LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 8/15 pp. 20-24
  • Ġob—Bniedem taʼ Sabar u Integrità

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ġob—Bniedem taʼ Sabar u Integrità
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kwistjoni taʼ Lealtà u Prova taʼ Integrità
  • Nuqqas taʼ Fehma u Parir Ħażin
  • Insibu l-​Għajnuna Meta Niffaċċjaw it-​Tribulazzjoni
  • “Agħti Prova tal-​Fedeltà Tiegħek”
  • Ġob Onora l-Isem taʼ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Ġob Issaporta—Hekk Ukoll Nistgħu Aħna!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • “Ittama f’Ġeħova”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ Ġob
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 8/15 pp. 20-24

Ġob—Bniedem taʼ Sabar u Integrità

“Il-​qaddej tiegħi Ġob ħsibt fih? Ma hawnx ieħor bħalu fid-​dinja, raġel perfett u tajjeb, jibżaʼ minn Alla u mbiegħed mill-​ħażen.”​—ĠOB 1:8.

1, 2. (a) Liema traġedji mhux mistennija esperjenza Ġob? (b) Iddeskrivi l-​ħajja taʼ Ġob qabel ma ffaċċja t-​traġedji ħabta u sabta.

KIEN hemm raġel li donnu kellu kollox—għana, prestiġju, saħħa tajba, u kellu l-​hena fil-​familja. Imbagħad ħabta u sabta ffaċċja tliet traġedji wara xulxin. Mil-​lejl għan-​nhar hu tilef ġidu. Imbagħad, maltemp mhux tas-​soltu ħadlu l-​ħajja taʼ wliedu kollha. Ftit wara dan, qabditu marda li xorbitlu saħħtu u li biha ġismu mtela bi nfafet qalila. Wisq probabbli indunajt li dan ir-​raġel hu Ġob, il-​persunaġġ prinċipali fil-​ktieb Bibliku li jġib ismu.—Ġob, kapitli 1 u 2.

2 “M’hemmx li nerġaʼ għaż-​żmien taʼ dari,” hu lmenta. (Ġob 3:3; 29:2) Meta tolqotna xi traġedja, min minna ma jixxennaqx għall-​imgħoddi? Fil-​każ taʼ Ġob, hu kien għex ħajja tajba, milli jidher protett minn kull ħsara. In-​nies prominenti kienu jirrispettawh u jfittxu l-​parir tiegħu. (Ġob 29:​5-11) Hu kien għani, imma kellu ħarsa bilanċjata lejn il-​flus. (Ġob 31:​24, 25, 28) Meta kien jiltaqaʼ mar-​romol jew l-​orfni, hu kien jgħinhom. (Ġob 29:​12-16) U hu baqaʼ leali lejn martu.—Ġob 31:​1, 9, 11.

3. Ġeħova kif kien iħares lejn Ġob?

3 Ġob għex ħajja bla ħtija minħabba li kien iqim lil Alla. “Ma hawnx ieħor bħalu fid-​dinja,” qal Ġeħova, “raġel perfett u tajjeb, jibżaʼ minn Alla u mbiegħed mill-​ħażen.” (Ġob 1:​1, 8) Imma minkejja l-​integrità morali taʼ Ġob, it-​traġedji qerdulu l-​ħajja komda li kellu. Dak kollu li kien ħadem għalih sparixxa, u l-​kwalitajiet ġewwinin tiegħu ġew imġarrbin mill-​uġigħ, in-​niket, u l-​frustrazzjoni.

4. Għala se jkun t’għajnuna li neżaminaw il-​prova li għadda minnha Ġob?

4 M’għandniex xi ngħidu, Ġob bl-​ebda mod ma hu l-​uniku qaddej t’Alla li bata minn diżastru li effettwah personalment. Mill-​esperjenza tagħhom stess, ħafna Kristjani llum jistgħu jifhmu faċilment dak li għadda minnu Ġob. Għal din ir-​raġuni, ikun tassew xieraq li nikkunsidraw żewġ mistoqsijiet: Meta niffaċċjaw xi traġedja kif nistgħu niġu megħjunin jekk niftakru fil-​prova li għadda minnha Ġob? Kif tistaʼ din il-​prova tgħallimna nuru iktar mogħdrija lejn oħrajn li jbatu?

Kwistjoni taʼ Lealtà u Prova taʼ Integrità

5. Skond Satana, Ġob għala kien qed jaqdi lil Alla?

5 Il-​każ taʼ Ġob ma kienx xi ħaġa tas-​soltu. Mingħajr ma kien jaf Ġob, ix-​Xitan kien poġġa dubju fuq il-​motivi taʼ Ġob biex jaqdi ’l Alla. Meta kien hemm laqgħa fis-​sema u Ġeħova ġibed l-​attenzjoni lejn il-​kwalitajiet mill-​aqwa taʼ Ġob, Satana wieġeb: “Forsi int ma bnejtx ħajt madwaru u madwar daru, u madwar kull ma għandu kif iddur?” B’hekk, Satana saħaq li Ġob kien imqanqal mill-​egoiżmu—u implika li l-​qaddejja l-​oħra kollha t’Alla jaqduh bl-​istess motiv. “Imma midd idek u olqot kull ma għandu, u tara jekk jisħtekx f’wiċċek,” qal Satana lil Ġeħova.—Ġob 1:​8-11.

6. Liema kwistjoni importanti qajjem Satana?

6 Il-​kwistjoni kienet waħda importanti. Satana sfida l-​mod kif Ġeħova jeżerċita s-​sovranità tiegħu. Huwa tassew possibbli għal Alla li jaħkem l-​univers bl-​imħabba? Jew, kif saħaq Satana, l-​egoiżmu dejjem se jirbaħ fl-​aħħar mill-​aħħar? Ġeħova ppermetta li x-​Xitan jinvolvi lil Ġob bħala każ taʼ prova, għaliex kien kunfidenti mill-​integrità u l-​lealtà tal-​qaddej Tiegħu. B’hekk, Satana nnifsu ġab l-​inkwiet kollu li ffaċċja Ġob, malajr u wieħed wara l-​ieħor. Meta l-​ewwel attakki taʼ Satana fallew, hu laqat lil Ġob b’marda taʼ wġigħ. “Ġild b’ġild, u l-​bniedem jagħti kull ma jkollu għal ħajtu,” insinwa x-​Xitan.—Ġob 2:4.

7. Il-​qaddejja t’Alla llum b’liema mod iġarrbu provi simili għal dawk taʼ Ġob?

7 Waqt li ħafna Kristjani llum ma jbatux daqskemm bata Ġob, huma jbatu minn diversi sofferenzi. Ħafna jiffaċċjaw persekuzzjoni jew problemi fil-​familja. Il-​faqar jew is-​saħħa batuta jistgħu jkissru lil dak li jkun. Xi wħud issagrifikaw ħajjithom għall-​fidi tagħhom. M’għandniex xi ngħidu, ma rridux nassumu li Satana personalment jikkaġunalna kull traġedja li ngħaddu minnha. Fil-​fatt, ċerti problemi jistgħu saħansitra jkunu kaġun taʼ l-​iżbalji tagħna stess jew minħabba li nkunu writna ċerta kundizzjoni fiżika. (Galatin 6:7) U lkoll kemm aħna nistgħu nġarrbu l-​effetti tax-​xjuħija u d-​diżastri naturali. Il-​Bibbja turina biċ-​ċar li bħalissa Ġeħova ma jipproteġix b’mod mirakoluż lill-​qaddejja tiegħu minn dan l-​inkwiet.—Koħèlet 9:11.

