istampar bit-tipi taċ-ċomb fl-Ewropa. Nicolò Malerbi, patri taʼ l-Ordni taʼ Camaldoli, lesta t-traduzzjoni tiegħu fi tmien xhur. Hu kien iddependa ħafna mit-traduzzjonijiet li kien hemm diġà, irranġahom skond il-Vulgata Latina, u għamel xi bidliet fil-kliem billi uża dak komuni fl-inħawi tiegħu, il-Venetia. It-traduzzjoni tiegħu kienet l-ewwel edizzjoni stampata tal-Bibbja bit-Taljan li tqassmet ħafna.
Raġel ieħor li ppubblika verżjoni tal-Bibbja f’Venezja kien Antonio Brucioli. Hu kien jistudja l-filosofija taʼ l-umaniżmu u kellu ideat Protestanti, iżda qatt ma telaq il-Knisja Kattolika uffiċjalment. Fl-1532, Brucioli ttraduċa l-Bibbja mill-Ebrajk u l-Grieg oriġinali. Din kienet l-ewwel Bibbja li ġiet tradotta mit-testi oriġinali għat-Taljan. Għalkemm ma nkitbitx b’Taljan letterarju tajjeb ħafna, taʼ min jinnota li t-traduzzjoni hija leali ħafna lejn it-test oriġinali, meta tqis l-għarfien li kellhom dak iż-żmien dwar il-lingwi antiki. F’xi postijiet u edizzjonijiet tal-Bibbja, Brucioli rrestawra l-isem t’Alla billi uża l-forma “Ieova.” Għal kważi seklu, il-Bibbja tiegħu kienet popolari ħafna fost il-Protestanti Taljani u dawk li ma kinux jaqblu maʼ l-ideat reliġjużi taʼ dak iż-żmien.
Traduzzjonijiet Taljani oħra—li fil-fatt kienu reviżjonijiet tal-Bibbja taʼ Brucioli—ġew pubblikati minn Kattoliċi stess. L-ebda waħda minnhom ma tqassmet daqstant. Fl-1607, Giovanni Diodati, kappillan Kalvinista li l-ġenituri tiegħu kienu ħarbu lejn l-Isvizzera biex jevitaw il-persekuzzjoni reliġjuża, ippubblika f’Ġinevra traduzzjoni oħra bit-Taljan mil-lingwi oriġinali. Għal sekli sħaħ, il-verżjoni tiegħu saret il-Bibbja tal-Protestanti Taljani. Għall-perijodu taʼ żmien li nkitbet fih, din il-verżjoni hi kunsidrata bħala traduzzjoni eċċellenti bit-Taljan. Il-Bibbja taʼ Diodati għenet lit-Taljani biex jifhmu t-tagħlim tal-Bibbja. Imma ċ-ċensura li għamel il-kleru żammet lura kemm din it-traduzzjoni u kemm oħrajn milli jiġu mqassmin.
Il-Bibbja —“Ktieb Mhux Magħruf”
“Il-Knisja minn dejjem kellha suċċess f’li żżomm il-kotba taħt il-ħarsien tagħha, iżda qabel ma vvintaw l-istampar, ma ħassitx il-bżonn li tagħmel lista taʼ kotba projbiti għax il-kitbiet li kienu kunsidrati perikolużi kienu jiġu maħruqin,” tgħid l-Enciclopedia Cattolica. Anki wara li kien hemm ir-Riforma Protestanta, il-kleru taʼ diversi pajjiżi fl-Ewropa għamel minn kollox biex jillimita t-tqassim taʼ l-hekk imsejħa kotba eretiċi. Wara l-Konċilju taʼ Trento kien hemm bidla sinifikanti meta fl-1546 ġiet kunsidrata l-kwistjoni taʼ li jsiru traduzzjonijiet b’diversi lingwi komuni. Qamu żewġ ideat differenti. Dawk li kienu favur il-projbizzjoni qalu li l-Bibbja bil-lingwi tan-nies komuni kienet “l-omm u l-oriġini taʼ l-ereżiji kollha.” Dawk li kienu kontra l-projbizzjoni qalu li “l-avversarji” tagħhom, jiġifieri, il-Protestanti, kienu se jgħidu li l-knisja pprojbiet il-Bibbja bil-lingwi komuni biex taħbi l-“frodi u l-qerq.”
Minħabba n-nuqqas taʼ qbil, il-Konċilju ma kien ħa l-ebda deċiżjoni rigward il-kwistjoni iżda awtorizza l-awtentiċità tal-Vulgata, li saret it-test bażiku għall-Knisja Kattolika. Madankollu, Carlo Buzzetti, għalliem fl-Università Pontifikali tas-Salesjani, f’Ruma, jinnota li l-fatt li l-Vulgata ġiet imsejħa “awtentika” “kien jiffavorixxi l-idea li, fir-realtà, din kellha tkun l-unika Bibbja leġittima.” L-iżviluppi li seħħew wara appoġġaw dak li kien intqal.
Fl-1559, Papa Pawlu IV ppubblika l-ewwel indiċi taʼ kotba projbiti, lista taʼ xogħlijiet li l-Kattoliċi kienu projbiti milli jaqraw, ibigħu, jittraduċu, jew jippossiedu. Dawn il-volumi kienu kunsidrati ħżiena u taʼ periklu għall-fidi u l-integrità morali. L-indiċi pprojbixxa l-qari tad-traduzzjonijiet tal-Bibbja bil-lingwa komuni, inkluż dik taʼ Brucioli. Dawk li m’obdewx kienu jiġu skomunikati. L-indiċi taʼ l-1596 kien saħansitra iktar strett. Il-Bibbja ma setgħetx tiġi tradotta jew stampata bil-lingwi tan-nies komuni. Bibbji bħal dawn kellhom jinqerdu.
B’riżultat taʼ dan, il-ħruq tal-Bibbji fil-pjazez tal-knisja mmultiplika wara tmiem is-seklu 16. Fl-imħuħ tan-nies in ġenerali, l-Iskrittura saret ktieb taʼ l-eretiċi, u dik l-idea għadha teżisti mhux ħażin illum ukoll. Kważi l-Bibbji u l-kummentarji kollha tal-Bibbja li kienu jinstabu fil-libreriji pubbliċi u privati nqerdu, u għall-200 sena taʼ wara, l-ebda Kattoliku ma ttraduċa Bibbja bit-Taljan. L-uniċi Bibbji li kienu jiġu mqassmin fil-peniżola Taljana—u li dan kien isir bil-moħbi minħabba l-biżaʼ taʼ kkonfiskar—kienu dawk li ġew tradotti minn studjużi Protestanti. Għalhekk, l-istorjografu Mario Cignoni qal: “Fir-realtà, il-qari tal-Bibbja minn nies li m’humiex parti mill-kleru spiċċa kompletament għal sekli sħaħ. Il-Bibbja kważi saret ktieb mhux magħruf, u miljuni taʼ Taljani għexu ħajjithom mingħajr ma qraw paġna waħda minnha.”
Tonqos il-Projbizzjoni
Iktar tard, Papa Benedettu XIV, fid-digriet li ħareġ fl-indiċi tat-13 taʼ Ġunju, 1757, biddel ir-regola li kien hemm qabel u beda jippermetti li jinqraw il-verżjonijiet bil-lingwi tan-nies komuni li jkunu ġew approvati mill-papa u pubblikati taħt id-direzzjoni taʼ l-isqfijiet. Minħabba f’hekk, Antonio Martini, li iktar tard sar l-arċisqof taʼ Firenze, ipprepara biex jittraduċi l-Vulgata. L-ewwel porzjon kien pubblikat fl-1769, u x-xogħol tlesta fl-1781. Skond sors Kattoliku wieħed, it-traduzzjoni taʼ Martini kienet l-ewwel verżjoni li tassew kien taʼ min ifaħħarha. Sa dak iż-żmien, il-Kattoliċi li ma kinux jifhmu l-Latin ma setgħux jaqraw il-Bibbja li kienet awtorizzata mill-knisja. Għall-150 sena taʼ wara, it-traduzzjoni taʼ Martini kienet l-unika verżjoni approvata għall-Kattoliċi Taljani.
Imbagħad sar xi tibdil waqt il-konċilju ekumeniku Vatikan II. Fl-1965 id-dokument Dei Verbum għall-ewwel darba inkuraġġixxa li jkun hemm “traduzzjonijiet xierqa u korretti . . . b’lingwi differenti, speċjalment mit-testi oriġinali tal-kotba sagri.” Ftit qabel, fl-1958, il-Pontificio istituto biblico (L-Istitut Bibliku Pontifikali) ippubblika “l-ewwel traduzzjoni Kattolika kompleta mit-testi oriġinali.” F’ċerti postijiet din il-verżjoni reġgħet restawrat l-isem divin billi użat il-forma “Jahve.”
L-oppożizzjoni lejn il-Bibbja bil-lingwa tan-nies komuni kienet devastanti, u l-effetti tagħha għadhom jinħassu sa llum. Bħalma spjegat Gigliola Fragnito, din l-oppożizzjoni ġiegħlet lil dawk li jemmnu jiddubitaw l-abbiltà taʼ ħsieb tagħhom u żammithom lura milli joqogħdu fuq il-kuxjenza tagħhom. Barra minn hekk, ġew imposti t-tradizzjonijiet reliġjużi, li ħafna Kattoliċi jqisuhom bħala li huma iktar importanti mill-Bibbja. Dan kollu ġiegħel lin-nies iżommu ’l bogħod mill-Iskrittura, avolja issa l-maġġuranza tan-nies jafu jaqraw.
Madankollu, ix-xogħol taʼ l-ippridkar tax-Xhieda taʼ Ġeħova, qajjem interess ġdid fil-Bibbja bit-Taljan. Fl-1963, ix-Xhieda ppubblikaw it-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana bit-Taljan. Fl-1967, il-Bibbja kollha saret disponibbli. Fl-Italja biss tqassmu iktar minn 4,000,000 kopja taʼ din il-verżjoni. It-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida, li poġġiet lura fit-test tagħha l-isem divin, Ġeħova, hija differenti minn verżjonijiet oħrajn minħabba li żżomm b’mod strett mas-sens tat-test oriġinali.
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jmorru minn dar għal dar, jaqraw u jispjegaw il-messaġġ taʼ tama li hemm fl-Iskrittura lil dawk kollha li jixtiequ jisimgħu. (Atti 20:20) Meta terġaʼ tiltaqaʼ max-Xhieda taʼ Ġeħova, għala ma tistaqsihomx juruk x’tgħid il-Bibbja tiegħek stess dwar il-wegħda meraviljuża t’Alla li dalwaqt se jagħmel “art ġdida” fejn se “tgħammar il-ġustizzja”?—2 Pietru 3:13.
[Mappa f’paġna 13]
Venezja
RUMA
[Stampa f’paġna 15]
Fit-traduzzjoni taʼ Brucioli hu uża l-isem divin Ieova
[Stampa f’paġna 15]
Fl-indiċi tal-kotba projbiti kien hemm imniżżlin it-traduzzjonijiet tal-Bibbja bil-lingwa tan-nies komuni li kienu meqjusin bħala li huma perikolużi
[Sors tal-Istampa f’paġna 13]
Il-paġna fejn hemm it-titlu taʼ Bibbja: Biblioteca Nazionale Centrale di Roma
[Sorsi tal-Istampi f’paġna 15]
It-traduzzjoni taʼ Brucioli: Biblioteca Nazionale Centrale di Roma; Indiċi: Su concessione del Ministero per i Beni e le Attività Culturali