Mistoqsijiet mill-Qarrejja
L-arka tal-patt kien fiha biss iż-żewġ twavel tal-ġebel, jew kien fiha wkoll oġġetti oħra?
Fi żmien id-dedikazzjoni tat-tempju taʼ Salamun fis-sena 1026 Q.E.K., “xejn ma kien hemm ġo l-arka ħlief iż-żewġ twavel li kien qiegħed hemm Mosè meta kien Ħoreb; dawn kienu t-twavel tal-patt li bih il-Mulej intrabat maʼ wlied Iżrael meta ħarġu mill-Eġittu.” (2 Kronaki 5:10) Madankollu, dan ma kienx dejjem il-każ.
“Fit-tielet xahar mill-ħruġ taʼ wlied Iżrael mill-art taʼ l-Eġittu,” huma daħlu fid-deżert tas-Sinaj. (Eżodu 19:1, 2) Imbagħad, Mosè telaʼ fuq il-Muntanja Sinaj u ngħatawlu ż-żewġ twavel tal-ġebel bil-Liġi fuqhom. Hu jirrakkonta: “U dort u nżilt minn fuq il-muntanja, u qegħedt it-twavel fl-arka li kont għamilt fejn baqgħu hemm sa llum, skond ma ordna l-Mulej.” (Dewteronomju 10:5) Din kienet arka temporanja, jew reċipjent, li Ġeħova qal lil Mosè biex jibniha sabiex iżomm it-twavel tal-Liġi fiha. (Dewteronomju 10:1) L-arka tal-patt tlestiet, bejn wieħed u ieħor, lejn l-aħħar tas-sena 1513 Q.E.K.
Ftit wara li nħelsu mill-Eġittu, l-Iżraelin bdew igergru dwar l-ikel. Għalhekk, Ġeħova pprovdielhom il-manna. (Eżodu 12:17, 18; 16:1-5) F’dak il-perijodu, Mosè ta din l-istruzzjoni lil Aron: “Ħu ġarra u qiegħed fiha daqs siegħ manna, u qegħedha quddiem il-Mulej biex iżżommha għall-ġenerazzjonijiet taʼ warajkom.” Ir-rakkont jgħid: “U skond ma ordna l-Mulej lil Mosè, hekk Aron qegħedha [“quddiem ix-Xiehda,” NW] [arkivju fejn jiġu mħarsin dokumenti importanti] biex tintrefaʼ hemm.” (Eżodu 16:33, 34) Filwaqt li f’dak iż-żmien Aron żgur li ġabar il-manna fil-ġarra, din ma setgħetx titpoġġa quddiem ix-Xiehda sakemm Mosè għamel l-Arka u poġġa t-twavel fiha.
Kif ġie notat diġà, l-arka tal-patt inbniet fl-aħħar tas-sena 1513 Q.E.K. Il-bastun t’Aron tpoġġa f’din l-Arka ħafna iktar tard, wara r-ribelljoni taʼ Koraħ u oħrajn. L-appostlu Pawlu jsemmi ‘l-arka tal-patt [li fiha] kien hemm il-bieqja tad-deheb bil-manna u l-bastun t’Aron li warrad u t-twavel tal-patt.’ Dawn kienu “l-bieqja tad-deheb bil-manna u l-bastun t’Aron li warrad u t-twavel tal-patt.”—Ebrej 9:4.
Il-manna kienet provduta minn Alla matul l-40 sena li l-Iżraelin qattgħu fid-deżert. Din ma ġietx iktar provduta meta ‘bdew jieklu mill-frott taʼ l-art’ imwiegħda. (Ġożwè 5:11, 12) Il-bastun t’Aron tpoġġa fl-arka tal-patt għal skop—bħala sinjal, jew evidenza, kontra l-ġenerazzjoni ribelluża. Dan jissuġġerixxi li l-bastun baqaʼ hemm kważi matul il-vjaġġ kollu fid-deżert. Allura, jistaʼ jidher loġiku li tikkonkludi li xi ftit żmien wara li Iżrael daħal fl-Art Imwiegħda u qabel id-dedikazzjoni tat-tempju taʼ Salamun, il-bastun t’Aron u l-bieqja tad-deheb bil-manna tneħħew mill-arka tal-patt.