8. Kif jistaʼ Satana jipprova juża t-​tribulazzjonijiet li nġarrbu?

8 Minkejja dan, Satana jistaʼ juża t-​tribulazzjonijiet li ngħaddu minnhom biex idgħajfilna l-​fidi tagħna. L-​appostlu Pawlu semma l-​fatt li kien imnikket minħabba “xewka fil-​laħam, anġlu taʼ Satana,” li baqgħet ‘issawtu.’ (2 Korintin 12:7) Kemm jekk din kienet problema fiżika, bħal vista batuta, jew xi ħaġa oħra, Pawlu fehem li Satana setaʼ juża l-​problema u l-​frustrazzjoni li ġġib magħha biex itellef il-​ferħ u jnaqqas l-​integrità taʼ Pawlu. (Proverbji 24:​10, NW) Illum, Satana jistaʼ jġiegħel lill-​membri tal-​familja, lill-​ħbieb taʼ l-​iskola, jew saħansitra lill-​gvernijiet dittatorjali biex jippersegwitaw lill-​qaddejja t’Alla b’xi mod jew ieħor.

9. Għala m’għandniex niskantaw wisq jekk niffaċċjaw l-​għawġ jew il-​persekuzzjoni?

9 Kif nistgħu nirnexxu meta niffaċċjaw dawn il-​problemi? Billi nħarsu lejhom bħala opportunità biex nuru li l-​imħabba tagħna għal Ġeħova u s-​sottomissjoni tagħna għas-​sovranità tiegħu huma sodi. (Ġakbu 1:​2-4) Hu x’inhu dak li jikkaġuna n-​niket tagħna, jekk nifhmu l-​importanza tal-​lealtà lejn Alla se niġu megħjunin biex inżommu l-​bilanċ spiritwali tagħna. L-​appostlu Pietru kiteb lill-​Kristjani: “Maħbubin, titħawdux minħabba n-​nar li qed jaqbad fostkom u li qed isirilkom bħala prova, bħallikieku qed tiġrilkom xi ħaġa stramba.” (1 Pietru 4:12) U Pawlu spjega: “Kulmin jixtieq jgħix bid-​devozzjoni lejn Alla fi sħubija maʼ Kristu Ġesù jkun persegwitat ukoll.” (2 Timotju 3:12) Satana għadu jisfida l-​integrità tax-​Xhieda taʼ Ġeħova, bħalma għamel fil-​każ taʼ Ġob. Fil-​fatt, il-​Bibbja tindika li Satana żied l-​attakki tiegħu fuq il-​poplu t’Alla matul dawn l-​aħħar jiem.—Rivelazzjoni 12:​9, 17.

Nuqqas taʼ Fehma u Parir Ħażin

10. Liema żvantaġġ kellu Ġob?

10 Ġob kellu żvantaġġ, wieħed li m’għandniex għalfejn nesperjenzawh aħna wkoll. Hu ma kienx jaf għala dan l-​inkwiet ġie fuqu. Ġob bi żball ikkonkluda li b’xi mod ‘il-​Mulej tah, u l-​Mulej ħadlu.’ (Ġob 1:21) Jistaʼ jkun li Satana pprova apposta jagħti l-​impressjoni lil Ġob li kien Alla li kkaġuna l-​inkwiet tiegħu.

11. Spjega r-​reazzjoni taʼ Ġob għall-​inkwiet tiegħu.

11 Minkejja li Ġob ħassu tassew skuraġġit, hu rrifjuta li jisħet lil Alla bħalma ħeġġitu jagħmel martu. (Ġob 2:​9, 10) ‘Il-​ħżiena donnhom sejrin aħjar minni,’ qal hu. (Ġob 21:​7-9) Żgur li beda jaħseb, ‘Għala qed jikkastigani Alla?’ Kien hemm mumenti meta ried biss imut. “M’hux li kont taħbini f’Art l-​Imwiet fejn nistkenn sa ma tibred il-​korla tiegħek,” qal hu.—Ġob 14:13.

12, 13. Il-​kummenti tat-​tlett iħbieb taʼ Ġob kif effettwawh?

12 Ġob kellu tlett iħbieb li żaruh, li suppost marru biex “juruh is-​sogħba tagħhom u jfarrġuh.” (Ġob 2:11) Minkejja dan, huma wrew li kienu “farraġa msejkna.” (Ġob 16:2) Ġob kien se jibbenefika li kieku kellu ħbieb li setaʼ jiftaħ qalbu magħhom dwar il-​problemi tiegħu, imma dawn it-​tlieta żiedu mal-​konfużjoni taʼ Ġob u għamluh iktar frustrat.—Ġob 19:2; 26:2.

13 Nistgħu nifhmu għala Ġob setaʼ staqsa lilu nnifsu: ‘Dan għala ġara lili? X’għamilt biex ikun jistħoqqli dan l-​għawġ kollu?’ Il-​ħbieb tiegħu offrewlu spjegazzjonijiet li kienu żbaljati għalkollox. Huma assumew li Ġob ġab it-​tbatija fuqu nnifsu billi kkommetta xi dnub serju. “Liema bniedem bla ħtija ntilef?” staqsa Elifaż. “Milli rajt jien, dawk li jaħdmu l-​ħażen u l-​għawġ jiżirgħu, ħażen u għawġ jaħsdu.”—Ġob 4:​7, 8.

14. Għala m’għandniex naqbdu u naħsbu li t-​tbatija hi konnessa maʼ l-​imġiba mhux xierqa?

14 Huwa minnu li jistgħu jinqalgħu l-​problemi jekk niżirgħu skond il-​laħam minflok l-​ispirtu. (Galatin 6:​7, 8) Madankollu, f’din is-​sistema preżenti, jistgħu jinqalgħu l-​problemi tkun xi tkun l-​imġiba tagħna. Iktar minn hekk, bl-​ebda mod ma nistgħu ngħidu li dawk li huma bla ħtija huma meħlusin mill-​inkwiet kollu. Ġesù Kristu, li kien “bla tinġis, mifrud mill-​midinbin,” għadda minn mewta taʼ wġigħ fuq zokk tat-​tortura, u l-​appostlu Ġakbu bata mewt bħala martri. (Ebrej 7:26; Atti 12:​1, 2) Ir-​raġunament ħażin t’Elifaż u ż-​żewġ sħabu qanqal lil Ġob biex jiddefendi r-​reputazzjoni tajba tiegħu u jinsisti li hu kien bla ħtija. Xorta waħda, minħabba li b’ras iebsa insinwaw li t-​tbatija taʼ Ġob kienet mistħoqqa jistaʼ jkun li huma influwenzaw il-​ħarsa tiegħu dwar il-​ġustizzja t’Alla.—Ġob 34:5; 35:2.

Insibu l-​Għajnuna Meta Niffaċċjaw it-​Tribulazzjoni

15. Liema raġunament se jgħinna meta niffaċċjaw it-​tbatija?

15 Hemm xi tagħlima għalina f’dan? It-​traġedji, il-​mard, jew il-​persekuzzjoni jistgħu jidhru tassew inġusti. Nies oħrajn donnhom jidhru li jirnexxilhom jaħarbu minn ħafna problemi bħal dawn. (Salm 73:​3-12) Kultant, jistaʼ jkun li jkollna nistaqsu lilna nfusna dawn il-​mistoqsijiet fundamentali: ‘Tqanqalni l-​imħabba tiegħi għal Alla biex naqdih jiġri x’jiġri? Nixtieq minn qalbi nipprovdi lil Ġeħova bi ‘tweġiba lil min jgħajru’?’ (Proverbji 27:11; Mattew 22:37) Qatt m’għandna nħallu l-​kummenti bla ħsieb li jagħmlu oħrajn iġagħluna niddubitaw lil Missierna tas-​sema. Kristjan leali li bata minn marda kronika għal ħafna snin darba qal: “Jien naf li dak li jippermetti Ġeħova se nkun niflaħ għalih. Jien naf li se jagħtini l-​qawwa li għandi bżonn. Dejjem hekk għamel.”

16. Il-​Kelma t’Alla kif tipprovdi l-​għajnuna lil dawk li jiffaċċjaw it-​tbatija?

16 Rigward it-​tattiki taʼ Satana, aħna għandna fehma li Ġob ma kellux. “Il-​pjanijiet [mill-agħar] tiegħu nafuhom.” (2 Korintin 2:11) Iktar minn hekk, aħna għandna abbundanza t’għerf prattiku li nistgħu nagħmlu użu minnu. Fil-​Bibbja nsibu rakkonti taʼ rġiel u nisa leali li ssaportew kull tip taʼ tbatija. L-​appostlu Pawlu, li bata iktar minn ħafna Kristjani, kiteb: “Kulma nkiteb minn qabel inkiteb għall-​istruzzjoni tagħna, biex permezz tas-​sabar tagħna u permezz tal-​faraġ mill-​Iskrittura jkollna t-​tama.” (Rumani 15:4) Xhud fl-​Ewropa li ġie arrestat minħabba l-​fidi tiegħu matul it-​tieni gwerra dinjija partat il-​provvista taʼ l-​ikel tiegħu taʼ tlett ijiem maʼ Bibbja. “Kemm kien premjanti dan it-​tpartit!” jgħid hu. “Minkejja li kont bil-​ġuħ fiżikament, jien irċivejt ikel spiritwali li sostna kemm lili u kemm lil oħrajn fil-​provi tagħna f’dak iż-​żmien diffiċli. Dik il-​Bibbja għadha għandi sal-​ġurnata tal-​lum.”

17. Liema provvedimenti divini jistgħu jgħinuna nissaportu?

17 Minbarra l-​faraġ mill-​Iskrittura, aħna għandna ħafna għajnuniet għall-​istudju tal-​Bibbja li joffrulna gwida utli biex inkampaw mal-​problemi. Jekk tfittex fil-​Watch Tower Publications Index, probabbilment se ssib esperjenzi taʼ xi Kristjani oħrajn li ġarrbu provi simili għal tiegħek. (1 Pietru 5:9) Tistaʼ tibbenefika wkoll jekk tiddiskuti ċ-​ċirkustanzi tiegħek m’anzjani li jagħdru jew maʼ Kristjani maturi oħrajn. Fuq kollox, permezz tat-​talb, tistaʼ tistrieħ fuq l-​għajnuna taʼ Ġeħova u l-​ispirtu qaddis tiegħu. Pawlu kif irreżista s-​‘swat’ taʼ Satana? Billi tgħallem jistrieħ fuq il-​qawwa t’Alla. (2 Korintin 12:​9, 10) “Għal kollox għandi s-​saħħa permezz taʼ dak li jagħtini l-​qawwa,” kiteb hu.—Filippin 4:13.

18. Sħabna l-​Kristjani kif jistgħu joffrulna inkuraġġiment prezzjuż?

18 Allura, l-​għajnuna hija disponibbli u qatt m’għandek toqgħod lura milli tfittixha. “Skuraġġejt ruħek fi żmien l-​hemm? Ma tantx se jkollok qawwa,” jgħid il-​proverbju. (Proverbji 24:​10, NW) Sewwasew bħalma s-​susa tistaʼ tiekol l-​injam, hekk ukoll l-​iskuraġġiment jistaʼ jdgħajjef l-​integrità tal-​Kristjan. Biex jgħinna kontra dan il-​periklu, Ġeħova jipprovdilna appoġġ permezz taʼ sħabna li jaqdu ’l Alla bħalna. Fil-​lejl li ġie arrestat, anġlu deher lil Ġesù u saħħu. (Luqa 22:43) Waqt li kien qed jivvjaġġa lejn Ruma bħala priġunier, Pawlu “radd ħajr lil Alla u għamel il-​kuraġġ” meta ltaqaʼ maʼ l-​aħwa fis-​Suq t’Appju u t-​Tliet Taverni. (Atti 28:15) Xhud Ġermaniża għadha tiftakar l-​għajnuna li ngħatat malli waslet fil-​kamp tal-​konċentrament taʼ Ravensbrück bħala tfajla adoloxxenti beżgħana. “Oħt Kristjana oħra sabitni mill-​ewwel u tatni merħba minn qalbha,” tiftakar hi. “Oħt leali oħra ħadet ħsiebi, u saret bħal omm spiritwali għalija.”

“Agħti Prova tal-​Fedeltà Tiegħek”

19. X’għen lil Ġob biex jiġġieled kontra l-​isforzi taʼ Satana?

19 Ġeħova ddeskriva lil Ġob bħala raġel li “jżomm sħiħ [“l-​integrità,” NW] tiegħu.” (Ġob 2:3) Minkejja li ħassu skuraġġit u ma fehemx għala kien qed ibati, Ġob qatt ma ddgħajjef fil-​kwistjoni vitali tal-​lealtà. Ġob irrifjuta li jiċħad dak kollu li għalih kien għex. Hu insista: “Insostni sa ma mmut [“l-​integrità,” NW] tiegħi.”—Ġob 27:5.

20. Għala jiswa li nissaportu?

20 Determinazzjoni simili se tgħinna nżommu l-​integrità tagħna fi kwalunkwe ċirkustanza—meta niffaċċjaw tentazzjonijiet, oppożizzjoni, jew għawġ. “Tibżax minn dak li se ssofri dalwaqt,” qal Ġesù lill-​kongregazzjoni taʼ Żmirna. “Ara! Ix-​Xitan jibqaʼ jixħet lil xi wħud minnkom il-​ħabs sabiex tiġġarrbu bis-​sħiħ, u sabiex ikollkom tribulazzjoni [inkwiet, tbatija, jew oppressjoni] għal għaxart ijiem. Agħti prova tal-​fedeltà tiegħek sal-​mewt, u nagħtik il-​kuruna tal-​ħajja.”—Rivelazzjoni 2:10.

21, 22. Meta nkunu qed nissaportu t-​tribulazzjoni, liema għarfien jistaʼ jfarraġna?

21 F’din is-​sistema maħkuma minn Satana, is-​sabar tagħna se jiġi mġarrab. Minkejja dan, Ġesù jiżgurana li hekk kif inħarsu lejn il-​futur, m’għandna ebda raġuni biex nibżgħu. L-​iktar ħaġa importanti hi li nibqgħu leali. “It-​tribulazzjoni hi mumentanja,” qal Pawlu, imma l-​“glorja,” jew il-​premju li jwegħedna Ġeħova, għandha “kobor bla qjies [u] hi għal dejjem.” (2 Korintin 4:​17, 18) Anki t-​tribulazzjoni taʼ Ġob kienet mumentanja meta mqabbla mal-​ħafna snin kollhom hena li gawda qabel u wara l-​prova tiegħu.—Ġob 42:16.

22 Xorta waħda, jistaʼ jkollna mumenti f’ħajjitna meta l-​provi tagħna jistgħu jidhru bla tmiem u t-​tbatija tagħna tidher kważi ma nkunux nifilħu iktar għaliha. Fl-​artiklu li jmiss se nikkunsidraw kif l-​esperjenza taʼ Ġob tistaʼ tgħallimna iktar lezzjonijiet dwar is-​sabar. Se naraw ukoll modi kif nistgħu nsaħħu lil oħrajn li jiffaċċjaw l-​għawġ.

Int Kif Twieġeb?

• Satana qajjem liema kwistjoni fundamentali rigward l-​integrità taʼ Ġob?

• Għala m’għandniex niskantaw wisq jekk niffaċċjaw l-​għawġ?

• Ġeħova kif jgħinna nissaportu?

[Stampi f’paġna 23]

Nistgħu niġu megħjunin nissaportu jekk nagħmlu r-​riċerka, nitkellmu maʼ Kristjani maturi, u niftħu qalbna fit-​talb

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja