LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 11/15 p. 17-p. 20 para. 8
  • Punti Prinċipali mill-Għanja taʼ l-Għanjiet

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Punti Prinċipali mill-Għanja taʼ l-Għanjiet
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “LA TQAJJMUX L-​IMĦABBA”
  • (L-Għanja taʼ l-​Għanjiet 1:1–​3:5)
  • “XI TRIDU TĦARSU LEJN IS-​SULAMIJA?”
  • (L-Għanja taʼ l-​Għanjiet 3:6–​8:4)
  • “NAR TAL-​MULEJ”
  • (L-Għanja taʼ l-​Għanjiet 8:​5-​14)
  • Huwa possibbli li jkollok imħabba dejjiema?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Il-Fdal Xulamita
    Għannu Tifħir lil Jehovah
  • It-tfajla Sulamija—Eżempju ta’ min jimitah
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2016
  • Salamun Jaħkem bl-Għerf
    Il-Bibbja—X’Inhu l-Messaġġ Tagħha?
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 11/15 p. 17-p. 20 para. 8

Il-​Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja

Punti Prinċipali mill-​Għanja taʼ l-​Għanjiet

“BĦAL ġilju qalb ix-​xewk, hekk [hi] l-​maħbuba tiegħi fost ix-​xebbiet.” “Tuffieħa qalb is-​siġar tal-​foresta, hekk huwa l-​maħbub tiegħi qalb iż-​żgħażagħ.” “Min hija dik li tielgħa bħaż-​żerniq, sabiħa donnha l-​qamar, tiddi bħax-​xemx?” (L-Għanja taʼ l-​Għanjiet 2:​2, 3; 6:​10) Xi ġmiel taʼ versi huma dawn mill-​ktieb Bibliku taʼ l-​Għanja taʼ l-​Għanjiet! Il-​ktieb kollu huwa poeżija li tant hija sabiħa u mimlija tifsir li tissejjaħ l-​iktar għanja sabiħa, jew eċċellenti, li qatt kien hawn.​—L-​Għanja taʼ l-​Għanjiet 1:1.

Din l-​għanja ġiet komponuta mis-​Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-​qedem matul l-​ewwel parti tal-​ħakma tiegħu t’40 sena, x’aktarx madwar is-​sena 1020 Q.E.K. Fiha nsibu storja taʼ mħabba bejn ragħaj żagħżugħ u xebba raħlija, tfajla Sulamija. Fost oħrajn imsemmijin fil-​poeżija hemm omm ix-​xebba u ħutha s-​subien, il-​“bniet taʼ Ġerusalemm [nisa taʼ dar is-​sultan]” u l-​“bniet taʼ Sijon [nisa taʼ Ġerusalemm].” (L-Għanja taʼ l-​Għanjiet 1:5; 3:​11) Hija taʼ sfida għall-​qarrej tal-​Bibbja biex jidentifika lil dawk kollha li jitkellmu fl-​Għanja taʼ l-​Għanjiet, imma huwa possibbli jekk wieħed jikkunsidra dak li jgħidu jew dak li jintqalilhom.

Bħala parti mill-​Kelma t’Alla, il-​messaġġ taʼ l-​Għanja taʼ l-​Għanjiet huwa taʼ valur kbir għal żewġ raġunijiet. (Ebrej 4:​12) L-​ewwel, dan jgħallimna x’inhi l-​imħabba vera bejn raġel u mara. It-​tieni, l-​għanja tagħti stampa tat-​tip taʼ mħabba li teżisti bejn Ġesù Kristu u l-​kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin.​—2 Korintin 11:2; Efesin 5:​25-​31.

“LA TQAJJMUX L-​IMĦABBA”

(L-Għanja taʼ l-​Għanjiet 1:1–​3:5)

“Ħa jiġi jbusni bil-​bewsiet taʼ fommu. Mħabbtek hija oħla mill-​inbid.” (L-Għanja taʼ l-​Għanjiet 1:2) Id-​djalogu fl-​Għanja taʼ l-​Għanjiet jiftaħ b’dan il-​kliem taʼ xebba raħlija umli li tittieħed fit-​tinda rjali taʼ Salamun. Kif spiċċat hemm?

“L-​ulied taʼ ommi xegħlu wisq għalija,” tgħid hi. “Ġew iqegħduni għassa fuq id-​dwieli.” Ħutha huma rrabjati magħha għaliex ir-​ragħaj żagħżugħ li hi tħobb stidinha tmur mixja miegħu f’jum mill-​isbaħ tar-​rebbiegħa. Sabiex ma jħalluhiex tmur, huma qabbduha toqgħod għassa għall-​“frieħ tal-​volpijiet, dawk li jeqirdu d-​dwieli.” Minħabba dan ix-​xogħol hi tispiċċa qrib it-​tined taʼ Salamun. Is-​sbuħija tagħha tiġi notata meta tinżel “fil-​ġnien tal-​lewż,” u minn hemm tiġi meħuda fit-​tinda.​—L-​Għanja taʼ l-​Għanjiet 1:6; 2:​10-15; 6:​11.

Hekk kif ix-​xebba tesprimi x-​xenqa li kellha għar-​ragħaj maħbub tagħha, in-​nisa taʼ dar is-​sultan jgħidulha biex ‘tmur mnejn għaddiet il-​merħla’ u tfittxu. Imma Salamun ma jħallihiex tmur. Hu jesprimi l-​ammirazzjoni tiegħu lejn is-​sbuħija tagħha u jwegħedha “ħnienaq tad-​deheb . . . u żibeġ tal-​fidda.” Madankollu, it-​tfajla ma timpressjonax ruħha. Ir-​ragħaj żagħżugħ jerħilha lejn it-​tinda taʼ Salamun, isibha, u jgħidilha: “Kemm int sabiħa, maħbuba tiegħi, kemm int sabiħa!” It-​tfajla żagħżugħa ġġiegħel lin-​nisa taʼ dar is-​sultan jagħmlulha wegħda: “La tqajjmux l-​imħabba, qabel ma jogħġob lilha.”​—L-​Għanja taʼ l-​Għanjiet 1:​8-​11, 15; 2:7; 3:5.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

1:2, 3​—L-​imħabba tar-​ragħaj żagħżugħ għala hija bħal inbid u ismu bħaż-​żejt? Bħalma l-​inbid iferraħ il-​qalb taʼ raġel u t-​tferrigħ taż-​żejt fuq ras xi ħadd jikkalma lil dak li jkun, l-​imħabba taż-​żagħżugħ u ismu saħħew u farrġu lix-​xebba. (Salm 23:5; 104:15) Il-​Kristjani veri, speċjalment dawk midlukin, bl-​istess mod jiksbu qawwa u inkuraġġiment meta jirriflettu fuq l-​imħabba li Ġesù Kristu wera lejhom.

1:5​—It-​tfajla raħlija għala xxebbah is-​smurija tagħha mat-​“tined taʼ Kedar”? Ix-​xagħar tal-​mogħoż, meta jinħadem fi drapp, kien jintuża għal ħafna affarijiet. (Numri 31:20) Per eżempju, “għat-​tinda tat-​tabernaklu” ntużaw “purtieri tax-​xagħar tal-​mogħoż.” (Eżodu 26:7) L-​istess bħalma llum insibu t-​tined taʼ l-​Għarab tax-​xagħri magħmulin mix-​xagħar tal-​mogħoż, it-​tined taʼ Kedar setgħu kienu magħmulin ukoll mix-​xagħar iswed tal-​mogħoż.

1:15​—Xi jrid ifisser ir-​ragħaj żagħżugħ meta jgħid: “Għajnejk qishom ħamiema”? Ir-​ragħaj żagħżugħ qed jgħid li għajnejn lgħarusa tiegħu jidhru ħelwin u teneri bħal dawk tal-​ħamiem.

2:7; 3:5​—In-​nisa taʼ dar is-​sultan għala tpoġġew taħt wegħda “f’ġieħ l-​għażżiela jew iċ-​ċriev tar-​rabaʼ”? L-​għażżiela u ċ-​ċriev huma magħrufin għall-​ħlewwa u s-​sbuħija tagħhom. Fi kliem ieħor, it-​tfajla Sulamija qed iġġiegħel lin-​nisa taʼ dar is-​sultan jaħilfulha b’kulma hu ħelu u sabiħ biex ma jipprovawx iqajmu l-​imħabba ġo fiha.

Lezzjonijiet Għalina:

1:2; 2:6. Espressjonijiet taʼ mħabba moralment nodfa jistgħu jkunu xierqa waqt l-​għerusija. Madankollu, koppja għandha tieħu ħsieb li dawn ikunu turijiet t’affezzjoni ġenwina u mhux passjoni mhux nadifa li tistaʼ twitti t-​triq għall-​immoralità sesswali.​—Galatin 5:​19.

1:6; 2:​10-​15. Ħut is-​Sulamija ma ħallewx lil oħthom tmur mal-​maħbub tagħha f’post imwarrab fil-​muntanji. Dan ma kienx għaliex hi kienet immorali jew għax ma kellhiex motivi tajbin. Minflok, dan għamluh bħala miżura taʼ prekawzjoni biex hi tevita li tidħol f’sitwazzjoni li tistaʼ twassalha għal xi tentazzjoni. Il-​lezzjoni għal koppji li jkunu għarajjes hija li huma għandhom jevitaw postijiet imwarrbin.

2:​1-3, 8, 9. Għalkemm kienet sabiħa, ix-​xebba Sulamija b’mod umli kienet tħares lejha nfisha bħala “ranġisa [fjura komuni] taʼ Saron.” Minħabba s-​sbuħija u l-​lealtà tagħha lejn Ġeħova, ir-​ragħaj żagħżugħ qabbilha maʼ “ġilju qalb ix-​xewk.” U x’jistaʼ jingħad dwaru? Peress li hu kien ġuvni gustuż, hi xebbhitu maʼ “għażżiela.” Milli jidher hu kien ukoll raġel li jibżaʼ minn Alla u devot lejn Ġeħova. Bħal “tuffieħa [siġra li tagħti l-​kenn u l-​frott] qalb is-​siġar tal-​foresta,” tgħid hi, “hekk huwa l-​maħbub tiegħi qalb iż-​żgħażagħ.” M’humiex il-​fidi u d-​devozzjoni lejn Alla kwalitajiet li għandek tfittex meta tkun qed tipprova ssib sieħeb jew sieħba għaż-​żwieġ?

2:7; 3:5. It-​tfajla raħlija ma ħasset ebda attrazzjoni romantika lejn Salamun. Hi poġġiet ukoll lin-​nisa taʼ dar is-​sultan taħt wegħda biex ma jipprovawx iqajmu fiha l-​imħabba għal xi ħadd ieħor għajr ir-​ragħaj żagħżugħ. La huwa possibbli u lanqas xieraq li tħoss imħabba romantika lejn individwu, ikun min ikun. Kristjan li jixtieq jiżżewweġ għandu jikkunsidra biss lil xi ħadd li huwa qaddej leali taʼ Ġeħova.​—1 Korintin 7:​39.

“XI TRIDU TĦARSU LEJN IS-​SULAMIJA?”

(L-Għanja taʼ l-​Għanjiet 3:6–​8:4)

Xi ħaġa tidher li ‘tielgħa mid-​deżert bħal sħaba taʼ duħħan.’ (L-Għanja taʼ l-​Għanjiet 3:6) X’jaraw in-​nisa taʼ Ġerusalemm meta joħorġu jittawlu? Ara, Salamun u l-​qaddejja tiegħu ġejjin lura lejn il-​belt! U s-​sultan ġab ix-​xebba Sulamija miegħu.

Ir-ragħaj żagħżugħ qagħad isegwi lix-​xebba u malajr isib mod kif jaraha. Hekk kif jaċċertaha minn imħabbtu, hi tesprimi x-​xewqa tagħha li titlaq mill-​belt billi tgħidlu: “Qabel ma taqaʼ s-​sirda u d-​dellijiet jaħarbu, lejn il-​muntanja rrid immur tal-​mirra, lejn taʼ l-​inċens l-​għoljiet.” Hi tistieden lir-​ragħaj biex “[imur] fil-​ġnien tiegħu u jiekol mill-​frott tiegħu kollu benna.” Hu jwieġeb: “Jien ġejt fil-​ġnien tiegħi, oħti, għarusa tiegħi.” In-​nisa taʼ Ġerusalemm jgħidulhom: “Kulu, O ħbieb! Ixorbu u iskru bl-​espressjonijiet taʼ mħabba.”​—L-​Għanja taʼ l-​Għanjiet 4:​6, 16; 5:​1, NW.

Wara li tirrakkonta ħolma lin-​nisa taʼ dar is-​sultan, ix-​xebba Sulamija tgħidilhom: “Imradt bl-​imħabba.” Huma jistaqsu: “X’inhu aħjar mill-​bqija l-​maħbub tiegħek?” Hi twieġeb: “Il-​maħbub tiegħi abjad u ħamrani, jagħrfuh fost għaxart elef.” (L-Għanja taʼ l-​Għanjiet 5:​2-​10) Għat-​tifħir kollu li jagħtiha Salamun, hi twieġeb b’mod umli: “Xi tridu tħarsu lejn is-​Sulamija?” (L-Għanja taʼ l-​Għanjiet 6:4–​7:1 [L-Għanja taʼ l-​Għanjiet 6:​4-​13, NW]) Is-​sultan iqis dan il-​kliem bħala opportunità biex jirbaħha, u għalhekk jgħaddilha iktar kumplimenti. Madankollu, it-​tfajla tibqaʼ ma titħarrikx fl-​imħabba tagħha lejn ir-​ragħaj żagħżugħ. Fl-​aħħar Salamun iħalliha titlaq id-​dar.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

4:1; 6:5​—Xagħar ix-​xebba għala jitqabbel maʼ “merħla mogħoż”? Dan ix-​xebh jagħtina x’nifhmu li xagħarha kien ileqq u f’saħħtu bħax-​xagħar iswed tal-​mogħoż.

4:11—X’jispikka dwar il-​fatt li xofftejn l-​għarusa “jqattru għasel safi” u ‘taħt ilsienha [hemm] għasel u ħalib’? L-​għasel safi, jew l-​għasel tax-​xehda, għandu iktar togħma u huwa iktar ħelu mill-​għasel li jkun ġie espost għall-​arja. Dan ix-​xebh, kif ukoll il-​ħsieb li x-​xebba kellha l-​għasel u l-​ħalib taħt ilsienha, jenfasizza kemm kien tajjeb u pjaċevoli kliem is-​Sulamija.

5:​12​—X’inhu l-​ħsieb wara l-​istqarrija “għajnejh bħal ħamimiet maġenb nixxiegħa ilma, jinħaslu fil-​ħalib, qegħdin ħdejn fawwara”? Ix-​xebba qed titkellem dwar l-​għajnejn mill-​isbaħ tal-​maħbub tagħha. Forsi b’mod poetiku qed ixxebbah il-​ħabba skura t’għajnejh imdawra bl-​abjad mal-​kulur kaħlani fil-​griż tal-​ħamiem jinħasel fil-​ħalib.

5:​14, 15​—Is-​saqajn u l-​idejn tar-​ragħaj għala jiġu deskritti b’dan il-​mod? Milli jidher, ix-​xebba qed tirreferi għas-​swabaʼ tar-​ragħaj bħala boċċi tad-​deheb u għal difrejh bħala ħaġar prezzjuż. Hi tqabbel saqajh maʼ “kolonni tar-​rħam abjad” minħabba li huma b’saħħithom u sbieħ.

6:4​—Ix-​xebba għala hija mqabbla maʼ “Tirsa”? Din il-​belt Kangħanija kienet ġiet taħt idejn Ġożwè, u wara żmien Salamun din saret l-​ewwel belt kapitali tas-​saltna taʼ Iżrael b’għaxar tribujiet fit-​tramuntana. (Ġożwè 12:​7, 24; 1 Slaten 16:​5, 6, 8, 15) “Milli jidher din il-​belt kienet waħda mill-​isbaħ,” jgħid xogħol taʼ referenza, “u dan jispjega għala din issemmiet hawnhekk.”

7:​1 (6:​13, NW)​—X’inhi ż-​“żifna taʼ żewġ kori”? Din l-​espressjoni tistaʼ wkoll tiġi tradotta “żifna taʼ Maħanajm.” Il-​belt li kienet iġġorr dan l-​isem kienet tinsab fuq in-​naħa tal-​lvant tax-​Xmara Ġordan ħdejn il-​wied taʼ Ġabbok. (Ġenesi 32:​3, 23 [32:​2, 22, NW]; 2 Samwel 2:​29) Iż-​“żifna taʼ żewġ kori” tistaʼ tirreferi għal ċerta żifna li kienet tinżamm fil-​belt b’konnessjoni maʼ xi festa.

7:5 (7:​4, NW)​—Salamun għala jxebbah għonq ix-​xebba Sulamija maʼ “torri taʼ l-​avorju”? Iktar kmieni, it-​tfajla qalgħet dan il-​kumpliment: “Għonqok, torri taʼ David.” (L-Għanja taʼ l-​Għanjiet 4:4) Torri huwa twil u rqiq, u l-​avorju huwa lixx. Salamun huwa impressjonat kemm għonq it-​tfajla huwa rqiq u lixx.

Lezzjonijiet Għalina:

4:​1-7. Billi rreżistiet il-​kummenti taʼ Salamun, is-​Sulamija, għalkemm imperfetta, tat prova li kienet bla difett morali. Is-​saħħa morali tagħha b’hekk kompliet iżżid mas-​sbuħija tagħha. Dan għandu jkun ukoll minnu dwar in-​nisa Kristjani.

4:12. Bħal ġnien sabiħ imdawwar b’ħajt tal-​ħaxix jew ċint li tistaʼ tidħol għalih biss minn grada msakkra, ix-​xebba Sulamija esprimiet l-​affezzjoni tenera tagħha lil dak biss li kien se jkun żewġha. X’eżempju mill-​aqwa għan-​nisa u l-​irġiel Kristjani mhux miżżewġin!

“NAR TAL-​MULEJ”

(L-Għanja taʼ l-​Għanjiet 8:​5-​14)

“Min hija din li tielgħa mid-​deżert, tielgħa mistrieħa fuq il-​maħbub tagħha?” jistaqsu ħut is-​Sulamija meta jarawha ġejja lura d-​dar. Xi ftit taż-​żmien qabel, wieħed minnhom kien qal: “Jekk inhi sur, nibnulha rampa tal-​fidda; jekk inhi bieb, nagħmlulha injam taċ-​ċedru.” Issa li l-​imħabba tas-​Sulamija għaddiet mill-​prova taʼ kemm hi soda, hi tgħid: “Jiena sur, u sidri bħal torrijiet; ġa sirt f’għajnejh bħal waħda li sabet is-​sliem.”​—L-​Għanja taʼ l-​Għanjiet 8:​5, 9, 10.

L-imħabba vera hija “nar tal-​Mulej.” Għala? Għax imħabba bħal din toriġina minn Ġeħova. Hu l-​Wieħed li poġġa fina l-​abbiltà li nħobbu. Hija nar li l-​fjammi tiegħu ma jistgħux jintfew. B’mod mill-​isbaħ, l-​Għanja taʼ l-​Għanjiet turi li l-​imħabba bejn raġel u mara tistaʼ tkun ‘qawwija [ma taqtax] bħall-​mewt.’​—L-​Għanja taʼ l-​Għanjiet 8:6.

L-għanja mill-​aqwa taʼ Salamun tgħinna nifhmu iktar ir-​rabta li teżisti bejn Ġesù Kristu u l-​membri taʼ l-​“għarusa” tas-​sema tiegħu. (Rivelazzjoni 21:​2, 9) L-​imħabba taʼ Ġesù għall-​Kristjani midlukin tisboq lil kwalunkwe mħabba bejn raġel u mara. Id-​devozzjoni tal-​membri tal-​klassi taʼ l-​għarusa ma titħarrikx fid-​devozzjoni tagħha. Ġesù bi mħabba ta ħajtu wkoll għan-​“nagħaġ oħrajn.” (Ġwanni 10:16) Għalhekk, l-​aduraturi veri kollha jistgħu jimitaw l-​eżempju taʼ mħabba u devozzjoni li ma jitħarrkux tas-​Sulamija.

[Stampa f’paġna 18, 19]

L-​Għanja taʼ l-​Għanjiet x’tgħallimna dwar dak li għandna nfittxu f’sieħeb jew sieħba għaż-​żwieġ?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja