LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 2/1 pp. 12-15
  • Għala Nitgħaxxaq Nagħmel Dixxipli

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għala Nitgħaxxaq Nagħmel Dixxipli
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Niskopri l-​Ferħ li Jiġi Meta Tgħallem
  • Il-​Persistenza Ġġib Barkiet
  • L-​Ewwel Reazzjonijiet Jistgħu Jqarrqu
  • F’Qasam tal-​Lingwa Barranija
  • Nara l-​Ispirtu taʼ Ġeħova fl-​Azzjoni
  • Ġeħova Jkabbar
  • Għidilhom li tħobbhom
    Esperjenzi tax-Xhieda taʼ Ġeħova
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 2/1 pp. 12-15

Bijografija

Għala Nitgħaxxaq Nagħmel Dixxipli

KIF RAKKONTATA MINN PAMELA MOSELEY

Il-​gwerra kienet fl-​aqwa tagħha fl-​Ingilterra meta ommi ħaditni Leicester għal konvenzjoni tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fl-​1941. Smajna t-​taħdita speċjali taʼ Joseph Rutherford dwar it-​tfal. Meta jien u ommi tgħammidna f’din il-​konvenzjoni, innotajt li dawk li kienu għenuna nagħmlu progress spiritwali kienu henjin ħafna. Dak iż-​żmien ma kontx nirrealizza kemm iġib ferħ ix-​xogħol taʼ li tagħmel dixxipli taʼ Ġesù Kristu.

IL-​PROGRESS tagħna sabiex insiru dixxipli beda s-​sena taʼ qabel. Għadni niftakar dak il-​jum tal-​biżaʼ f’Settembru taʼ l-​1939 meta faqqgħet it-​tieni gwerra dinjija. Rajt id-​dmugħ iġelben fuq ħaddejn ommi hekk kif baqgħet tistaqsi, “Id-​dinja għala ma tistax tkun fil-​paċi?” Il-​ġenituri tiegħi kienu qdew fil-​militar matul l-​ewwel gwerra dinjija u esperjenzaw il-​ħruxijiet tagħha. Ommi għamlet din il-​mistoqsija lill-​ministru Anglikan fi Bristol. Hu sempliċement qal: “Il-​gwerer kienu minn dejjem u se jibqgħu għal dejjem.”

Madankollu, ftit wara, mara mdaħħla fiż-​żmien ġiet iżżurna d-​dar. Kienet waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Ommi staqsietha l-​istess mistoqsija: “Id-​dinja għala ma tistax tkun fil-​paċi?” Ix-​Xhud spjegat li l-​gwerer huma parti mis-​sinjal li qed ngħixu fit-​tmiem taʼ din is-​sistema dinjija mimlija vjolenza. (Mattew 24:​3-​14) It-​tifla tagħha ma damitx wisq ma bdiet tistudja l-​Bibbja magħna. It-​tnejn li huma kienu fost dawk li b’ferħ osservaw il-​magħmudija tagħna. Ix-​xogħol taʼ li tagħmel dixxipli għala jagħmel lin-​nies daqshekk ferħanin? Iktar tard, sirt naf ir-​raġuni. Ħa ngħidilkom ftit minn dak li tgħallimt fil-​65 sena u fuqhom li qattajt nagħmel dixxipli.

Niskopri l-​Ferħ li Jiġi Meta Tgħallem

Bdejt nieħu sehem fl-​ippridkar tas-​Saltna fi Bristol meta kelli 11-il sena. Wieħed ħu tani fonografu u kard tat-​testimonjanza u qalli: “Issa, int żur id-​djar kollha fuq dik in-​naħa tat-​triq.” Għalhekk, bdejt nippriedka, waħdi. M’għandniex xi ngħidu, ħassejtni ansjuża ħafna. Kont insemmaʼ taħdita Biblika rekordjata, u mbagħad nuri lill-​inkwilin il-​kard tat-​testimonjanza, li kienet tistieden lin-​nies biex jaċċettaw letteratura Biblika.

Sa mis-​snin 50, tpoġġiet iktar enfasi fuq il-​qari mill-​Bibbja matul iż-​żjajjar tagħna minn dar għal dar. Għall-​ewwel, minħabba li kont nistħi, ma kienx faċli għalija biex nitkellem maʼ nies li ma kontx nafhom u biex nispjega l-​versi mill-​Bibbja. Iżda maż-​żmien rawwimt il-​kunfidenza. Kien wara dan li verament bdejt nieħu pjaċir fil-​ministeru. Xi wħud kienu jqisuna sempliċement bħala bejjiegħa tal-​kotba, iżda meta konna naqrawlhom u nispjegawlhom il-​versi Bibliċi, irrikonoxxewna bħala għalliema tal-​Kelma t’Alla. Tant ħadt pjaċir nagħmel dan li ridt ikolli sehem akbar. Għalhekk, f’Settembru taʼ l-​1955 bdejt naqdi fil-​ministeru full-time bħala pijuniera.

Il-​Persistenza Ġġib Barkiet

Waħda mill-​ewwel lezzjonijiet li tgħallimt kienet li l-​persistenza b’qalb tajba tistaʼ ġġib barkiet. F’okkażjoni minnhom, ħallejt kopja tar-​rivista t-​Torri taʼ l-​Għassa maʼ waħda mara jisimha Violet Morice. Meta rġajt mort għandha, hi fetħet il-​bieb beraħ, rabtet idejha u bdiet tismaʼ b’attenzjoni kbira hekk kif spjegajtilha l-​Iskrittura. Kull darba li kont immur inżurha, hi kienet tidher interessata b’mod ġenwin. Madankollu, meta offrejtilha studju tal-​Bibbja regulari, hi qaltli: “Le. Meta t-​tfal jikbru ftit ieħor, imbagħad nibda nistudja.” Kemm kont diżappuntata! Il-​Bibbja titkellem dwar “żmien li tikseb, u żmien li titlef.” (Koħèlet 3:6) Iddeċidejt li ma naqtax qalbi.

Xahar wara, mort lura u ddiskutejt ftit skritturi oħrajn maʼ Violet. Ma damitx wisq ma bdiet studju tal-​Bibbja kull ġimgħa fuq l-​għatba tad-​dar tagħha. Fl-​aħħar hi qaltli: “Naħseb aħjar tidħol ġewwa, xi tgħid?” Violet saret sieħba taʼ l-​istess twemmin u ħabiba tal-​qalb mill-​aqwa! Iva, Violet tgħammdet bħala waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

Ġurnata minnhom Violet ixxokkjat ruħha meta saret taf li żewġha kien biegħ id-​dar tagħhom mingħajr ma kienet taf u abbandunaha. B’ferħ, bl-​għajnuna taʼ ħabib li kien Xhud, hi kisbet dar oħra dakinhar stess. Tant ħassitha grata lejn Ġeħova li ddeċidiet li tqattaʼ l-​bqija taʼ ħajjitha bħala pijuniera. Meta rajt l-​ispirtu taʼ Ġeħova jimlieha b’żelu għall-​qima vera, irrealizzajt għala x-​xogħol taʼ li tagħmel dixxipli jirriżulta f’ferħ bħal dan. Iva, din kienet se tkun il-​karriera tiegħi!

Fl-1957, jien u Mary Robinson ġejna assenjati biex naqdu bħala pijunieri fiż-​żona industrijali taʼ Rutherglen fi Glasgow, l-​Iskozja. Konna nippridkaw fiċ-​ċpar, fir-​riħ, fix-​xita, u fil-​borra, iżda ma ddispjaċiniex. Ġurnata minnhom iltqajt maʼ Jessie. Jien kont nieħu pjaċir nistudja l-​Bibbja magħha. Żewġha, Wally, kien Komunist u għall-​ewwel kien jevitani. Meta studja l-​Bibbja u rrealizza li s-​Saltna t’Alla biss se ġġib kundizzjonijiet ideali fost in-​nies, hu kien se jtir bil-​ferħ. Maż-​żmien, it-​tnejn li huma saru wħud li jagħmlu dixxipli.

L-​Ewwel Reazzjonijiet Jistgħu Jqarrqu

Iktar tard irċivejna inkarigu ġdid f’Paisley, l-​Iskozja. Ġurnata minnhom waqt li kont qed nippriedka hemmhekk, waħda mara għalqitli l-​bieb f’wiċċi. Iżda ma damitx ma ġiet tfittixni sabiex tiskuża ruħha. Meta mort lura l-​ġimgħa taʼ wara, hi qaltli: “Ħassejtni bħallikieku għalaqt il-​bieb f’wiċċ Alla. Ma stajtx ma niġix infittxek.” Kien jisimha Pearl. Hi qaltli li tant kienu ddiżappuntawha l-​ħbieb u l-​qraba, li kienet talbet lil Alla biex jipprovdilha ħabiba vera. “U mbagħad ġejt int tħabbatli l-​bieb,” qaltli hi. “Issa nirrealizza li dik il-​ħabiba vera m’hi ħadd ħlief int.”

Ma kienx faċli tkun il-​ħabiba taʼ Pearl. Hi kienet toqgħod fil-​quċċata taʼ telgħa wieqfa, u jien kelli nitlagħha bil-​mixi. Meta mort id-​dar tagħha biex niħodha għall-​ewwel laqgħa tagħha, ir-​riħ u x-​xita kważi waqqgħuni maʼ l-​art. L-​umbrella tiegħi ċċarrtet u kelli narmiha. Sitt xhur biss wara li għalqet il-​bieb f’wiċċi, Pearl issimbolizzat id-​dedikazzjoni tagħha lil Alla bil-​magħmudija fl-​ilma.

Ftit wara, ir-​raġel tagħha ddeċieda li jistudja l-​Bibbja, u fi żmien qasir, hu ġie miegħi fil-​ministeru minn dar għal dar. Bħas-​soltu, kienet ix-​xita. “Toqgħodx tinkwieta għalija,” qalli hu. “Noqgħod bil-​wieqfa f’temp bħal dan għal sigħat sħaħ biex nara xi logħba futbol, allura żgur li nistaʼ noqgħod bil-​wieqfa fix-​xita għal Ġeħova.” Minn dejjem ammirajt id-​determinazzjoni taʼ l-​Iskoċċiżi.

Kemm kien premjanti għalija li mmur lura wara bosta snin u nara li ħafna minn dawk l-​uħud li studjajt magħhom għadhom jistabru fil-​fidi! Dan hu l-​ferħ li jkollok meta tagħmel dixxipli. (1 Tessalonikin 2:​17-​20) Fl-​1966, wara li qdejt għal iktar minn tmien snin bħala pijuniera fl-​Iskozja, ġejt mistiedna fl-​Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead) biex niġi mħarrġa bħala missjunarja.

F’Qasam tal-​Lingwa Barranija

Ġejt assenjata l-​Bolivja, fil-​belt tropikali taʼ Santa Cruz, fejn kien hemm kongregazzjoni taʼ madwar 50 ruħ. Il-​belt kienet tfakkarni fl-​ambjent tal-​cowboys kif jidher fil-​films taʼ Hollywood. Meta nħares lura, naħseb li kont missjunarja ordinarja. Qatt ma ġejt attakkata minn xi kukkudrill, imdawra minn marmalji vjolenti, intlift f’xi deżert, jew spiċċajt nawfragata f’xi baħar miftuħ. Madankollu, għalija, li nagħmel dixxipli kien iktar eċċitanti.

Waħda mill-​ewwel nisa li studjajt il-​Bibbja magħhom f’Santa Cruz kienet Antonia. Kien taʼ sfida għalija biex ngħallimha l-​Bibbja bl-​Ispanjol. Darba minnhom, it-​tifel ċkejken t’Antonia qalilha: “Ma, hi tagħmel l-​iżbalji bl-​Ispanjol apposta, biex iddaħħaqna?” Maż-​żmien Antonia saret dixxiplu, u anki Yolanda, it-​tifla tagħha. Yolanda kellha ħabib, student tal-​liġi li l-​laqam tiegħu kien Dito, li wkoll beda jistudja l-​Bibbja u jattendi l-​laqgħat tagħna. Meta kont naħdem miegħu, tgħallimt xi ħaġa oħra dwar li tgħallem il-​verità tal-​Bibbja: Kultant in-​nies ikollhom bżonn daqsxejn taʼ imbottatura.

Meta Dito beda jitlef mill-​istudji tiegħu, jien għedtlu: “Dito, Ġeħova ma jisforzakx biex tappoġġa s-​Saltna tiegħu. Int trid tagħżel.” Meta hu wieġeb li ried jaqdi lil Alla, jien għedtlu: “Hawnhekk għandek stampi taʼ mexxej rivoluzzjonarju. Jekk xi ħadd jiġi għandek u jara dawn l-​istampi, se jikkonkludi li int għażilt li tappoġġa s-​Saltna t’Alla?” Din kienet id-​daqsxejn taʼ imbottatura li kellu bżonn.

Ġimagħtejn wara, qamet rivoluzzjoni, u bdiet ġlieda bl-​armi tan-​nar bejn l-​istudenti universitarji u l-​pulizija. “Ejja noħorġu minn hawn!” għajjat Dito lil sieħbu. “Le! Dan hu l-​jum il-​kbir tagħna li konna qed nistennew,” wieġeb sieħbu hekk kif qabad xkubetta u telaʼ jiġri fuq il-​bejt taʼ l-​università. Hu kien wieħed mit-​tmint iħbieb taʼ Dito li mietu dakinhar. Tistaʼ timmaġina kemm inħossni ferħana meta nara lil dan ir-​raġel, Dito, li setaʼ miet kieku ma ddeċidiex li jsir Kristjan veru?

Nara l-​Ispirtu taʼ Ġeħova fl-​Azzjoni

Ġurnata minnhom kont għaddejja minn quddiem bieb u ħsibt li konna diġà ħabbatna l-​bieb taʼ dik id-​dar, meta fil-​pront l-​inkwilina għajtitli. Kien jisimha Ignacia. Hi kienet taf dwar ix-​Xhieda taʼ Ġeħova, iżda l-​oppożizzjoni ħarxa taʼ żewġha​—Adalberto, uffiċjal tal-​pulizija li kien raġel mibni​—żammitha milli tagħmel progress spiritwali. Hi kienet mifxula dwar ħafna tagħlim bażiku tal-​Bibbja, u għalhekk bdejt nistudja l-​Bibbja magħha. Avolja Adalberto kien determinat li jwaqqaf dawn l-​istudji tal-​Bibbja, jien stajt nitkellem miegħu għal ħin twil mhux ħażin dwar suġġetti oħrajn. Kien l-​ewwel pass biex insiru ħbieb.

Tistaʼ timmaġina l-​ferħ li ħassejt meta rajt lil Ignacia ssir membru mill-​aħjar tal-​kongregazzjoni, li tieħu ħsieb il-​benesseri spiritwali u fiżiku taʼ bosta wħud li għandhom bżonn il-​faraġ. Maż-​żmien, żewġha u tlieta minn uliedha saru Xhieda. Fil-​fatt, meta Adalberto fl-​aħħar fehem it-​tifsira taʼ l-​aħbar tajba, hu mar lura l-​għassa tal-​pulizija u tant tkellem b’entużjażmu li kiseb 200 abbonament għat-​Torri taʼ l-​Għassa u l-​Awake! mingħand il-​pulizija.

Ġeħova Jkabbar

Wara li qdejt f’Santa Cruz għal sitt snin, ġejt assenjata fil-​belt prinċipali tal-​Bolivja, La Paz, fejn qattajt il-​25 sena taʼ wara. Kmieni fis-​snin 70, id-​dar tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova f’La Paz kellha total taʼ 12-il membru biss. Hekk kif ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar beda jinfirex, u b’hekk kien hemm il-​ħtieġa taʼ faċilitajiet akbar, inbniet fergħa ġdida f’Santa Cruz, belt li kienet qed tikber b’rata mgħaġġla. Il-​fergħa ġiet trasferita hemm fl-​1998, u jien ġejt mistiedna biex insir membru tal-​fergħa, li fiha issa hemm iktar minn 50 membru.

L-unika kongregazzjoni li kienet teżisti f’Santa Cruz lura fl-​1966 kienet saret iktar minn 50 kongregazzjoni. Is-​640 Xhud li kienu madwar il-​Bolivja kollha f’dak iż-​żmien, illum saru kważi 18,000 ruħ!

B’ferħ, l-​inkarigu tiegħi fil-​Bolivja kien produttiv. Madankollu, dejjem inħossni inkuraġġita bil-​fedeltà taʼ sħabi Kristjani oħrajn maʼ kullimkien. Aħna lkoll nithennew meta naraw il-​barka taʼ Ġeħova fuq l-​attività taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna. Ċertament li hija għaxqa li jkollok sehem fix-​xogħol taʼ li wieħed jagħmel dixxipli.​—Mattew 28:​19, 20.

[Stampa f’paġna 13]

Naqdi bħala pijuniera fl-​Iskozja

[Stampi f’paġna 15]

Naqdi fl-​uffiċċju tal-​fergħa tal-​Bolivja; (xellug) fil-​gradwazzjoni tat-​42 klassi taʼ Gilgħad

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja