LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 1/15 p. 17-p. 20 para. 10
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb t’Esdra

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Punti Prinċipali mill-Ktieb t’Esdra
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • IT-​TEMPJU JERĠAʼ JINBENA
  • (Esdra 1:1–​6:​22)
  • ESDRA JIĠI ĠERUSALEMM
  • (Esdra 7:1–10:44)
  • Ġeħova Jżomm il-​Wegħdi Tiegħu
  • Tistaʼ Tkun Ċert li Ġeħova Se Jgħinek fi Żminijiet Diffiċli
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
  • Esdra għallem il-Liġi t’Alla
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
  • Huwa Effettiv it-Tagħlim Tiegħek?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Ġeħova jrid qaddejja lesti biex jaħdmu
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2016
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 1/15 p. 17-p. 20 para. 10

Il-​Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja

Punti Prinċipali mill-​Ktieb t’Esdra

IL-​KTIEB Bibliku t’Esdra jkompli minfejn jieqaf il-​ktieb tat-​Tieni Kronaki. Il-​kittieb, il-​qassis Esdra, jibda r-​rakkont bid-​digriet li joħroġ is-​Sultan Ċiru tal-​Persja li jippermetti lill-​fdal tal-​Lhud eżiljati f’Babilonja jirritorna lejn pajjiżu. Fl-​aħħar tar-​rakkont, Esdra jieħu passi biex inaddaf lil dawk li tniġġsu man-​nies taʼ l-​art. B’kollox, il-​ktieb ikopri perijodu taʼ 70 sena—mis-​sena 537 sas-​sena 467 Q.E.K.

Hu u jikteb il-​ktieb, Esdra għandu mira ċara: li juri kif Ġeħova wettaq il-​wegħda Tiegħu li jeħles lill-​poplu Tiegħu mill-​eżilju f’Babilonja u li jirrestawra l-​qima vera f’Ġerusalemm. Għalhekk, Esdra jiffoka biss fuq il-​ġrajjiet li huma konnessi maʼ dan l-​iskop. Il-​ktieb t’Esdra hu rakkont taʼ kif it-​tempju reġaʼ nbena u kif il-​qima taʼ Ġeħova reġgħet ġiet stabbilita minkejja l-​imperfezzjoni tal-​poplu t’Alla u l-​oppożizzjoni minn taʼ madwarhom. Ir-​rakkont hu interessanti ferm għalina għaliex aħna wkoll qed ngħixu fi żmien taʼ tiġdid. Ħafna huma dawk li qed jiġru lejn “l-​għolja tal-​Mulej,” u l-​art kollha dalwaqt se “tagħraf sewwa l-​glorja tal-​Mulej.”—Isaija 2:​2, 3; Ħabakkuk 2:14.

IT-​TEMPJU JERĠAʼ JINBENA

(Esdra 1:1–​6:​22)

Bi tweġiba għad-​digriet taʼ ħelsien minn Ċiru, xi 50,000 eżiljat Lhudi jirritornaw lejn Ġerusalemm taħt it-​tmexxija tal-​Gvernatur Żerubbabel, jew Sesbassar. Dawk li jirritornaw, mill-​ewwel iwaqqfu l-​artal f’postu u jibdew joffru sagrifiċċji lil Ġeħova.

Is-sena taʼ wara, l-​Iżraelin ipoġġu s-​sisien tad-​dar taʼ Ġeħova. L-​għedewwa jibqgħu jtellfuhom fix-​xogħol tal-​bini mill-​ġdid u maż-​żmien jirnexxilhom jiksbu kmand irjali biex iwaqqfu x-​xogħol. Il-​profeti Ħaggaj u Żakkarija jinkuraġġixxu lin-​nies biex jerġgħu jibdew il-​bini tat-​tempju minkejja l-​projbizzjoni. L-​għedewwa tagħhom jibqgħu lura milli jopponu għaliex jibżgħu jiħduha kontra d-​digriet Persjan li ma jistax jinbidel maħruġ oriġinalment minn Ċiru. F’investigazzjoni uffiċjali jiskopru proklama li ta Ċiru “fuq it-​tempju taʼ Alla f’Ġerusalemm.” (Esdra 6:3) Ix-​xogħol jimxi ’l quddiem sew u jitlesta.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

1:​3-6​—Kienu l-​Iżraelin dgħajfin fil-​fidi tagħhom minħabba li m’offrewx biex imorru lura lejn pajjiżhom? Xi wħud għandhom mnejn ma rritornawx lejn Ġerusalemm minħabba li kienu materjalistiċi jew għaliex kienu neqsin mill-​apprezzament għall-​qima vera, imma dan ma kienx minnu f’kull każ. L-​ewwelnett, il-​vjaġġ taʼ 1,600 kilometru lejn Ġerusalemm kien jieħu erbaʼ jew ħames xhur. Iktar minn hekk, kienu jeħtieġu ħafna saħħa fiżika biex jissetiljaw f’pajjiż li kien tħalla ħerba għal 70 sena u biex jagħmlu x-​xogħol tal-​bini. Għalhekk, ċirkustanzi mhux favorevoli bħall-​mard fiżiku, l-​età avanzata, u l-​obbligi tal-​familja żgur li żammew lil xi wħud milli jmorru lura.

2:​43​—Min kienu l-​ilsiera tat-​tempju, jew in-​Netinin? Dawn in-​nies ma kinux oriġinalment minn Iżrael u huma qdew bħala lsiera jew ministri tat-​tempju. Fosthom kien hemm id-​dixxendenti tal-​Gibgħonin taʼ żmien Ġożwè u oħrajn li “David kien ħatar biex jaqdu lil-​Leviti.”—Esdra 8:20.

2:​55​—Min kienu wlied il-​qaddejja taʼ Salamun? Dawn kienu wħud mhux Iżraelin li ngħataw privileġġi speċjali fis-​servizz taʼ Ġeħova. Huma setgħu qdew fit-​tempju bħala skribi, uħud li jikkopjaw, jew f’xi kapaċità amministrattiva oħra.

2:​61-​63​—Kienu l-​Urim u t-​Tummim, li kienu jintużaw meta jkun hemm bżonn tweġiba mingħand Ġeħova, disponibbli għall-​eżiljati li marru lura? Min kien jisħaq li ġej minn linja saċerdotali u ma kienx jirnexxilu jistabbilixxi l-​ġenealoġija tiegħu setaʼ jagħti prova taʼ dan billi juża l-​Urim u t-​Tummim. Esdra jsemmi dan biss bħala possibbiltà. L-​Iskrittura ma tgħid xejn dwar jekk intużawx l-​Urim u t-​Tummim dakinhar jew iktar tard. It-​tradizzjoni Lhudija tgħid li l-​Urim u t-​Tummim ma nstabux wara l-​qerda tat-​tempju fis-​sena 607 Q.E.K.

3:​12​—“Ix-​xjuħ, li kienu raw it-​tempju [taʼ Ġeħova] li kien hemm qabel,” għala bdew jibku? Dawn l-​irġiel setgħu jiftakru kemm kien mill-​isbaħ it-​tempju mibni minn Salamun. Il-​pedament tat-​tempju l-​ġdid li kien hemm quddiemhom kien “qisu xejn” f’għajnejhom meta mqabbel maʼ dak li kien hemm qabel. (Ħaggaj 2:​2, 3) Kienu l-​isforzi tagħhom se jġibu lura l-​glorja tat-​tempju taʼ qabel? Probabbilment ħassewhom skuraġġiti, u għalhekk bdew jibku.

3:​8-​10; 4:​23, 24; 6:​15, 16—Kemm-il sena ħa t-​tempju biex jerġaʼ jinbena? Is-​sisien tat-​tempju tpoġġew fis-​sena 536 Q.E.K.—fit-​“tieni sena minn mindu kienu ġew.” Ix-​xogħol tal-​bini twaqqaf fil-​jiem tas-​Sultan Artasersi, fis-​sena 522 Q.E.K. Il-​projbizzjoni kompliet sas-​sena 520 Q.E.K., it-​tieni sena tas-​Sultan Darju. It-​tempju tlesta fis-​sitt sena tal-​ħakma tiegħu, jew fis-​sena 515 Q.E.K. (Ara l-​kaxxa bit-​titlu “Slaten Persjani mis-​sena 537 sas-​sena 467 Q.E.K.”) Għalhekk, il-​bini tat-​tempju dam għaddej xi 20 sena.

4:8–​6:​18 (4:​7, nota taʼ taħt [4:​8, NW])—Dawn il-​versi għala nkitbu bl-​Aramajk? Din il-​parti fiha kopji taʼ ittri minn uffiċjali tal-​gvern lil slaten u t-​tweġibiet tagħhom. Esdra kkopjahom minn dokumenti pubbliċi mniżżlin bl-​Aramajk, il-​lingwa kummerċjali u diplomatika taʼ dak iż-​żmien. Partijiet oħra tal-​Bibbja miktubin b’din il-​lingwa Semitika antika huma Esdra 7:​12-​26, Ġeremija 10:​11, u Danjel 2:4b–7:​28.

Lezzjonijiet Għalina:

1:2. Dak li pprofetizza Isaija xi 200 sena qabel, seħħ fir-​realtà. (Isaija 44:28) Il-​profeziji fil-​Kelma taʼ Ġeħova qatt ma jfallu.

1:​3-6. Bħal xi wħud mill-​Iżraelin li baqgħu f’Babilonja, ħafna mix-​Xhieda taʼ Ġeħova ma jistgħux jidħlu fil-​ministeru full-time jew jaqdu fejn il-​bżonn hu akbar. Però, huma jappoġġaw u jinkuraġġixxu lil dawk li jistgħu, u jagħtu donazzjonijiet volontarji biex imexxu ’l quddiem l-​ippridkar tas-​Saltna u x-​xogħol taʼ li jagħmlu dixxipli.

3:​1-6. Fis-​sebaʼ xahar tas-​sena 537 Q.E.K. (Tixri, li jaħbat għal Settembru/Ottubru), dawk il-​leali li marru lura offrew l-​ewwel sagrifiċċju tagħhom. Is-​Sultan Nabukodonosor daħal Ġerusalemm fil-​ħames xahar (Ab, li jaħbat għal Lulju/Awissu) tas-​sena 607 Q.E.K. u xahrejn wara l-​belt kienet meqruda għalkollox. (2 Slaten 25:​8-17, 22-26) Bħalma ġie mbassar, is-​70 sena taʼ ħerba għal Ġerusalemm intemmet eżatt fil-​ħin. (Ġeremija 25:11; 29:10) Kulma tbassar il-​Kelma taʼ Ġeħova dejjem iseħħ.

4:​1-3. Il-​fdal leali ċaħad offerta li kienet tfisser li jifforma rabta reliġjuża m’aduraturi foloz. (Eżodu 20:5; 34:12) Bl-​istess mod, l-​aduraturi taʼ Ġeħova llum ma jieħdu ebda sehem maʼ movimenti li jħalltu twemmin differenti.

5:​1-7; 6:​1-12. Ġeħova jistaʼ jmexxi l-​affarijiet biex il-​poplu tiegħu jirnexxi.

6:​14, 22. Jekk nieħdu sehem biż-​żelu fix-​xogħol taʼ Ġeħova jkollna l-​approvazzjoni u l-​barka tiegħu.

6:​21. Is-​Samaritani li dak iż-​żmien kienu jgħixu f’art il-​Lhud u dawk li rritornaw u li kienu ċedew għall-​influwenzi pagani tqanqlu biex jagħmlu l-​bidliet neċessarji f’ħajjithom meta raw b’għajnejhom stess il-​progress tax-​xogħol taʼ Ġeħova. M’għandniex aħna wkoll nieħdu sehem bl-​entużjażmu fix-​xogħol tagħna mogħti minn Alla, inkluż ix-​xogħol tal-​proklamazzjoni tas-​Saltna?

ESDRA JIĠI ĠERUSALEMM

(Esdra 7:1–10:44)

Għaddew ħamsin sena minn meta d-​dar taʼ Ġeħova mibnija mill-​ġdid ġiet inawgurata. Is-​sena hi 468 Q.E.K. Waqt li jieħu miegħu l-​fdal tal-​poplu t’Alla u l-​fondi li ġew kontribwiti, Esdra jmur minn Babilonja lejn Ġerusalemm. Xi jsib hemmhekk?

Il-mexxejja jgħidu lil Esdra: “Il-​poplu taʼ Iżrael, il-​qassisin, u l-​Leviti, m’humiex maqtugħin min-​nies taʼ artijiet barranin bil-​ħwejjeġ moqżieża tagħhom.” Iktar minn hekk, “f’dan it-​tradiment, il-​mexxejja u l-​kapijiet kienu minn taʼ quddiem.” (Esdra 9:​1, 2) Esdra jinħasad. Hu jiġi inkuraġġit biex ‘jagħmel il-​qalb u jagħmel xi ħaġa.’ (Esdra 10:4) Esdra jieħu passi biex jikkoreġi s-​sitwazzjoni, u n-​nies iwieġbu b’mod favorevoli.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

7:​1, 7, 11—Jirreferu dawn il-​versi kollha għall-​istess Artasersi li waqqaf ix-​xogħol tal-​bini? Le. Artasersi hu isem jew titlu li jintuża għal żewġ slaten Persjani. Wieħed kien Bardija jew Gawmata , li ordna li x-​xogħol tat-​tempju jitwaqqaf fis-​sena 522 Q.E.K. Artasersi taʼ meta Esdra mar Ġerusalemm hu Artasersi Longimanu.

7:28–​8:​20​—Ħafna mil-​Lhud f’Babilonja għala ma kinux lesti jmorru Ġerusalemm m’Esdra? Avolja għaddew iktar minn 60 sena minn meta l-​ewwel grupp taʼ Lhud irritorna lejn pajjiżu, kien hemm biss ftit uħud imxerrdin li ssetiljaw f’Ġerusalemm. Il-​fatt li jirritornaw Ġerusalemm kien se jfisser ħajja ġdida f’ċirkustanzi diffiċli u perikolużi. Ġerusalemm taʼ dak iż-​żmien ma kienet toffri ebda prospetti materjali sbieħ għal-​Lhud li forsi kienu sejrin tajjeb f’Babilonja. Ma rridux ninsew il-​vjaġġ perikoluż li kien involut. Dawk li kienu se jirritornaw kellhom bżonn fidi qawwija f’Ġeħova, żelu għall-​qima vera, u kuraġġ biex imorru jgħixu hemmhekk. Anki Esdra saħħaħ lilu nnifsu permezz taʼ id Ġeħova li kienet miegħu. Bl-​inkuraġġiment t’Esdra, 1,500 familja—li forsi jammontaw għal 6,000 ruħ—aġixxew. Wara li Esdra ħa passi oħra, 38 Levita u 220 Netini aġixxew.

9:​1, 2​—Kemm kienu taʼ theddida serja r-​rabtiet taż-​żwieġ man-​nies taʼ l-​art? Il-​ġens imġedded kellu jħares il-​qima taʼ Ġeħova sakemm jiġi l-​Messija. Ir-​rabtiet taʼ żwieġ m’abitanti oħra kienu tassew taʼ theddida għall-​qima vera. Minħabba li xi wħud ifformaw alleanzi taʼ żwieġ maʼ nies li kienu jqimu l-​idoli, il-​ġens kollu setaʼ maż-​żmien isir ħaġa waħda mal-​ġnus pagani. Il-​qima pura setgħet tisparixxi minn fuq wiċċ l-​art. Imbagħad, għand min kien se jiġi l-​Messija? Mhux taʼ b’xejn li Esdra nħasad x’ħin ra x’kien ġara!

10:​3, 44​—It-​tfal għala tkeċċew flimkien man-​nisa? Jekk it-​tfal kienu se jibqgħu, kien se jkun hemm ċans akbar li n-​nisa mkeċċija jiġu lura minħabba fihom. Iktar minn hekk, it-​tfal żgħar ġeneralment ikollhom bżonn l-​omm biex tieħu ħsiebhom.

Lezzjonijiet Għalina:

7:​10. Bħala student diliġenti u għalliem effettiv tal-​Kelma t’Alla, Esdra kien t’eżempju għalina. Hu ħejja qalbu bit-​talb biex jistudja l-​Liġi taʼ Ġeħova. Hekk kif studjaha, Esdra qagħad attent ħafna għal dak li Ġeħova kien qed jgħid. Esdra applika dak li tgħallem u ħadem biex jgħallem lill-​oħrajn.

7:​13. Ġeħova jrid uħud li jaqduh mill-​qalb.

7:​28; 8:​21-​23. Esdra ta l-​kredtu lil Ġeħova, talbu bil-​ħrara u bis-​sinċerità kollha qabel m’għamel il-​vjaġġ twil u perikoluż lejn Ġerusalemm, u kien lest li jipperikola ħajtu għall-​glorja t’Alla. B’dan il-​mod, hu ħallielna eżempju mill-​aqwa.

9:2. Aħna rridu niħduha bis-​serjetà t-​twissija li niżżewġu “biss fil-​Mulej.”—1 Korintin 7:39.

9:​14, 15. Sħubija ħażina tistaʼ twassal għad-​diżapprovazzjoni taʼ Ġeħova.

10:​2-​12, 44. Dawk li ħadu nisa barranin nidmu umilment u kkoreġew il-​ħażen tagħhom. L-​attitudni u l-​għemejjel tagħhom kienu eżemplari.

Ġeħova Jżomm il-​Wegħdi Tiegħu

Kemm hu taʼ valur il-​ktieb t’Esdra għalina! Eżatt fil-​ħin, Ġeħova wettaq il-​wegħda tiegħu li jeħles lill-​poplu tiegħu mill-​eżilju f’Babilonja u li jġedded il-​qima vera f’Ġerusalemm. Ma jsaħħilniex dan il-​fidi tagħna f’Ġeħova u fil-​wegħdi tiegħu?

Aħseb dwar l-​eżempji li jipprovdi l-​ktieb t’Esdra. Esdra u l-​fdal li rritornaw biex ikollhom sehem fit-​tiġdid tal-​qima vera f’Ġerusalemm urew devozzjoni eżemplari lejn Alla. Dan il-​ktieb jenfasizza wkoll il-​fidi taʼ barranin li kienu jibżgħu minn Alla u l-​attitudni umli taʼ wħud niedma minħabba l-​ħażen li għamlu. Tabilħaqq, il-​kliem ispirat t’Esdra jagħti prova ċara li “l-​kelma t’Alla hi ħajja u qawwija.”—Ebrej 4:12.

[Tabella/Stampa f’paġna 18]

SLATEN PERSJANI MIS-​SENA 537 Sas-​sena 467 Q.E.K.

Ċiru l-​Kbir (Esdra 1:1) miet fis-​sena 530 Q.E.K.

Kambise, jew Assweru (Esdra 4:6) 530-22 Q.E.K.

Artasersi—Bardija (Esdra 4:7)522 Q.E.K. (Inqatel wara

jew Gawmata li saltan għal sebaʼ xhur biss)

Darju I (Esdra 4:24)522-486 Q.E.K.

Sersi, jew 486-75 Q.E.K. (Ħakem bħala koreġġent Asswerua maʼ Darju I mis-​sena 496-86 Q.E.K.)

Artasersi Longimanu (Esdra 7:1)475-24 Q.E.K.

[Nota taʼ taħt]

a Sersi m’huwiex imsemmi fil-​ktieb t’Esdra. Il-​ktieb Bibliku t’Ester jirreferi għalih bħala Assweru.

[Stampa]

Assweru

[Stampa f’paġna 17]

Ċiru

[Stampa f’paġna 17]

Id-​dokument li jissejjaħ iċ-​Ċilindru taʼ Ċiru jitkellem dwar l-​ordni li dawk maqbudin fil-​jasar kellhom jirritornaw lura pajjiżhom

[Sors]

Ċilindru: Photograph taken by courtesy of the British Museum

[Stampa f’paġna 20]

Taf għala Esdra kien għalliem effettiv?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja