Bijografija
Kien taʼ Sfida u taʼ Ferħ li Rrabbi Tmint Itfal fil-Mogħdijiet taʼ Ġeħova
KIF RAKKONTATA MINN JOYCELYN VALENTINE
Fl-1989, żewġi siefer fuq xogħol. Hu wegħedni li kien se jibgħat il-flus id-dar ħalli nkun nistaʼ nieħu ħsieb it-tmint itfal tiegħi. Għaddew ġimgħat sħaħ, imma ma smajtx mingħandu. Għaddew xhur sħaħ u bqajt ma smajtx mingħand żewġi. Bqajt ngħid lili nnifsi, ‘Malli l-affarijiet imorru għall-aħjar, żgur li se jiġi lura d-dar.’
MINGĦAJR ebda flus biex nieħu ħsieb il-familja tiegħi, bdejt niddispra. Waqt ħafna ljieli li fihom tarli n-nagħas, kont nistaqsi lili nnifsi bla ma ridt nemmen, ‘Kif jistaʼ jagħmel dan lill-familja tiegħu?’ Maż-żmien, aċċettajt ir-realtà kiefra li żewġi kien abbandunana. Illum, xi 16-il sena wara li telaqna, għadu ma ġiex lura. Minħabba f’hekk, rabbejt lil uliedi mingħajr l-għajnuna taʼ żewġi. Dan kien taʼ sfida, imma meta nara lil uliedi jħaddnu l-mogħdijiet taʼ Ġeħova nħoss ferħ kbir. Madankollu, qabel ma nirrakkonta kif kampajna bħala familja, ħalli ngħidilkom dwar it-trobbija tiegħi.
Infittex il-Gwida Biblika
Twilidt fl-1938 fil-Ġamajka, gżira fil-Karibew. Għalkemm missieri qatt ma kien membru taʼ xi knisja, hu kien iqis lilu nnifsu bħala wieħed li kellu l-biżaʼ t’Alla. Fil-għaxija spiss kien jitlobni naqralu mill-ktieb tas-Salmi fil-Bibbja. Ma domtx ma tgħallimt nirripeti ħafna Salmi bl-amment. Ommi kienet membru taʼ knisja lokali, u kultant kienet tiħodni magħha għal xi laqgħat reliġjużi.
F’dawk il-laqgħat kienu jgħidulna li Alla jieħu lin-nies tajbin fis-sema u lin-nies ħżiena jaħraqhom għal dejjem fin-nar taʼ l-infern. Kienu jgħidulna wkoll li Ġesù hu Alla u li jħobb lit-tfal. Jien tħawwadt u bdejt nibżaʼ minn Alla. Kont nistaqsi, ‘Kif jistaʼ Alla li jħobbna jittortura lin-nies fin-nar taʼ l-infern?’
Kont noħlom ikrah minħabba l-ħsibijiet fin-nar taʼ l-infern. Maż-żmien, bdejt nistudja l-Bibbja bil-korrispondenza f’kors sponsorjat mill-Knisja taʼ l-Avventisti tas-Sebaʼ Jum. Huma jgħallmu li l-ħżiena ma kinux se jiġu turmentati għal dejjem imma li minflok se jinħarqu fin-nar u jsiru rmied. Dan kien jinstemaʼ iktar raġunevoli, u jien bdejt nattendi l-laqgħat reliġjużi tagħhom. Imma ħassejt li t-tagħlim tagħhom kien iħawwadni, u dak li tgħallimt ma rranġax il-ħarsa żbaljata tiegħi dwar il-moralità.
Lura f’dak iż-żmien, in-nies b’mod ġenerali kienu jaċċettaw il-fatt li ż-żína hi ħażina. Però, jien u ħafna oħrajn konna nemmnu li dawk biss li jkollhom relazzjonijiet sesswali maʼ diversi nies kienu żienja. Għalhekk, żewġ individwi mhux miżżewġin li jillimitaw l-attività sesswali tagħhom għal xulxin ma kinux qed jidinbu. (1 Korintin 6:9, 10; Ebrej 13:4) Dan it-twemmin ikkontribwixxa biex jien sirt omm mhux miżżewġa taʼ sitt itfal.
Nagħmel Progress Spiritwali
Fl-1965, Vaslyn Goodison u Ethel Chambers ġew joqogħdu f’komunità fil-qrib bl-isem taʼ Bath. Huma kienu pijunieri, jew ministri full-time tax-Xhieda taʼ Ġeħova, u darba minnhom kellmu lil missieri. Hu aċċetta l-offerta tagħhom biex jibda studju tal-Bibbja fid-dar. Jekk kont inkun id-dar meta jżuruh, huma kienu jkellmu lili wkoll. Għalkemm kelli ħafna suspetti dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova, jien iddeċidejt li nistudja l-Bibbja magħhom biex nurihom li kienu żbaljati.
Kont nistaqsi ħafna mistoqsijiet matul l-istudju, u x-Xhieda wiġbuhom kollha billi użaw il-Bibbja. Bl-għajnuna tagħhom skoprejt li l-mejtin ma jafu xejn u li ma jbatux f’xi infern. (Koħèlet 9:5, 10) Tgħallimt ukoll dwar it-tama taʼ ħajja taʼ dejjem f’Ġenna fuq l-art. (Salm 37:11, 29; Rivelazzjoni 21:3, 4) Għalkemm missieri ma kompliex bl-istudji tiegħu tal-Bibbja, jien bdejt nattendi l-laqgħat tal-kongregazzjoni lokali tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Minħabba li dawn il-laqgħat kienu jitmexxew fil-paċi u b’ordni jien stajt nitgħallem iktar dwar Ġeħova. Attendejt ukoll assembleat u konvenzjonijiet distrettwali, laqgħat akbar li organizzaw ix-Xhieda. Minħabba li kont qed insir midħla sew tal-Bibbja żviluppajt xewqa qawwija biex inqim lil Ġeħova b’mod aċċettabbli. Però, kelli ostaklu.
Sa dak iż-żmien, kont qed ngħix barra r-rabta taż-żwieġ maʼ raġel li kien missier taʼ tlieta mis-sitt itfal tiegħi. Mill-Bibbja tgħallimt li Alla jikkundanna r-relazzjonijiet sesswali barra ż-żwieġ, u l-kuxjenza tiegħi bdiet tniggiżni. (Proverbji 5:15-20; Galatin 5:19) Hekk kif l-imħabba tiegħi għall-verità bdiet tikber, jien xtaqt ħafna nġib ħajti fi qbil mal-liġi t’Alla. Fl-aħħar, ħadt deċiżjoni. Jien għedt lil dak li kien qed jgħix miegħi li jew niżżewġu inkella r-relazzjoni tagħna kienet se tintemm. Għalkemm hu ma kienx taʼ l-istess twemmin tiegħi, aħna żżewwiġna uffiċjalment fil-15 t’Awissu, 1970, ħames snin wara li x-Xhieda kellmuni għall-ewwel darba. F’Diċembru taʼ l-1970, issimbolizzajt id-dedikazzjoni tiegħi lil Ġeħova permezz tal-magħmudija fl-ilma.
Dwar il-ministeru, qatt ma se ninsa l-ewwel jum li fih ħadt sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Bdejt nibżaʼ u ma kontx naf kif nibda konversazzjoni fuq il-Bibbja. Fil-fatt, ħadt ir-ruħ meta l-ewwel inkwilin qataʼ l-konversazzjoni fil-qasir. Però, ma domtx ma sirt iktar kunfidenti. Fl-aħħar tal-jum, kont tassew ferħana minħabba li kelli konversazzjonijiet qosra fuq il-Bibbja maʼ diversi nies u ħallejt magħhom ftit mill-pubblikazzjonijiet tagħna bbażati fuq il-Bibbja.
Inżomm lill-Familja b’Saħħitha Spiritwalment
Sa l-1977 il-familja tagħna kellha tmint itfal. Jien kont determinata li nagħmel ħilti kollha biex ngħin lill-familja tiegħi taqdi lil Ġeħova. (Ġożwè 24:15) Allura, ħdimt iebes biex nikkonduċi studju tal-Bibbja mal-familja regolarment. Kultant, tant kont inkun għajjiena li kienet tmur għajni bija waqt li xi ħadd mit-tfal kien ikun qed jaqra l-paragrafu, u t-tfal kien ikollhom iqajmuni. Imma l-għeja fiżika qatt ma żammitna milli nistudjaw il-Bibbja bħala familja.
Ukoll kont nitlob spiss maʼ wliedi. Malli kellhom età biżżejjed, għallimthom jitolbu lil Ġeħova waħedhom. Kont nara li lkoll kienu jgħidu talba persunali lil Ġeħova qabel jorqdu. Kont nitlob individwalment maʼ dawk li kienu għadhom żgħar wisq biex jgħidu talba.
Żewġi għall-ewwel ma ridnix nieħu lit-tfal miegħi għal-laqgħat tal-kongregazzjoni. Però, hu naqqas l-oppożizzjoni tiegħu minħabba li biex immur il-laqgħat waħdi kien ikollu jieħu ħsieb it-tfal hu. Fil-għaxija, hu kien iħobb joħroġ u jqattaʼ l-ħin maʼ sħabu, imma l-ħsieb li jagħmel dan bi tmint itfal xejn ma għoġbu! Iktar tard, hu saħansitra beda jgħinni llesti t-tfal biex niħodhom is-Sala tas-Saltna.
It-tfal malajr draw jattendu l-laqgħat kollha tal-kongregazzjoni u jieħdu sehem fil-ministeru pubbliku. Matul il-vaganzi tagħhom tas-sajf, huma spiss kienu joħorġu jippridkaw mal-pijunieri, jew il-ministri full-time, fil-kongregazzjoni. Dan għen liż-żgħar tiegħi biex jiżviluppaw imħabba mill-qalb għall-kongregazzjoni u għax-xogħol taʼ l-ippridkar.—Mattew 24:14.
Żmien taʼ Prova
Biex itejjeb il-finanzi tal-familja, żewġi beda jivvjaġġa fuq xogħol. Hu kien iqattaʼ żmien twil ’il bogħod mill-familja imma kien jiġi lura regolarment. Però, fl-1989, hu telaq u ma ġiex lura. Bħalma semmejt qabel, meta żewġi telaqni ħassejtni mifxula għalkollox. Bosta ljieli kont nibki u nitlob lil Ġeħova bil-ħrara biex ifarraġni u jagħtini s-sabar, u ħassejt li hu wieġeb it-talb tiegħi. Skritturi bħal Isaija 54:4 u l-1 Korintin 7:15 tawni l-paċi tal-moħħ u saħħewni biex nibqaʼ għaddejja b’ħajti. Fil-kongregazzjoni Kristjana, il-qraba u l-ħbieb ukoll appoġġawni emozzjonalment u materjalment. Kemm jien grata lejn Ġeħova u l-poplu tiegħu għall-għajnuna tagħhom.
Kellna provi oħra. Darba minnhom waħda mill-bniet tiegħi tkeċċiet mill-kongregazzjoni minħabba mġiba mhux Skritturali. Jien inħobb b’għożża lil uliedi kollha, però l-lealtà tiegħi lejn Ġeħova tiġi l-ewwel. Allura matul dak iż-żmien, jien u wliedi l-oħrajn żammejna b’mod sod mad-direzzjoni tal-Bibbja dwar kif għandna naġixxu maʼ min ikun maqtugħ mis-sħubija. (1 Korintin 5:11, 13) Qlajna ħafna kritika mingħand nies li ma kinux jifhmu l-pożizzjoni tagħna. Madankollu, wara li binti ġiet aċċettata lura fil-kongregazzjoni, żewġha qalli li l-pożizzjoni li ħadna għall-prinċipji tal-Bibbja impressjonatu. Issa hu jaqdi lil Ġeħova mal-familja tiegħu.
Niffaċċjaw Problemi Finanzjarji
Meta żewġi telaqna, ma kellix dħul stabbli, u l-familja ma kellhiex iktar l-appoġġ finanzjarju tiegħu. Din is-sitwazzjoni għallmitna nkunu kuntenti b’ħajja sempliċi u ngħożżu l-valuri spiritwali iktar mill-ġiri wara affarijiet materjali. Hekk kif it-tfal tgħallmu jħobbu u jgħinu lil xulxin, huma saru iktar ħbieb taʼ xulxin. Meta l-kbar bdew jaħdmu, huma minn jeddhom appoġġaw lil ħuthom iż-żgħar. Binti l-kbira, Marseree, għenet lil oħtha ż-żgħira Nicole biex tispiċċa l-edukazzjoni bażika tagħha fl-iskola sekondarja. Barra minn hekk, jien stajt nieħu ħsieb ħanut żgħir tal-merċa. Il-ftit dħul li kelli għenni nieħu ħsieb ftit mill-bżonnijiet materjali tagħna.
Ġeħova qatt ma telaqna. Darba għedt lil oħt Kristjana li l-qagħda finanzjarja tagħna ma kinitx tippermettilna nattendu l-konvenzjoni distrettwali. Hi wiġbitni: “Oħti Val, meta tismaʼ li waslet konvenzjoni, ibda ippakkja! Ġeħova se jipprovdilek.” Jien ħadt il-parir tagħha. Ġeħova pprovda, u kompla jagħmel dan. Il-familja tagħna qatt ma tilfet assemblea jew konvenzjoni minħabba li ma kellhiex flus.
Fl-1988, l-Uragan Gilbert għamel ħerba fil-Ġamajka, u aħna tlaqna minn darna biex nistkennu f’post ħieles mill-periklu. Waqt mument taʼ kalma fil-maltemp, jien u ibni tlaqna minfejn konna qed nistkennu biex naraw xi ħsara ġarrbet dik li darba kienet darna. Waqt li bdejna nfittxu fit-terrapien, jien rajt xi ħaġa li ridt insalvaha. F’daqqa waħda, ir-riħ reġaʼ beda jitqawwa, imma bqajt inżomm maʼ dak li ridt insalva. “Ma, neħħi dak it-televixin minn idejk. Mela int mart Lot?” (Luqa 17:31, 32) Dak il-kumment minn ibni ġabni f’sensija. Waqqajt minn idi t-televixin li kien imxarrab għasra bix-xita, u t-tnejn li aħna ġrejna lejn il-kenn.
Illum taqbadni r-rogħda meta niftakar li rriskjajt ħajti għal televixin. Imma nħoss qalbi titqawwa meta niftakar fil-kumment li qalli ibni f’dik l-okkażjoni għaliex kien imqajjem spiritwalment. Grazzi għat-taħriġ Bibliku li rċieva mill-kongregazzjoni Kristjana, hu setaʼ jgħinni nevita ħsara fiżika u forsi spiritwali.
L-uragan ħalla d-dar u l-proprjetà tagħna f’ħerba sħiħa, u lilna wkoll ħalliena b’qalbna maqtugħa. Imbagħad waslu ħutna l-Kristjani. Huma inkuraġġewna niffaċċjaw it-telfa tagħna b’fiduċja f’Ġeħova u biex nibqgħu attivi fil-ministeru, u huma għenuna nerġgħu nibnu darna. Dak ix-xogħol li sar bi mħabba u sagrifiċċju persunali minn volontieri Xhieda mill-Ġamajka u minn pajjiżi oħra, tassew messewlna qalbna profondament.
Inġibu lil Ġeħova l-Ewwel
Wara li spiċċat l-edukazzjoni tagħha, Melaine, it-tieni waħda mit-tfal tiegħi, bdiet taqdi fil-ministeru bħala pijuniera. Imbagħad hi aċċettat li taqdi bħala pijuniera f’kongregazzjoni oħra, u dan kien ifisser li kellha titlaq ix-xogħol li kellha. Għalkemm dan ix-xogħol ippermetta li tagħti appoġġ sinifikanti lill-familja tagħna, aħna fdajna f’Ġeħova li jekk kull wieħed u waħda minna npoġġu l-interessi tas-Saltna l-ewwel, hu kien se jieħu ħsiebna. (Mattew 6:33) Iktar tard, ibni Ewan ukoll irċieva stedina biex jaqdi bħala pijunier. Hu kien qed jappoġġa lill-familja b’mod finanzjarju, imma aħna ħeġġiġnieh jaċċetta l-istedina u xtaqnielu l-barka taʼ Ġeħova. Qatt ma żammejt lit-tfal lura milli jkabbru s-servizz tagħhom għas-Saltna, u dawk minna li konna nibqgħu d-dar qatt ma kienu jonqsuna l-bżonnijiet. Minflok, il-ferħ tagħna żdied, u kultant aħna stajna ngħinu lil oħrajn li kienu fil-bżonn.
Illum inħoss ferħ kbir meta nara lil uliedi “mexjin fil-verità.” (3 Ġwanni 4) Waħda minn uliedi, Melaine, bħalissa qed takkumpanja lil żewġha fil-ministeru tiegħu taʼ l-ivvjaġġar bħala indokratur tas-circuit. Binti Andrea u żewġha qed jaqdu bħala pijunieri speċjali, u hi takkumpanja lil żewġha meta jżur il-kongregazzjonijiet bħala sostitut taʼ l-indokratur tas-circuit. Ibni Ewan u martu jaqdu bħala pijunieri speċjali, u hu jaqdi bħala anzjan fil-kongregazzjoni. Binti oħra, Ava-Gay, qed taqdi flimkien maʼ żewġha fl-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova fil-Ġamajka. Jennifer, Genieve, u Nicole jaqdu maʼ żwieġhom u wliedhom bħala membri attivi tal-kongregazzjonijiet rispettivi tagħhom. Marseree tgħix miegħi, u t-tnejn li aħna issa nattendu l-kongregazzjoni taʼ Port Morant. Il-barkiet tiegħi huma kbar għaliex it-tmint itfal tiegħi qed ikomplu lkoll jaduraw lil Ġeħova.
Mal-medda taż-żmien żviluppajt problemi fiżiċi. Issa qed inkampa maʼ l-artrite rewmatika, imma xorta għadni ferħana li naqdi bħala pijuniera. Però, xi ftit taż-żmien ilu sar diffiċli għalija biex nimxi fl-inħawi kollha għoljiet fejn ngħix. Kont qed insibha diffiċli biex illaħħaq mal-ministeru tiegħi. Ipprovajt nuża r-rota u sibtha iktar faċli mill-mixi. Allura xtrajt rota użata u bdejt insuqha. Għall-ewwel, it-tfal sabuha bi tqila jaraw lil ommhom li tbati bl-artrite tirkeb ir-rota. Madankollu, kienu kuntenti jarawni nibqaʼ għaddejja bl-ippridkar bħalma xtaqet qalbi.
Inħoss ferħ kbir meta nara lin-nies li nkun studjajt magħhom iħaddnu l-verità tal-Bibbja. Dejjem nitlob li Ġeħova jgħin lil dawk kollha fil-familja tiegħi biex jibqgħu leali lejh matul dan iż-żmien tat-tmiem u għall-eternità. It-tifħir u l-gratitudni tiegħi huma diretti lejn Ġeħova, dak li tassew ‘jismaʼ talbna,’ talli għamilha possibbli għalija li niffaċċja l-isfida lil rrabbi lit-tmien uliedi fil-mogħdijiet tiegħu.—Salm 65:3 (65:2, NW).
[Stampa f’paġna 10]
Maʼ wliedi, l-irġiel u n-nisa tagħhom, u n-neputijiet tiegħi
[Stampa f’paġna 12]
Issa qed nuża rota biex nagħmel il-ministeru tiegħi