LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 11/15 pp. 8-9
  • Kien Jagħti Xiehda bir-Reqqa u ‘bil-Kuraġġ’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kien Jagħti Xiehda bir-Reqqa u ‘bil-Kuraġġ’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Attakkat Imma Ma Jaqtax Qalbu
  • Jippriedka lil Udjenzi li Ma Jintlaħqux Faċilment
  • Ipproklama bil-Qlubija s-Saltna taʼ Jehovah!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • “Agħmel Kuraġġ!”
    Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
  • “Nappella għal Quddiem Ċesari!”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Agħmel Kuraġġ—Ġeħova Se Jgħinek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 11/15 pp. 8-9

“Jeħtieġ li Aħna Nobdu lil Alla bħala Ħakkiem Iktar milli lill-​Bnedmin”

Kien Jagħti Xiehda bir-​Reqqa u ‘bil-​Kuraġġ’

FOLLA vjolenti tinsab lesta biex issawwat u toqtol lil qaddej ubbidjenti t’Alla. Eżatt fil-​ħin, is-​suldati Rumani jaħtfu lir-​raġel minn taħt idejn dawk li qed jattakkawh u jżommuh arrestat. Din il-​ġrajja tagħti bidu għal serje taʼ ġrajjiet li jdumu għaddejjin xi ħames snin. Minħabba f’hekk, ħafna uffiċjali għoljin Rumani jisimgħu dwar Ġesù Kristu.

Il-vittma hu l-​appostlu Pawlu. Madwar is-​sena 34 E.K., Ġesù wera li Pawlu (Sawlu) kien se jwassal Ismu quddiem is-​“slaten.” (Atti 9:​15) Sas-​sena 56 E.K., dan ikun għadu ma seħħx. Madankollu, hekk kif l-​appostlu jkun se jtemm it-​tielet vjaġġ missjunarju tiegħu, l-​affarijiet ikunu se jinbidlu.

Attakkat Imma Ma Jaqtax Qalbu

Pawlu jkompli l-​vjaġġ tiegħu lejn Ġerusalemm, u “permezz taʼ l-​ispirtu” ċerti Kristjani jwissuh li se jiffaċċja persekuzzjoni qawwija f’din il-​belt. Bil-​kuraġġ, Pawlu jgħid: “Jien mhux biss lest nintrabat Ġerusalemm imma wkoll immut għal isem il-​Mulej Ġesù.” (Atti 21:​4-​14) Malli Pawlu jżur it-​tempju f’Ġerusalemm, xi Lhud mill-​Asja li jafu bis-​suċċess li kellu Pawlu fl-​evanġelizzar fl-​Asja jqajmu rewwixta biex joqtluh. Xi suldati Rumani jiġu malajr biex isalvawh. (Atti 21:​27-​32) Il-​fatt li Pawlu ġie salvat jagħtih opportunitajiet uniċi biex jiddikjara l-​verità dwar il-​Kristu lil udjenzi t’opponenti u individwi taʼ pożizzjoni għolja.

Jippriedka lil Udjenzi li Ma Jintlaħqux Faċilment

Pawlu jitkaxkar lejn post ħieles mill-​periklu fuq it-​taraġ tal-​fortizza magħrufa bħala t-​Torri t’Antonia.a Minn dan it-​taraġ, l-​appostlu jagħti xiehda konvinċenti lill-​folla reliġjuża. (Atti 21:33–22:​21) Imma malli jsemmi l-​inkarigu tiegħu li jippriedka lill-​Ġentili, terġaʼ tqum il-​vjolenza. Il-​kmandant militari Lisja jordna li Pawlu jiġi eżaminat waqt li jiġi msawwat bil-​frosta sabiex isiru jafu għala l-​Lhud qed jakkużawh. Madankollu, is-​swat jiġi evitat meta Pawlu jgħarrafhom li hu ċittadin Ruman. L-​għada, Lisja jieħu lil Pawlu quddiem is-​Sinedriju biex isir jaf għala l-​Lhud qed jakkużawh.​—Atti 22:22​-30.

Wieqaf quddiem din il-​qorti superjuri, Pawlu għandu opportunità mill-​aqwa oħra biex jagħti xiehda lil Lhud oħrajn bħalu. L-​evanġelizzatur qalbieni jiddikjara t-​twemmin tiegħu fl-​irxoxt. (Atti 23:​1-8) Il-​mibegħda qattiela tal-​Lhud tibqaʼ qawwija, u Pawlu jittieħed fil-​kwartieri tas-​suldati. Fil-​lejl taʼ wara, hu jirċievi din l-​assiguranza li tqawwi l-​qalb mill-​Mulej: “Agħmel il-​kuraġġ! Għax bħalma tajt xiehda bir-​reqqa dwari f’Ġerusalemm, hekk ukoll trid tagħti xiehda f’Ruma.”​—Atti 23:​9-​11.

Pjan biex jinqatel Pawlu jiġi mfixkel meta bil-​moħbi l-​appostlu jintbagħat malajr lejn Ċesarija, il-​kapitali amministrattiva Rumana tal-​Lhudija. (Atti 23:​12-​24) F’Ċesarija jiġuh iktar opportunitajiet prezzjużi u Pawlu jagħti xiehda lis-​“slaten.” Però, l-​ewwel l-​appostlu juri lill-​Gvernatur Feliċ li m’hemm ebda evidenza li tappoġġa l-​akkużi kontrih. Iktar tard, Pawlu jippriedka lilu u lil martu Drusilla dwar Ġesù, ir-​rażna, is-​sewwa, u l-​ġudizzju li ġej. Madankollu, Feliċ iżomm lil Pawlu l-​ħabs għal sentejn, minħabba li jittama li jagħtih xi tixħim li fil-​fatt qatt ma wasal.​—Atti 23:33–​24:27.

Meta Festu jieħu post Feliċ, il-​Lhud iġeddu l-​isforzi tagħhom biex jikkundannaw lil Pawlu u joqtluh. Il-​każ jerġaʼ jinstemaʼ f’Ċesarija, u biex jevita li l-​każ jintbagħat Ġerusalemm, Pawlu jgħid: “Jien qiegħed quddiem it-​tron tal-​ġudizzju taʼ Ċesari . . . Nappella għal quddiem Ċesari!” (Atti 25:​1-11, 20, 21) Ftit jiem wara meta l-​appostlu jippreżenta l-​każ tiegħu quddiem is-​Sultan Erodi Agrippa II, dan is-​sultan jgħid: “Dalwaqt tipperswadini biex insir Kristjan.” (Atti 26:​1-28) Madwar is-​sena 58 E.K., Pawlu jintbagħat Ruma. Bħala priġunier f’dan il-​post, l-​appostlu li tant jaf ikun prattiku jkompli jfittex modi kif jippriedka dwar Kristu għal sentejn oħra. (Atti 28:​16-31) Milli jidher, maż-​żmien Pawlu deher quddiem l-​Imperatur Neruni, ġie ddikjarat bla ħtija, u fl-​aħħar setaʼ jġedded l-​attività missjunarja tiegħu bħala raġel ħieles. Ma nsibu ebda rakkont dwar xi appostlu ieħor li laħaq lil irġiel prominenti bħal dawn bl-​aħbar tajba.

Bħalma għadna kif rajna, l-​appostlu Pawlu għex fi qbil mal-​prinċipju importanti li stqarrew il-​Kristjani sħabu quddiem tribunal Lhudi: “Jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem iktar milli lill-​bnedmin.” (Atti 5:​29) X’eżempju mill-​aqwa ħalla għalina! Minkejja l-​isforzi persistenti tal-​bnedmin biex iwaqqfuh, l-​appostlu obda għalkollox il-​kmand li jagħti xiehda bir-​reqqa. Minħabba din il-​lealtà li ma titħarrikx lejn Alla, Pawlu wettaq l-​inkarigu tiegħu bħala “strument magħżul” biex ixandar isem Ġesù “quddiem il-​ġnus kif ukoll quddiem slaten u wlied Iżrael.”​—Atti 9:​15.

[Nota taʼ taħt]

a Ara t-​2006 Calendar of Jehovah’s Witnesses, Novembru/Diċembru.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 9]

KIEN PAWLU JINTERESSAH BISS LI JIDDEFENDI LILU NNIFSU?

F’kumment dwar din il-​mistoqsija, l-​awtur Ben Witherington III jikteb: “Mill-​ħarsa taʼ Pawlu . . . l-​iktar ħaġa importanti m’hijiex daqstant li Pawlu jiddefendi lilu nnifsu, imma minflok li hu jixhed dwar l-​evanġelju quddiem l-​awtoritajiet, kemm Lhud u kemm Ġentili. . . . Fil-​fatt, hu l-​evanġelju li jinsab għaddej minn ġuri.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja