Il-Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja
Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ Neħemija
GĦADDEW 12-il sena minn meta seħħew l-aħħar ġrajjiet imniżżlin fil-ktieb Bibliku t’Esdra. Issa wasal il-waqt biex “[toħroġ] il-kelma biex jerġgħu jiġu u jibnu lil Ġerusalemm”—il-ġrajja li timmarka l-bidu tas-70 ġimgħa taʼ snin li jwasslu għall-Messija. (Danjel 9:24-27) Il-ktieb taʼ Neħemija hu storja dwar il-poplu t’Alla li tinvolvi l-bini mill-ġdid tas-swar taʼ Ġerusalemm. Tkopri perijodu importanti taʼ iktar minn 12-il sena, mis-sena 456 Q.E.K. sa xi żmien wara s-sena 443 Q.E.K.
Miktub mill-Gvernatur Neħemija, il-ktieb hu rakkont eċċitanti dwar kif il-qima vera tiġi mfaħħra meta min jaġixxi b’determinazzjoni jistrieħ fuq Alla Ġeħova. Juri ċar kemm Ġeħova jmexxi l-affarijiet sabiex isseħħ ir-rieda tiegħu. Jinkludi l-istorja taʼ mexxej qawwi u kuraġġuż. Il-messaġġ fil-ktieb taʼ Neħemija jipprovdi lezzjonijiet taʼ valur għall-aduraturi veri kollha llum, “għax il-kelma t’Alla hi ħajja u qawwija.”—Ebrej 4:12.
“IS-SWAR TLESTEW”
Neħemija jinsab fiċ-ċittadella taʼ Susa, jaqdi lis-Sultan Artasersi Longimanu f’pożizzjoni taʼ fiduċja. Malli jismaʼ l-aħbar li niesu “jinsabu ħażin ħafna u fil-għajb [u li] is-swar taʼ Ġerusalemm għadhom imħarbta, u l-bibien tagħhom maħruqa bin-nar,” Neħemija jħossu tassew imnikket. Hu jitlob bil-ħerqa għad-direzzjoni t’Alla. (Neħemija 1:3, 4) Maż-żmien, is-sultan jinnota d-dwejjaq tiegħu, u lil Neħemija tinfetaħlu t-triq biex imur Ġerusalemm.
Wara li jasal Ġerusalemm, Neħemija jeżamina s-swar fid-dalma tal-lejl, u juri lil-Lhud li għandu pjan biex jerġgħu jinbnew is-swar. Jinbeda x-xogħol tal-bini. U l-oppożizzjoni kontra l-bini ma tonqosx. Madankollu, taħt it-tmexxija tal-kuraġġuż Neħemija ‘s-swar jitlestew.’—Neħemija 6:15.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
1:1; 2:1—Hija s-“sena għoxrin” imsemmija f’dawn iż-żewġ versi magħduda mill-istess punt taʼ referenza? Iva, is-sena 20 hija dik tal-ħakma tas-sultan Artasersi. Madankollu, il-metodu taʼ l-għadd użat f’dawn il-versi hu differenti. L-evidenza storika tipponta lejn is-sena 475 Q.E.K. bħala s-sena li fiha Artasersi telaʼ fuq it-tron. Ladarba l-iskribi taʼ Babilonja kellhom id-drawwa li jgħoddu s-snin tal-ħakmiet tas-slaten Persjani minn Nisan (Marzu/April) sa Nisan, l-ewwel sena tal-ħakma t’Artasersi bdiet f’Nisan tas-sena 474 Q.E.K. Għalhekk, l-għoxrin sena tal-ħakma msemmija f’Neħemija 2:1 bdiet f’Nisan tas-sena 455 Q.E.K. Ix-xahar taʼ Kaslew (Novembru/Diċembru) imsemmi f’Neħemija 1:1 b’mod loġiku kien Kaslew tas-sena taʼ qabel—is-sena 456 Q.E.K. Neħemija jirreferi għal dan ix-xahar bħala li jiġi fl-20 sena tal-ħakma t’Artasersi. Forsi f’dan il-każ, hu kien qed jgħodd is-snin minn meta laħaq bħala monarka. Jistaʼ jkun ukoll li Neħemija kien qed jgħodd iż-żmien skond dik li l-Lhud illum isejħulha sena ċivili li tibda fix-xahar taʼ Tixri, jiġifieri għall-ħabta taʼ Settembru/Ottubru. Hu x’inhu l-każ, is-sena li fiha ħareġ id-digriet biex Ġerusalemm tiġi restawrata kienet l-455 Q.E.K.
4:11, 12 (4:17, 18, NW)—Kif jistaʼ raġel jagħmel ix-xogħol tal-bini mill-ġdid billi juża id waħda biss? Għal dawk li jġorru t-tagħbija dan ma kienx diffiċli. Ladarba t-tagħbija kienet titqiegħed fuq rashom jew spallejhom, huma setgħu faċilment iżommuha b’id waħda u “bl-oħra [iżommu] ix-xabla.” Il-bennejja li kellhom bżonn jaħdmu b’idejhom it-tnejn “kienu jibnu, kull wieħed minnhom imħażżem bix-xabla maʼ qaddu.” Huma kienu lesti biex jaġixxu jekk xi għadu jattakka.
5:7 (NW)—F’liema sens beda Neħemija ‘jsib ħtija fin-nobbli u fil-ħakkiema deputati’? Dawn l-irġiel kienu qed jesiġu użura mil-Lhud sħabhom, u għalhekk bdew jiksru l-Liġi Mosajka. (Levitiku 25:36; Dewteronomju 23:20 [Dewteronomju 23:19, NW]) Iktar minn hekk, dawk li jsellfu bdew jitolbu interessi għoljin. Jekk kienu jitolbu “wieħed fil-mija” kull xahar, dan kien ikun ekwivalenti għal 12 fil-mija fis-sena. (Neħemija 5:11) Kienet kattiverija li jimponu dan fuq nies li kienu diġà mgħobbijin b’taxxi u nuqqas taʼ ikel. Neħemija ċanfar lill-għonja billi uża l-Liġi t’Alla biex jikkoreġihom, u għalhekk kixef il-ħażen tagħhom.
6:5—Ladarba l-ittri kunfidenzjali kienu jitpoġġew f’borża siġillata, Sanballat għala bagħat “ittra miftuħa” lil Neħemija? Jistaʼ jkun li Sanballat ried joħroġ fil-pubbliku l-akkużi foloz billi jibgħathom f’ittra miftuħa. Forsi hu ttama li dan tant kien se jirrabja lil Neħemija li hu kien se jitlaq ix-xogħol tal-bini u jiġi biex jiddefendi ruħu. Jew Sanballat setaʼ ħaseb li l-kontenut taʼ l-ittra tant kien se jallarma lil-Lhud li dawn kienu se jieqfu għalkollox minn xogħolhom. Neħemija ma ħalliehx ibeżżgħu u bil-kalma kollha kompla x-xogħol tiegħu inkarigat minn Alla.
Lezzjonijiet Għalina:
1:4; 2:4; 3:36, 37 (4:4, 5, NW). Meta niffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli jew meta nieħdu deċiżjonijiet importanti, aħna għandna ‘nipperseveraw fit-talb’ u naġixxu fi qbil mad-direzzjoni teokratika.—Rumani 12:12.
1:11–2:8; 3:36, 37 (4:4, 5, NW); 4:9, 10 (4:15, 16, NW); 6:16. Ġeħova jwieġeb it-talb sinċier tal-qaddejja tiegħu.—Salm 86:6, 7.
1:4; 4:13, 14 (4:19, 20, NW); 6:3, 15. Waqt li Neħemija kien raġel b’sentimenti teneri, hu ħalla eżempju mill-aqwa bħala bniedem t’azzjoni li żamm sod mas-sewwa.
1:11–2:3. Is-sors prinċipali taʼ ferħ għal Neħemija ma kienx il-pożizzjoni prestiġjuża tiegħu bħala kuppier. Kien l-avanz tal-qima vera. M’għandhomx il-qima taʼ Ġeħova u dak kollu li jinkuraġġiha jkunu dak li jinteressana l-iktar u l-akbar sors taʼ ferħ f’ħajjitna?
2:4-8. Ġeħova għamel li Artasersi jagħti permess lil Neħemija biex imur u jerġaʼ jibni s-swar taʼ Ġerusalemm. “Qalb is-sultan nixxiegħa ilma f’id il-Mulej,” jgħid Proverbji 21:1. “Hu jmexxiha kull fejn jogħġbu.”
3:5, 27. Aħna m’għandniex nikkunsidraw ix-xogħol manwali li jsir għall-interessi tal-qima vera bħala li jbaxxi d-dinjità tagħna, bħalma għamlu “l-kbarat” taʼ Tekugħa. Minflok, nistgħu nimitaw lin-nies komuni taʼ Tekugħa li offrew ruħhom minn jeddhom.
3:10, 23, 28-30. Għalkemm xi wħud jistgħu jmorru fejn ikun hemm iktar bżonn taʼ proklamaturi tas-Saltna, ħafna minna nappoġġaw il-qima vera f’pajjiżna. Nistgħu nagħmlu dan billi nipparteċipaw fix-xogħol tal-bini tas-Swali tas-Saltna u nagħtu l-għajnuna meta jkun hemm xi diżastru imma l-iktar billi nieħdu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna.
4:8 (4:14, NW). Meta niffaċċjaw l-oppożizzjoni, aħna wkoll nistgħu negħlbu l-biżaʼ billi nżommu f’moħħna l-Wieħed “kbir u tal-biżaʼ.”
5:14-19. Il-Gvernatur Neħemija huwa eżempju mill-aqwa għall-indokraturi Kristjani fejn jidħlu l-umiltà, in-nuqqas t’egoiżmu, u l-għaqal. Għalkemm kien żeluż biex jara li tinżamm il-Liġi t’Alla, hu ma ddominax lil oħrajn għall-vantaġġ persunali tiegħu. Minflok, hu wera interess fil-maħqurin u l-foqra. Minħabba li kien ġeneruż, Neħemija ħalla eżempju mill-aqwa għall-qaddejja kollha t’Alla.
“FTAKAR FIJA, ALLA TIEGĦI, BIEX IKUNLI TAʼ ĠID”
Hekk kif jitlestew is-swar taʼ Ġerusalemm, Neħemija jwaqqaf il-bibien u jħejji biex il-belt tiġi mħarsa. Hu mbagħad iniżżel bil-miktub il-ġenealoġija tan-nies. Hekk kif in-nies kollha jinġabru “fil-misraħ taʼ quddiem Bieb l-Ilma,” Esdra l-qassis jaqra l-ktieb tal-Liġi taʼ Mosè, u Neħemija u l-Leviti jispjegaw il-Liġi lin-nies. (Neħemija 8:1) Malli jsiru jafu bil-Festa taʼ l-Għerejjex, huma jibdew jiċċelebrawha bil-ferħ.
Imbagħad issir laqgħa oħra li matulha “nisel Iżrael” jistqarr dnubietu, il-Leviti jirrivedu l-mod kif Alla ttratta lil Iżrael, u n-nies jaħilfu “li jimxu skond il-Liġi li Alla kien ta.” (Neħemija 9:1, 2; 10:30 [10:29, NW]) Ladarba għad m’hemmx ħafna nies joqogħdu Ġerusalemm, bix-xorti jintgħażel 1 minn kull 10 irġiel li jgħixu barra l-belt biex imorru joqogħdu fil-belt. Imbagħad, is-swar jiġu inawgurati b’tant entużjażmu li “l-għajat taʼ ferħ f’Ġerusalemm . . . jinstemaʼ mill-bogħod.” (Neħemija 12:43) Tnax-il sena wara l-wasla tiegħu, Neħemija jitlaq minn Ġerusalemm lura lejn l-inkarigu tiegħu m’Artasersi. In-nuqqas taʼ ndafa malajr jidħol baxx baxx fost il-Lhud. Malli jmur lura Ġerusalemm, Neħemija jieħu azzjoni deċiżiva biex jikkoreġi s-sitwazzjoni. Hu jitlob b’umiltà għalih innifsu: “Ftakar fija, Alla tiegħi, biex ikunli taʼ ġid.”—Neħemija 13:31.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
7:6-67—Il-lista li għamel Neħemija tal-fdal li rritorna Ġerusalemm maʼ Żerubbabel għala hija differenti minn dik t’Esdra fejn jidħlu l-figuri individwali taʼ kull dar? (Esdra 2:1-65) Ir-raġuni għal dawn id-differenzi tistaʼ tkun li Esdra u Neħemija ġabu l-informazzjoni minn sorsi differenti. Per eżempju, l-għadd taʼ dawk li rreġistraw biex jirritornaw setaʼ kien differenti mill-għadd taʼ dawk li rritornaw verament. Iż-żewġ dokumenti setgħu kienu differenti wkoll minħabba li xi Lhud li ma setgħux jistabbilixxu l-ġenealoġija tagħhom fil-bidu għamlu dan maż-żmien. Però, iż-żewġ rakkonti jaqblu dwar ħaġa waħda: L-ammont taʼ dawk li rritornaw fil-bidu kien taʼ 42,360, minbarra l-qaddejja u l-kantanti.
10:35 (10:34, NW)—In-nies għala kellhom joffru l-injam? L-offerta taʼ l-injam ma kinitx ordnata mil-Liġi Mosajka. Din il-ħtieġa ġiet kompletament minħabba l-bżonn. Kien hemm bżonn kwantitajiet kbar taʼ injam sabiex jinħarqu s-sagrifiċċji fuq l-artal. Milli jidher ma kienx hemm biżżejjed Netinin li kienu jaqdu bħala lsiera tat-tempju mhux Iżraelin. Għalhekk, tellgħu x-xorti biex ikunu ċerti li l-injam jibqaʼ jiġi provdut.
13:6—Neħemija kemm dam nieqes minn Ġerusalemm? Il-Bibbja tgħid li kien biss “wara xi żmien” li Neħemija talab li jitlaq lis-sultan biex imur lura Ġerusalemm. Għalhekk, huwa impossibbli niddeterminaw kemm dam nieqes. Però, malli mar lura Ġerusalemm, Neħemija sab li l-qassisin ma kinux qed jiġu appoġġati, u lanqas ma kienet qed tiġi osservata l-liġi tas-Sabat. Ħafna kienu ħadu nisa barranin, u nisilhom lanqas biss kien jitkellem bil-lingwa tal-Lhud. Neħemija kellu jkun nieqes għal żmien twil biex il-kundizzjonijiet imorru daqshekk għall-agħar.
13:25, 28—Minbarra li ‘beda jsib ħtija’ (NW) fil-Lhud minħabba li waqgħu fil-baxx, liema miżuri taʼ korrezzjoni ħa Neħemija? Neħemija ‘seħithom’ minħabba li ddikjaralhom il-ġudizzji kontrihom li jinsabu fil-Liġi t’Alla. Hu ‘laqat xi rġiel minnhom’ forsi billi ordna li tittieħed azzjoni ġudizzjarja kontrihom. Bħala simbolu tar-rabja morali tiegħu, hu ‘qalgħalhom [xi] xagħar.’ Ukoll hu keċċa lin-neputi tal-Qassis il-Kbir Eljasib, li żżewweġ lil bint Sanballat il-Ħoroni.
Lezzjonijiet Għalina:
8:8. Bħala għalliema tal-Kelma t’Alla aħna ‘nfissruha’ billi nispjegawha u nenfasizzaw il-kliem u nfissru l-Iskrittura b’mod korrett, waqt li nuru b’mod ċar kif għandha tiġi applikata.
8:10. “Il-ferħ tal-Mulej” jiġi milli nkunu konxji tal-bżonn spiritwali tagħna u nissodisfawh u milli nsegwu d-direzzjoni teokratika. Kemm hu vitali li nħabirku biex nistudjaw il-Bibbja, nattendu l-laqgħat Kristjani regolarment, u nieħdu sehem biż-żelu fix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna u taʼ li nagħmlu dixxipli!
11:2. Kien hemm involuti spejjeż persunali u xi żvantaġġi biex dak li jkun iħalli l-wirt tiegħu warajh u jmur jgħix Ġerusalemm. Dawk li offrew ruħhom biex jagħmlu dan urew spirtu taʼ sagrifiċċju persunali. Aħna wkoll nistgħu nuru spirtu bħal dan meta jqumu opportunitajiet biex noffru s-servizzi volontarji tagħna għal oħrajn fil-konvenzjonijiet u f’okkażjonijiet oħra.
12:31, 38, 40-42. Il-kant hu mod mill-aqwa kif infaħħru lil Ġeħova u kif nesprimu l-gratitudni tagħna lejh. Għandna nkantaw minn qalbna fil-laqgħat Kristjani.
13:4-31. Irridu noqogħdu attenti biex ma nħallux il-materjaliżmu, il-korruzzjoni, u l-apostasija jidħlu f’ħajjitna.
13:22. Neħemija kien jaf sew li ried jagħti kont lil Alla. Aħna wkoll għandna nirrikonoxxu li rridu nagħtu kont lil Ġeħova.
Il-Barka taʼ Ġeħova Hija Vitali!
Is-salmista kanta: “Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, għalxejn jitħabtu l-bennejja.” (Salm 127:1) Kemm naraw il-verità taʼ dan il-kliem b’mod mill-isbaħ permezz tal-ktieb taʼ Neħemija!
Il-lezzjoni għalina hija ċara. Jekk irridu nirnexxu f’kulma nagħmlu, jeħtieġ li jkollna l-barka taʼ Ġeħova. Nistgħu tassew nistennew li Ġeħova jberikna jekk ma nagħtux lill-qima vera l-ewwel post f’ħajjitna? Mela, bħal Neħemija jalla l-interess primarju tagħna jkun fil-qima taʼ Ġeħova u l-avanz tagħha.
[Stampa f’paġna 8]
“Qalb is-sultan nixxiegħa ilma f’id il-Mulej”
[Stampa f’paġna 9]
Neħemija—raġel t’azzjoni u b’sentimenti teneri—jiġi Ġerusalemm
[Stampi f’paġna 10, 11]
Int taf ‘tfisser’ il-Kelma t’Alla?