LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 10/15 pp. 14-17
  • It-Toroq Rumani—Monumenti taʼ l-Inġinerija tal-Qedem

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • It-Toroq Rumani—Monumenti taʼ l-Inġinerija tal-Qedem
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Akbar Proġett taʼ Kostruzzjoni taʼ Ruma
  • Il-​Vjaġġaturi u t-​Tixrid taʼ l-​Ideat
  • Kienu t-Toroq Kollha Jwasslu Għal Ruma?
    Stenbaħ!—2005
  • Ir-Reliġjonijiet Kollha Huma Tajbin?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Jitħejjew il-ġnus għat-“tagħlim ta’ Ġeħova”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 10/15 pp. 14-17

It-​Toroq Rumani—Monumenti taʼ l-​Inġinerija tal-​Qedem

LIEMA hu l-​iktar monument Ruman sinifikanti? Taħseb li huwa l-​Kolossew, li l-​fdalijiet tiegħu għadna nistgħu narawhom f’Ruma? Kieku kellna nikkunsidraw il-​kostruzzjonijiet Rumani li damu jeżistu l-​iżjed jew li għenu biex jinfluwenzaw l-​istorja, ikollna nikkunsidraw it-​toroq.

Mit-toroq ewlenin Rumani għaddew iżjed minn sempliċi merkanziji u armati. L-​epigrafista Romolo A. Staccioli jgħid li t-​toroq kienu mezz li bihom “infirxu ideat, influwenzi artistiċi, u duttrini filosofiċi u reliġjużi,” inkluż dawk tal-​Kristjanità.

Fi żmien il-​qedem, it-​toroq Rumani kienu meqjusin bħala monumenti. Ir-​Rumani ħadu bosta snin biex jibnu sistema effiċjenti taʼ toroq konnessi flimkien li kienet tkopri ’l fuq minn 80,000 kilometru, f’medda art li llum tinkludi iktar minn 30 pajjiż.

L-ewwel via publica importanti, jew triq ewlenija kif kieku nsejħulha llum, kienet Via Appia, jew it-​Triq t’Appju. Magħrufa bħala r-​reġina tat-​toroq, din kienet tgħaqqad lil Ruma maʼ Brundisium (li llum tissejjaħ Brindisi), il-​belt tal-​port li minnu n-​nies kienu jerħulha lejn il-​Lvant. Din it-​triq ħadet isimha minn Appju Klawdju Kejku, l-​uffiċjal Ruman li beda jibniha madwar is-​sena 312 Q.E.K. Via Salaria u Via Flaminia, li wkoll kienu jgħaddu minn Ruma, kienu jwasslu sal-​lvant lejn il-​Baħar Adrijatiku, u jiftħu t-​triq għall-​Balkani kif ukoll għall-​inħawi tar-​Renu u tad-​Danubju. Via Aurelia kienet tieħu lejn it-​tramuntana għall-​Gallja u l-​Peniżola Iberjana, u Via Ostiensis lejn Ostia, il-​port favorit taʼ Ruma għall-​vjaġġi lejn u mill-​Afrika.

L-​Akbar Proġett taʼ Kostruzzjoni taʼ Ruma

It-​toroq kienu importanti għal Ruma anki qabel l-​abitanti tal-​belt bdew jibnu toroq ġodda. Il-​belt bdiet tifforma fejn ir-​rotot tal-​qedem kienu jiltaqgħu fl-​unika parti baxxa eżistenti fin-​naħa t’isfel tax-​Xmara Tiber. Skond dokumenti antiki, biex itejbu t-​toroq eżistenti, ir-​Rumani imitaw lill-​Kartaġiniżi. Iżda dawk li verament ġew qabel ir-​Rumani f’dik li hi sengħa tal-​kostruzzjoni tat-​toroq, x’aktarx kienu l-​Etruski. Il-​fdalijiet tat-​toroq tagħhom għadna nistgħu narawhom sa llum. Iktar minn hekk, qabel iż-​żmien tar-​Rumani, f’dawk l-​inħawi kienu jeżistu ħafna mogħdijiet li n-​nies spiss kienu jivvjaġġaw minnhom. Dawn setgħu ntużaw biex l-​annimali jittieħdu minn mergħa għal oħra. Madankollu, kien diffiċli li wieħed jivvjaġġa fit-​toroq peress li kienu jkunu mimlijin trab fl-​istaġun tan-​nixfa u kollhom tajn fl-​istaġun tax-​xita. Ir-​Rumani spiss kienu jibnu t-​toroq tagħhom fuq mogħdijiet bħal dawn.

It-toroq Rumani kienu disinjati bir-​reqqa u mibnijin biex ikunu sodi, utli, u sbieħ. Idealment, it-​toroq kienu jgħaqqdu post tat-​tluq maʼ destinazzjoni permezz taʼ l-​iqsar rotta possibbli, u dan jispjega għala ħafna toroq għandhom partijiet twal u dritti. Madankollu, it-​toroq spiss kienu jsegwu l-​forom naturali taʼ l-​art. Fejn possibbli, fi nħawi fejn kien ikun hemm għoljiet u muntanji, l-​inġinieri Rumani kienu jibnu t-​toroq tagħhom sa nofs l-​għoljiet, tul in-​naħa xemxija. Għal dawk li kienu jużaw dawn it-​toroq, il-​pożizzjoni tagħhom naqqset kull inkonvenjenza li setgħet tkun kaġunata minn kundizzjonijiet ħżiena tat-​temp.

Iżda r-​Rumani kif kienu jibnu t-​toroq tagħhom? Kien hemm xi differenzi, imma bażikament dan hu dak li rrivela t-​tħaffir arkeoloġiku.

L-ewwel kienet tiġi pjanata r-​rotta tat-​triq. Għal dan ix-​xogħol kienu jiġu inkarigati l-​periti taʼ dak iż-​żmien. Imbagħad, ix-​xogħol taʼ strapazz tat-​tħaffir kien jitħalla f’idejn il-​membri tal-​leġjun Ruman, il-​ħaddiema, jew l-​ilsiera. Kienu jitħaffru żewġ gandotti paralleli. L-​inqas distanza bejniethom kienet tkun taʼ madwar 2.4 metri, iżda normalment id-​distanza kienet tkun t’4 metri, u kienu jkunu saħansitra iżjed wesgħin fid-​dawrien. Fl-​aħħar, il-​wisaʼ tat-​triq b’kollox setgħet kienet 10 metri, inkluż il-​bankini fuq iż-​żewġ naħat. Il-​ħamrija taʼ bejn iż-​żewġ gandotti kienet titneħħa, u b’hekk jitħalla l-​vojt. Ladarba kienu jsibu bażi soda, il-​vojt kien jimtela b’xi tliet jew erbaʼ saffi taʼ materjali differenti. L-​ewwel saff għandu mnejn kien jikkonsisti f’ġebel kbir jew terrapien. Imbagħad, kien jitqiegħed iċ-​ċagħaq, jew ġebel ċatt, x’aktarx miżmum flimkien bil-​konkos. Fil-​wiċċ kien jitpoġġa ż-​żrar imrassas jew ġebel imfarrak.

Il-​wiċċ taʼ xi toroq Rumani ma kien xejn ħlief żrar imrassas. Madankollu, kienu t-​toroq iċċangjati li qanqlu l-​ammirazzjoni tan-​nies taʼ dak iż-​żmien. Is-​saff taʼ fuq taʼ toroq bħal dawn kien ikun magħmul minn ċangaturi kbar tal-​ġebel, spiss meħud mill-​blat li setaʼ jinstab lokalment. It-​toroq kien ikollhom liwja żgħira ’l fuq biex l-​ilma tax-​xita jinżel mill-​ogħla parti fiċ-​ċentru tat-​triq għall-​kanali fuq kull ġenb tat-​triq. Il-​kostruzzjoni kienet fattur importanti biex dawn il-​monumenti jibqgħu tajbin u biex xi wħud minnhom għadhom jeżistu sal-​ġurnata taʼ llum.

Madwar 900 sena wara li nbniet it-​Triq t’Appju, Prokopju, kittieb Biżantin taʼ l-​istorja, iddeskrivieha bħala “meraviljuża.” Dwar iċ-​ċangaturi li fformaw il-​wiċċ tagħha, hu kiteb: “Minkejja ż-​żmien twil li għadda u l-​bosta vetturi li għaddew minn fuqhom ġurnata wara l-​oħra, il-​kundizzjoni tagħhom baqgħet bla mittiefsa, u ma tilfux il-​wiċċ lixx tagħhom.”

Dawn it-​toroq kif setgħu jgħaddu minn fuq ostakli naturali bħalma huma x-​xmajjar? Mezz importanti wieħed kien il-​pontijiet, li xi wħud minnhom għadhom jeżistu sa llum, u b’hekk jagħtu evidenza taʼ l-​abbiltà teknika li tispikka tar-​Rumani tal-​qedem. Il-​mini fis-​sistema tat-​toroq Rumani huma x’aktarx inqas magħrufin, iżda l-​kostruzzjoni tagħhom kienet saħansitra iktar taʼ sfida, meta tikkunsidra l-​għarfien tekniku u l-​għodda disponibbli dak iż-​żmien. Xogħol taʼ referenza jgħid: “L-​inġinerija Rumana . . . kisbet riżultati bla paragun għal sekli sħaħ.” Eżempju taʼ dan hija l-​mina f’Furlo f’Via Flaminia. Lura fis-​sena 78 E.K., wara ppjanar bir-​reqqa mill-​inġinieri, mina twila 40 metru, b’wisaʼ u għoli taʼ 5 metri, kienet tħaffret fil-​blat. Dan kien suċċess verament impressjonanti, meta tikkunsidra l-​għodda disponibbli dak iż-​żmien. Il-​bini taʼ sistema tat-​toroq bħal din kien wieħed mill-​akbar proġetti li qatt għamel il-​bniedem.

Il-​Vjaġġaturi u t-​Tixrid taʼ l-​Ideat

Suldati u negozjanti, predikaturi u turisti, atturi u gladjaturi; ilkoll kienu jużaw dawn it-​toroq. Dawk li kienu jivvjaġġaw bil-​mixi setgħu jkopru madwar 25 sa 30 kilometru f’ġurnata. Il-​vjaġġaturi setgħu jiksbu informazzjoni dwar id-​distanzi billi jikkonsultaw il-​plieri li kienu jindikaw id-​distanza ’l bogħod minn destinazzjoni. Maʼ kull 1,480 metru​—it-​tul taʼ mil Ruman​—kienu jitpoġġew dawn il-​plieri tal-​ġebel taʼ diversi forom, spiss forma taʼ ċilindru. Ukoll, kien ikun hemm postijiet taʼ mistrieħ, fejn il-​vjaġġaturi setgħu jibdlu ż-​żwiemel, jixtru xi ħaġa x’jieklu jew, f’xi każi, jorqdu l-​lejl hemm. Xi wħud minn dawn il-​postijiet taʼ servizz żviluppaw fi bliet żgħar.

Ftit qabel ma twieldet il-​Kristjanità, Ċesari Awgustu beda programm taʼ manutenzjoni tat-​toroq. Hu inkariga uffiċjali biex jieħdu ħsieb triq waħda jew iktar. Hu kellu dak li kien jissejjaħ il-​miliarium aureum, il-​plier tad-​deheb, mibni fil-​Forum Ruman. Din il-​kolonna b’ittri miksijin bil-​bronż kienet is-​simbolu ideali biex turi fejn kienu jispiċċaw it-​toroq Rumani kollha fl-​Italja. Din kienet il-​bażi għall-​proverbju: “It-​toroq kollha jieħdu għal Ruma.” Ukoll, Awgustu poġġa mapep tas-​sistema tat-​toroq taʼ l-​imperu fejn in-​nies setgħu jarawhom. Jidher li s-​sistema kienet f’kundizzjoni mill-​aqwa għall-​bżonnijiet u l-​livelli taʼ dawk iż-​żminijiet.

Xi vjaġġaturi tal-​qedem kienu jużaw ukoll gwidi bil-​miktub, jew itinerarji, biex il-​vjaġġi tagħhom ikunu eħfef. Dawn il-​gwidi pprovdew informazzjoni bħal per eżempju d-​distanzi bejn il-​postijiet fejn setgħu jieqfu u d-​deskrizzjonijiet tas-​servizzi li kienu disponibbli f’dawn il-​postijiet. Madankollu, il-​gwidi bil-​miktub kienu jiswew ħafna flus, u għalhekk ma kinux disponibbli għal kulħadd.

Minkejja dan, l-​evanġelizzaturi Kristjani kienu jippjanaw u jagħmlu ħafna vjaġġi taʼ distanzi twal. L-​appostlu Pawlu, bħan-​nies taʼ żmienu, kellu d-​drawwa li jivvjaġġa bil-​baħar meta kien ikun sejjer lejn in-​naħa tal-​lvant, biex jieħu vantaġġ mill-​irjieħ li jonfħu spiss f’dawk l-​inħawi. (Atti 14:​25, 26; 20:3; 21:​1-3) Fil-​Mediterran, dawn l-​irjieħ jonfħu mill-​punent matul ix-​xhur tas-​sajf. Madankollu, meta Pawlu kien jivvjaġġa lejn il-​punent hu kien juża s-​sistema Rumana tat-​toroq. Billi żamm maʼ din is-​sistema, Pawlu organizza t-​tieni u t-​tielet vjaġġ missjunarju tiegħu. (Atti 15:36-​41; 16:​6-8; 17:​1, 10; 18:​22, 23; 19:1)a Madwar is-​sena 59 E.K., Pawlu vvjaġġa tul it-​Triq t’Appju lejn Ruma u ltaqaʼ maʼ sħabu fit-​twemmin fil-​Forum mimli attività t’Appji, jew is-​Suq t’Appju, 74 kilometru lejn ix-​xlokk taʼ Ruma. Oħrajn stennewh fit-​Tliet Taverni, post taʼ mistrieħ 14-il kilometru eqreb lejn Ruma. (Atti 28:​13-​15) Madwar is-​sena 60 E.K., Pawlu setaʼ jgħid li l-​aħbar tajba kienet ġiet pridkata “fid-​dinja kollha” kif kienet magħrufa dak iż-​żmien. (Kolossin 1:​6, 23) Is-​sistema tat-​toroq kellha rwol biex tagħmel dan possibbli.

Għaldaqstant, it-​toroq Rumani taw prova li huma monumenti straordinarji u li jibqgħu għal żmien twil​—monumenti li għenu fit-​tixrid taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla.​—Mattew 24:14.

[Nota taʼ taħt]

a Ara l-​mappa f’paġna 33 tal-​browxer “See the Good Land,” pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

[Stampa f’paġna 14]

Plier Ruman

[Stampa f’paġna 15]

Via Appia fl-​inħawi taʼ madwar Ruma

[Stampa f’paġna 15]

Triq f’Ostia tal-​qedem, l-​Italja

[Stampa f’paġna 15]

Kanali magħmulin mill-​vetturi tal-​qedem, l-​Awstrija

[Stampa f’paġna 15]

Parti minn triq Rumana bil-​plieri, il-​Ġordan

[Stampa f’paġna 16]

Fdalijiet taʼ l-​oqbra f’Via Appia ’l barra minn Ruma

[Stampa f’paġna 16]

Il-​mina taʼ Furlo f’Via Flaminia, fir-​reġjun tal-​Marche

[Stampa f’paġna 17]

Il-​pont taʼ Tiberju f’Via Emilia f’Rimini, l-​Italja

[Stampa f’paġna 17]

Pawlu ltaqaʼ maʼ sħabu fit-​twemmin fil-​Forum mimli attività t’Appji, jew is-​Suq t’Appju

[Sorsi tal-Istampa f’paġna 15]

Xellug, Ostia: ©danilo donadoni/Marka/age fotostock; lemin, triq bil-​plieri: Pictorial Archive (Near Eastern History) Est.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja