L-Anġli—Min Huma
IL-MONARKA taʼ imperu setgħan ma jistax jemmen lil għajnejh. Tlett irġiel li ngħataw is-sentenza tal-mewt f’nar iħeġġeġ jiġu salvati minn ħalq il-mewt! Min salvahom? Lit-tlett irġiel li ġew salvati b’dan il-mod, is-sultan innifsu jgħidilhom: “Mbierek Alla [tagħkom], li bagħat l-anġlu tiegħu u ħeles lill-qaddejja tiegħu li ttamaw fih.” (Danjel 3:95 [3:28, NW]) Dan il-mexxej Babiloniż li għex xi żewġ millennji ilu ra b’għajnejh stess ħelsien anġeliku. Fil-passat, miljuni taʼ nies kienu jemmnu li l-anġli kienu jeżistu. Ħafna llum mhux talli jemmnu li l-anġli jeżistu imma jħossu wkoll li b’xi mod ħajjithom stess hi effettwata minnhom. Min huma l-anġli, u minn fejn oriġinaw?
Skond il-Bibbja, l-anġli huma spirti, bħalma Alla stess hu Spirtu. (Ebrej 1:7; Ġwanni 4:24) Il-familja anġelika hija kbira, tgħodd bil-miljuni. (Rivelazzjoni 5:11) U lkoll huma “setgħana u qawwija.” (Salm 103:20) Għalkemm l-anġli huma bħal bnedmin fis-sens li għandhom personalitajiet u ngħataw il-libertà taʼ l-għażla, dawn ma bdewx ħajjithom bħala bnedmin. Fil-fatt, Alla ħalaq l-anġli ħafna qabel il-bnedmin—saħansitra qabel ma nħolqot il-pjaneta Art. Meta Alla ‘qiegħed sisien l-art,’ tgħid il-Bibbja, ‘għanniet il-ġemgħa tal-kwiekeb [l-anġli] taʼ filgħodu, u għajtet bil-ferħ ix-xirka taʼ wlied Alla.’ (Ġob 38:4, 7) Ladarba l-anġli huma l-ħolqien t’Alla, huma msejħin l-ulied t’Alla.
Alla għal liema skop ħalaq l-anġli? Liema rwol kellhom l-anġli fl-istorja tal-bnedmin, jekk kellhom? Qegħdin huma jeffettwaw il-ħajjiet tagħna llum? Ladarba l-anġli huma spirti bl-abbiltà li jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom stess ibbażati fuq gwida morali, jistaʼ jkun li kien hemm xi wħud minnhom li segwew lil Satana x-Xitan, u b’hekk saru għedewwa t’Alla? Il-Bibbja tipprovdi tweġibiet li huma minnhom għal dawn il-mistoqsijiet.