Siġill ‘taʼ Ġukal’
FIS-SEBAʼ seklu Q.E.K., il-ħakkiem Kaldew Nabukodonosor għeleb id-difiżi taʼ Ġerusalemm, ħaraq il-belt, u ġarraf is-swar tagħha. Hu ħataf u għama lil Sedekija, is-sultan taʼ Ġuda. Iktar minn hekk, “qatel ukoll is-sultan taʼ Babilonja l-kbarat kollha taʼ Ġuda.”—Ġeremija 39:1-8.
Wieħed mill-kbarat, jew il-prinċpijiet, taʼ Ġuda li x’aktarx inqatel mill-Babiloniżi kien Ġukal, bin Selemija. Issa għandna informazzjoni ġdida dwar dan il-karattru Bibliku. Però, qabel ma nikkunsidrawha, ejja naraw x’tgħid l-Iskrittura dwar Ġukal u dwar żmienu.
“Ma Jagħmlulek Xejn”
Ġeħova inkariga lill-profeta Ġeremija biex iwassal messaġġ taʼ ġudizzju kontra Ġuda u Ġerusalemm. Alla qal lil Ġeremija li s-slaten, il-prinċpijiet, il-qassisin, u l-poplu taʼ Ġuda kienu se ‘jiħduha kontrih.’ “Imma ma jagħmlulek xejn, għax jien inkun miegħek,” qallu Ġeħova.—Ġeremija 1:17-19.
Matul l-assedju Babiloniż kontra l-belt kapitali taʼ Ġuda, Ġerusalemm, is-Sultan Sedekija bagħat il-messaġġiera għand Ġeremija darbtejn biex isir jaf jekk Nabukodonosor kienx se jirtira mill-belt u biex jistaqsi lill-profeta ħalli jitlob li dan iseħħ. Wieħed mir-rappreżentanti tas-sultan kien Ġukal, magħruf ukoll bħala Ġeħukal. Il-messaġġ t’Alla permezz taʼ Ġeremija kien li l-Babiloniżi, jew il-Kaldin, kienu se jeqirdu l-belt. Kull resident taʼ Ġerusalemm li kien se jibqaʼ fiha kien se jmut bil-ġuħ, bil-pesta, u bix-xabla. Mill-banda l-oħra, dawk li joħorġu u jmorru għand il-Kaldin kienu se jsalvaw. Kemm irrabjaw il-prinċpijiet taʼ Ġuda minħabba kliem Ġeremija!—Ġeremija 21:1-10; 37:3-10; 38:1-3.
Ġukal kien wieħed mill-prinċpijiet li ħeġġeġ lil Sedekija: “Ħalli jiġi maqtul dal-bniedem [Ġeremija] għax . . . qiegħed jaqtaʼ qalb is-suldati.” Il-kiefer Ġukal kien fost dawk li tefgħu lil Ġeremija fil-bir mimli ħama, li iktar tard il-profeta ġie salvat minnu. (Ġeremija 37:15; 38:4-6) Minħabba li obda lil Ġeħova, Ġeremija salva mill-qerda taʼ Ġerusalemm, imma Ġukal milli jidher miet meta s-sistema li kien fada fiha nqerdet.
Konklużjoni Interessanti
L-informazzjoni ġdida dwar Ġukal instabet fl-2005. L-arkeoloġi kienu qed iħaffru f’post fejn kienu qed jittamaw li jsibu l-palazz tas-Sultan David. Huma sabu binja kbira tal-ġebel li jaħsbu li nqerdet meta l-Babiloniżi ħatfu lil Ġerusalemm fi żmien Ġeremija.
Jekk dan kienx il-palazz taʼ David jew le ma nafux. Però, l-arkeoloġi identifikaw oġġett wieħed li sabu—is-siġill tat-tafal wiesaʼ ċentimetru li jidher f’paġna 14. Dan darba kien issiġilla dokument li ilu li ddeterjora. Il-kitba tgħid: “Taʼ Jeħukal bin Selemijaħu bin Sovi.” Din il-kitba b’mod ċar saret bis-siġill taʼ l-opponent taʼ Ġeremija, Jeħukal, jew Ġukal, bin Selemija.
L-arkeologu Eilat Mazar, li fisser il-kitba, jikteb li Ġeħukal kien jiġi biss it-“tieni ministru rjali” wara Gemarija, bin Safan, li ismu jidher fil-kitba fuq siġill misjub fil-Belt taʼ David.a
Il-fidi fil-Kelma t’Alla ma tiddependix mis-sejba taʼ xi fdal storiku; imma t-twettiq tal-profezija ispirata jagħtina bażi soda biex nemmnu fil-Bibbja. Il-fatti storiċi jagħtu prova li Ġeremija bassar b’eżattezza l-qerda taʼ Ġerusalemm. It-tmiem t’għajb li ġarrbu l-opponenti taʼ Ġeremija għandu jsaħħaħ il-konvinzjoni tagħna li jekk inkunu leali bħal Ġeremija, l-għedewwa tagħna ‘ma jagħmlulna xejn, għax Ġeħova hu magħna.’
[Nota taʼ taħt]
a Għal iktar informazzjoni dwar Gemarija u Safan, ara l-artiklu “Taf Min Huma Safan u l-Familja Tiegħu?” fit-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Diċembru, 2002, paġni 19-22.
[Stampa f’paġna 15]
Ġeremija ma ċediex għall-pressjoni biex idgħajjef il-messaġġ t’Alla
[Sors tal-Istampa f’paġna 14]
Gabi Laron/Institute of Archaeology/ Hebrew University ©Eilat Mazar