L-Onestà Ssarraf f’Ġid
ID-DIŻONESTÀ ilha teżisti sa mill-ġnien taʼ l-Għeden. Madankollu, ħafna kulturi u soċjetajiet iqisu l-onestà bħala li hi taʼ valur u l-gideb u l-qerq bħala li huma kwalitajiet mhux taʼ min jixtieqhom u taʼ tmaqdir. Meta ħaddieħor jafdak għandek għalxiex tħossok kburi. Però, fis-soċjetà taʼ llum qed tinfirex l-idea li biex tkampa hemm bżonn id-diżonestà. Int kif tħossok dwar dan? Hemm bżonn li tikkultiva l-onestà? X’inhu l-livell tiegħek biex tiddeċiedi x’inhi mġiba onesta u dik li m’hijiex?
Sabiex nogħġbu lil Alla, għandna nkunu onesti fi kliemna u fil-mod kif ngħixu ħajjitna. L-appostlu Pawlu ħeġġeġ lill-Kristjani sħabu: “Għidu l-verità, kull wieħed minnkom lill-proxxmu tiegħu.” (Efesin 4:25) Pawlu kiteb ukoll: “Nixtiequ nġibu ruħna bl-onestà f’kollox.” (Ebrej 13:18) Aħna ma rridux inkunu onesti biex nirċievu t-tifħir minn ħaddieħor. Aħna onesti għaliex nirrispettaw lill-Ħallieq tagħna u rridu nogħġbuh.
Taħbix Min Int
F’ħafna pajjiżi, xi nies jgħidu li huma xi ħaġa li m’humiex biex jiksbu ċerti vantaġġi fil-ħajja. Huma jiksbu dokumenti, diplomi, u karti taʼ l-identità foloz biex jidħlu f’pajjiż b’mod illegali jew biex jiksbu impjieg jew pożizzjoni li m’humiex kwalifikati għaliha. Xi ġenituri jiffalsifikaw iċ-ċertifikati tat-twelid taʼ wliedhom biex itawlu l-edukazzjoni tagħhom.
Madankollu, biex nogħġbu lil Alla ma nistgħux inqarrqu. Il-Bibbja tgħid li Ġeħova hu “Alla tas-sewwa” u li hu jistenna li dawk li għandhom relazzjoni miegħu jkunu nies li jgħidu s-sewwa wkoll. (Salm 31:6 [31:5, NW]) Jekk irridu nżommu relazzjoni mill-qrib maʼ Ġeħova, ma nistgħux nimitaw “nies giddieba,” dawk li ‘jqarrqu.’—Salm 26:4.
Huwa komuni wkoll li n-nies jaħbu l-verità meta jiffaċċjaw il-possibbiltà li jiġu dixxiplinati għal xi għemil ħażin. Anki fil-kongregazzjoni Kristjana, individwu jistaʼ jiġi mħajjar biex jagħmel hekk. Per eżempju, f’kongregazzjoni minnhom, raġel żagħżugħ stqarr maʼ l-anzjani li kien ikkommetta ċerti dnubiet. Madankollu, m’ammettiex li kien seraq, avolja kien hemm evidenza kontrih. Eventwalment inkixef u kellu jiġi maqtugħ mis-sħubija tal-kongregazzjoni. Ma kienx ikun iktar għaqli kieku kien onest totalment u rċieva l-għajnuna biex jirrestawra r-relazzjoni prezzjuża tiegħu maʼ Ġeħova? Wara kollox, il-Bibbja tgħid: “Iċċekkinx id-dixxiplina mingħand Ġeħova, u taqtax qalbek meta jikkoreġik; għax Ġeħova jiddixxiplina lil min iħobb.”—Ebrej 12:5, 6.
Xi drabi, ħu li jkun qed jistinka għal responsabbiltajiet fil-kongregazzjoni forsi jaħbi problemi persunali jew kondotta ħażina mill-passat. Per eżempju, meta jimla applikazzjoni għal privileġġ taʼ servizz speċjali forsi ma jagħtix tweġibiet sħaħ għal mistoqsijiet dwar is-saħħa u l-morali, għax jaħseb li l-verità dwar kwistjonijiet bħal dawn tistaʼ ttelliflu l-privileġġ. Forsi jirraġuna, ‘Mhux veru gdibt,’ imma kien tassew qed ikun sinċier u onest m’oħrajn? Ikkunsidra l-punt fi Proverbji 3:32: “Min jimxi bl-imgħawweġ jistkerrhu l-Mulej, imma f’idejh huma dawk li jimxu bis-sewwa.”
L-ewwelnett, li tkun onest ifisser li nkunu onesti magħna nfusna. Spiss nemmnu dak li rridu nemmnu minflok dak li hu sew jew veru. Kemm hu faċli għalina biex nagħtu t-tort lil ħaddieħor milli lilna nfusna! Per eżempju, is-Sultan Sawl ipprova jiġġustifika d-diżubbidjenza tiegħu billi waħħal f’oħrajn. B’riżultat taʼ dan, Ġeħova ċaħħdu milli jkun is-sultan. (1 Samwel 15:20-23) X’kuntrast mas-Sultan David, li talab lil Ġeħova: “Id-dnub tiegħi jien stqarrejtlek, u l-ħażen tiegħi ma ħbejthulekx. Jien għedt: ‘Quddiem il-Mulej nistqarr ħtijieti.’ U int ħfirtli l-ħażen tad-dnub tiegħi.”—Salm 32:5.
L-Onestà Ġġib il-Barkiet
L-onestà, jew in-nuqqas tagħha, tinfluwenza l-mod kif oħrajn iħarsu lejk. Jekk in-nies isiru jafu li tkun qarraqt bihom anki darba biss, se titlef il-fiduċja tagħhom, u din mhix faċli biex terġaʼ tiksibha. Jekk, mill-banda l-oħra, tgħid il-verità u tkun onest, se tibni reputazzjoni bħala individwu taʼ integrità, li jistħoqqlok tiġi fdat. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova kisbu reputazzjoni bħal din. Ikkunsidra xi eżempji.
Direttur taʼ kumpanija rrealizza li ħafna mill-impjegati tiegħu kienu qed jisirqu lill-kumpanija, u għalhekk talab l-għajnuna tal-pulizija. Meta sar jaf li fost l-impjegati li kienu ġew arrestati kien hemm wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova, hu mar għand il-pulizija sabiex ix-Xhud jiġi meħlus immedjatament. Għala? Għaliex id-direttur kien jaf li dan l-individwu kien ħaddiem onest u li kien innoċenti. Ix-Xhud żamm l-impjieg tiegħu, filwaqt li xi oħrajn tkeċċew. Sħabu li kienu Xhieda ferħu għaliex kienu jafu li l-kondotta tiegħu kienet ġabet unur lill-isem taʼ Ġeħova.
Kondotta tajba tiġi notata. F’komunità Afrikana, pont kbir li kien jgħaddi minn fuq kanal kbir tad-dranaġġ kellu bżonn xi tiswijiet għaliex xi fallakki taʼ l-injam kienu nsterqu. Ir-residenti lokali ddeċidew li jiġbru l-flus biex jerġgħu jqiegħdu l-fallakki, imma lil min kienu se jafdaw biex jieħu ħsieb il-flus? Kollha qablu li kellu jkun wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
Meta pajjiż Afrikan esperjenza taqlib politiku u etniku, Xhud li kien jaħdem bħala accountant għal kumpanija internazzjonali ntbagħat pajjiż ieħor mill-kumpanija tiegħu, għaliex ħajtu kienet fil-periklu. Il-kumpanija ħallsitlu biex għal diversi xhur jaħdem f’pajjiż ieħor sakemm is-sitwazzjoni tikkalma. Għala? Għaliex qabel kien irrifjuta li jidħol f’komplott maʼ dawk li kienu qed jippjanaw biex jisirqu lill-kumpanija. L-imgħallmin tiegħu kienu konxji tar-reputazzjoni onesta għall-aħħar li kellu. Kienu huma se jkunu lesti biex jgħinu lil dan il-ħaddiem kieku kien magħruf għal xi għemil diżonest?
Proverbji 20:7 (Karm Żammit) jgħid: “Ir-raġel ġust jimxi fis-sewwa tiegħu.” Bniedem onest hu bniedem taʼ integrità. Hu qatt ma jimbrolja jew iqarraq b’ħaddieħor. M’huwiex dan kif tixtieq li oħrajn jittrattaw lilek? L-onestà hija parti essenzjali mill-qima vera. Hija espressjoni taʼ mħabbitna għal Alla u għal ġârna. Billi nkunu onesti, aħna nuru x-xewqa tagħna li nsegwu l-prinċipju taʼ kondotta li esprima Ġesù: “Għalhekk, kulma tridu li l-bnedmin jagħmlulkom, intom tridu tagħmluh lilhom ukoll.”—Mattew 7:12; 22:36-39.
Xi drabi, meta tkun onest tispiċċa tmur minn taħt, imma l-kuxjenza nadifa li tirriżulta tiswa ħafna iktar minn dawn ir-riżultati. Fl-aħħar mill-aħħar, li tkun onest u rett iġib l-aqwa benefiċċji. Il-verità hi li relazzjoni tajba maʼ Ġeħova m’għandhiex prezz. Għala tagħmlilha l-ħsara billi tagħmel xi ħaġa diżonesta sabiex iżżomm ir-rispett tan-nies jew tikseb xi vantaġġ illegali? Ikunu xi jkunu l-isfidi li niffaċċjaw, jistaʼ jkollna fiduċja fil-kliem tas-salmista: “Hieni l-bniedem li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu, u ma jmurx mal-kburin, mogħtija għall-gideb.”—Salm 40:5 (40:4, NW).
[Stampi f’paġna 18]
Il-Kristjani veri ma jixtrux u ma jużawx dokumenti foloz