Ġeħova Huwa Alla li Japprezza
“Alla mhux inġust biex jinsa għemilkom u l-imħabba li wrejtu għal ismu.”—EBREJ 6:10.
1. Ġeħova kif wera l-apprezzament tiegħu għal Rut il-Mowabija?
ĠEĦOVA verament japprezza l-isforzi taʼ dawk li sinċerament ifittxu li jagħmlu r-rieda tiegħu, u hu jippremjahom bil-kbir. (Ebrej 11:6) Ir-raġel leali Bogħaż kien familjari maʼ din il-karatteristika sabiħa fil-personalità t’Alla, għax hu qal lil Rut il-Mowabija, li bi mħabba kienet tieħu ħsieb il-kunjata armla tagħha: “Il-Mulej iħallsek taʼ għemilek. Ħlasek ikun sħiħ mingħand il-Mulej, Alla taʼ Iżrael, li int ġejt tistkenn taħt ġwenħajh.” (Rut 2:12) Berikha Alla lil Rut? Dażgur! Fil-fatt, l-istorja tagħha ġiet imniżżla fil-Bibbja! Iktar minn hekk, hi żżewġet lil Bogħaż u saret l-antenata kemm tas-Sultan David u kemm taʼ Ġesù Kristu. (Rut 4:13, 17; Mattew 1:5, 6, 16) Dan l-eżempju huwa biss wieħed mill-ħafna eżempji fil-Bibbja li juru l-apprezzament li Ġeħova għandu għall-qaddejja tiegħu.
2, 3. (a) X’jagħmel l-espressjonijiet t’apprezzament taʼ Ġeħova rimarkevoli? (b) Ġeħova għala jistaʼ jesprimi apprezzament veru? Agħti eżempju.
2 Ġeħova jqisha bħala inġustizzja min-naħa tiegħu li kieku kellu juri nuqqas t’apprezzament. Ebrej 6:10 jgħid: “Alla m’hux se jkun hekk inġust li jinsa dak li intom għamiltu u l-imħabba li wrejtu lejn ismu meta qdejtu u għadkom taqdu lill-qaddisin.” Dak li jagħmel lil din l-istqarrija rimarkevoli hu li Alla juri l-apprezzament għan-nies devoti avolja huma midinbin u jonqsu mill-glorja t’Alla.—Rumani 3:23.
3 Minħabba l-imperfezzjoni tagħna, aħna għandna mnejn inħossu li l-għemejjel tagħna taʼ devozzjoni lejn Alla huma insinifikanti u li ma jistħoqqilniex il-barka t’Alla. Madankollu, Ġeħova jifhem eżattament il-motivi u ċ-ċirkustanzi tagħna, u hu jqis verament is-servizz tagħna li nagħtu minn qalbna. (Mattew 22:37) Sabiex nagħtu eżempju: Omm issib rigal—ġiżirana li ma tantx tiswa—fuq il-mejda. Hi tistaʼ tqis ir-rigal bħala li hu taʼ ftit valur u twarrbu fil-ġenb. Madankollu, il-kartolina li hemm mar-rigal turi li dan hu rigal mit-tifla ċkejkna tagħha, li nefqet dak kollu li kienet ġemmgħet biex tixtrihielha. Issa l-omm tibda tqis ir-rigal minn lenti differenti. Forsi bid-dmugħ f’għajnejha, hi tgħannaq lit-tifla u tesprimi l-apprezzament tagħha mill-qalb.
4, 5. Ġesù kif imita lil Ġeħova f’li juri apprezzament?
4 Peress li hu konxju sew tal-motivi u l-limitazzjonijiet tagħna, Ġeħova japprezza ferm meta aħna nagħtuh l-aħjar tagħna, kemm jekk ikun ftit u kemm jekk ikun ħafna. F’dan ir-rigward, Ġesù kien riflessjoni perfetta taʼ Missieru. Ftakar fir-rakkont Bibliku taʼ l-armla li tefgħet żewġ muniti. “Issa hekk kif [Ġesù] ħares ’il fuq, ra lill-għonja jitfgħu l-għotjiet tagħhom fil-kaxxi tat-teżor. Imbagħad ra waħda armla fil-bżonn titfaʼ hemmhekk żewġ muniti żgħar taʼ valur żgħir ferm u qal: ‘Ngħidilkom il-verità, Din l-armla, għalkemm fqira, tefgħet iktar minnhom ilkoll. Għax dawn kollha tefgħu għotjiet miż-żejjed tagħhom, imma din il-mara, min-nieqes tagħha, tefgħet il-mezz t’għajxien kollu li kellha.’”—Luqa 21:1-4.
5 Iva, peress li kien jaf dwar iċ-ċirkustanzi tal-mara—li kienet armla u fqira—Ġesù fehem il-valur veru taʼ l-għotja tagħha, u hu apprezzaha ferm. L-istess nistgħu ngħidu dwar Ġeħova. (Ġwanni 14:9) M’huwiex inkuraġġanti li tkun taf li huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi tiegħek, int tistaʼ ssib favur f’għajnejn l-Alla mimli apprezzament tagħna u f’għajnejn Ibnu?
Ġeħova Jippremja lil Etjopjan li Jibżaʼ minn Alla
6, 7. Ġeħova għala u b’liema mod wera l-apprezzament tiegħu għal Għebed-melek?
6 Il-fatt li Ġeħova juri l-apprezzament tiegħu għal dawk li jagħmlu r-rieda tiegħu jidher darba wara l-oħra fl-Iskrittura. Ikkunsidra kif hu ttratta maʼ l-Etjopjan Għebed-melek li kien jibżaʼ minn Alla, kontemporanju taʼ Ġeremija u li kien qaddej fid-dar tas-Sultan Sedekija, is-sultan żleali taʼ Ġuda. Għebed-melek sar jaf li l-prinċpijiet taʼ Ġuda kienu akkużaw b’mod falz lill-profeta Ġeremija b’sedizzjoni u kienu tefgħuh f’bir biex imut mingħajr ikel. (Ġeremija 38:1-7) Peress li kien jaf li Ġeremija kien mibgħud għall-aħħar minħabba l-messaġġ li kien jippriedka, Għebed-melek irriskja ħajtu stess u appella quddiem is-sultan. B’kuraġġ, l-Etjopjan qal: “Sidi s-sultan, dawn in-nies ġiebu ruħhom ħażin f’kull ma għamlu lil Ġeremija, il-profeta, li xeħtuh fil-bir, u dalwaqt imut bil-ġuħ, għax ma baqax ħobż fil-belt.” Malli kkmandah is-sultan, Għebed-melek ħa 30 raġel u salva l-profeta t’Alla.—Ġeremija 38:8-13.
7 Ġeħova ra li Għebed-melek aġixxa bil-fidi li għenitu jegħleb kwalunkwe biżaʼ li setaʼ kellu. Għalhekk, Ġeħova wera l-apprezzament tiegħu u qal lil Għebed-melek permezz taʼ Ġeremija: “Arani, sa ntemm kliemi fuq din il-belt għall-ħsara tagħha u mhux għar-riżq . . . Imma dak inhar neħilsek, . . . u ma tingħatax f’idejn dawk in-nies li minnhom qiegħed tibżaʼ. Għax insalvak żgur, . . . tkun għalik ħajtek bi priża, talli int ittamajt fija.” (Ġeremija 39:16-18) Iva, Ġeħova ħeles lil Għebed-melek, kif ukoll lil Ġeremija, mill-prinċpijiet mill-agħar taʼ Ġuda u iktar tard minn Babiloniżi li qerdu lil Ġerusalemm. “[Ġeħova] iħares il-ħajja taʼ ħbiebu, jeħlishom minn idejn il-ħżiena,” jgħid Salm 97:10.
“Missierek li Jara Dak li Hu Moħbi Se Jroddlok Lura”
8, 9. Bħalma wera Ġesù, Ġeħova liema tip taʼ talb japprezza?
8 Evidenza oħra li Ġeħova japprezza u jqis l-espressjonijiet tagħna taʼ devozzjoni lejh nistgħu narawha minn dak li tgħid il-Bibbja dwar it-talb. “[Alla] jitgħaxxaq bit-talba tat-tajbin,” qal ir-raġel għaref. (Proverbji 15:8) Fi żmien Ġesù ħafna mexxejja reliġjużi kienu jitolbu pubblikament, u huma kienu jagħmlu dan mhux minħabba l-qima ġenwina tagħhom, imma għax riedu jimpressjonaw lin-nies. “Dawn qed jieħdu l-premju tagħhom bis-sħiħ,” qal Ġesù. “Iżda int, meta titlob,” qal hu lis-segwaċi tiegħu, “idħol f’kamartek, agħlaq il-bieb, u itlob lil Missierek li qiegħed fil-moħbi; imbagħad Missierek li jara dak li hu moħbi se jroddlok lura.”—Mattew 6:5, 6.
9 M’għandniex xi ngħidu, Ġesù ma kienx qed jikkundanna t-talb pubbliku, għax hu stess talab pubblikament f’ċerti okkażjonijiet. (Luqa 9:16) Ġeħova japprezza profondament meta nitolbuh b’qalb sinċiera, mingħajr l-intenzjoni li nimpressjonaw lil oħrajn. Fil-fatt, it-talb privat tagħna huwa indikazzjoni tajba taʼ l-imħabba li għandna għal Alla u l-fiduċja tagħna fih. Għalhekk, mhux taʼ b’xejn li Ġesù spiss fittex postijiet privati biex jitlob. Darba, hu għamel dan “kmieni fil-għodu, waqt li kien għadu d-dlam.” Darba oħra, “telaʼ waħdu fuq il-muntanja biex jitlob.” U qabel m’għażel it-12-il appostlu tiegħu, Ġesù qattaʼ l-lejl kollu waħdu jitlob.—Marku 1:35; Mattew 14:23; Luqa 6:12, 13.
10. Meta t-talb tagħna jkun sinċier u jirrifletti sentimenti profondi, minn xiex nistgħu nkunu żguri?
10 Immaġina kemm semaʼ b’attenzjoni Ġeħova l-espressjonijiet mill-qalb taʼ Ibnu! Tabilħaqq, Ġesù kultant talab “b’għajat qawwi u dmugħ, u t-talb tiegħu ntlaqaʼ minħabba li kellu l-biżaʼ t’Alla.” (Ebrej 5:7; Luqa 22:41-44) Meta t-talb tagħna jirrifletti sinċerità u sentimenti profondi bħal dawn, nistgħu nibqgħu ċerti li Missierna tas-sema jismaʼ b’attenzjoni u b’apprezzament. Iva, “qrib il-Mulej lejn kull min . . . isejjaħlu fis-sewwa.”—Salm 145:18.
11. Ġeħova kif iħossu dwar dak li nagħmlu fil-privat?
11 Jekk Ġeħova japprezza meta nitolbu lilu fis-sigriet, min jaf kemm japprezza wkoll meta nobduh fis-sigriet! Iva, Ġeħova huwa konxju taʼ dak li nagħmlu meta nkunu fil-privat. (1 Pietru 3:12) Tabilħaqq, il-fatt li nkunu leali u ubbidjenti meta nkunu waħedna huwa indikazzjoni tajba li naqdu lil Ġeħova b’‘qalb sħiħa,’ waħda li għandha motivi puri u li hi soda għal dak li hu tajjeb. (1 Kronaki 28:9) Min jaf kemm tferrħu lil Ġeħova kondotta bħal din!—Proverbji 27:11; 1 Ġwanni 3:22.
12, 13. Kif nistgħu ngħassu lil moħħna u qalbna u nkunu bħad-dixxiplu leali Natanjel?
12 Għaldaqstant, il-Kristjani leali jgħassu kontra d-dnubiet sigrieti li jħassru l-moħħ u l-qalb, bħal li naraw il-pornografija u l-vjolenza. Filwaqt li xi dnubiet jistgħu jinħbew mill-bnedmin, aħna nirrealizzaw li “kollox hu għeri u mikxuf beraħ quddiem dak li rridu nagħtuh kont.” (Ebrej 4:13; Luqa 8:17) Billi nistinkaw biex nevitaw affarijiet li jweġġgħu lil Ġeħova, aħna nżommu kuxjenza nadifa u nieħdu pjaċir bil-fatt li nafu li għandna l-approvazzjoni t’Alla. Iva, m’hemm l-ebda dubju li Ġeħova verament japprezza lil “min jgħix bla ħtija u jagħmel it-tajjeb, min jgħid is-sewwa f’qalbu.”—Salm 15:1, 2.
13 Madankollu, kif nistgħu ngħassu lil moħħna u qalbna f’dinja miżgħuda bil-ħażen? (Proverbji 4:23; Efesin 2:2) Minbarra li nieħdu vantaġġ sħiħ mill-provvedimenti spiritwali kollha, aħna għandna nagħmlu kull sforz biex nirrifjutaw dak li hu ħażin u nagħmlu dak li hu tajjeb, billi naġixxu malajr ħalli x-xewqat ħżiena ma jsirux fertili u jildu d-dnub. (Ġakbu 1:14, 15) Immaġina kemm kont tkun ferħan li kieku Ġesù jgħid dwarek dak li qal fuq Natanjel: “Ara, [raġel] fil-veru sens tal-kelma, li fih m’hemm ebda qerq.” (Ġwanni 1:47) Natanjel, li kien imsejjaħ ukoll Bartilmew, iktar tard kellu l-privileġġ li jsir wieħed mit-12-il appostlu taʼ Ġesù.—Marku 3:16-19.
“Qassis il-Kbir Ħanin u Leali”
14. Il-mod kif Ġesù rreaġixxa għall-ġest taʼ Marija kif kien differenti minn dak t’oħrajn?
14 Peress li Ġesù “hu x-xbieha t’Alla [Ġeħova] li ma jidhirx,” hu dejjem jimita perfettament lil Missieru billi juri apprezzament għal dawk li jaqdu lil Alla b’qalb nadifa. (Kolossin 1:15) Per eżempju, ħamest ijiem qabel ma ta ħajtu, Ġesù u xi wħud mid-dixxipli tiegħu kienu mistidnin fid-dar taʼ Xmun minn Betanja. Matul dik il-lejla, Marija, oħt Lazzru u Marta, “ħadet libbra żejt ifuħ, nard pur, jiswa ħafna flus” (li kien jiswa madwar paga taʼ sena), u ferrgħetu fuq ras u saqajn Ġesù. (Ġwanni 12:3) Xi wħud qalu: “Għala dan il-ħela kollu?” Madankollu, Ġesù qies il-ġest taʼ Marija b’mod tassew differenti. Hu kien iqisu bħala att taʼ ġenerożità kbira u li jfisser ħafna meta qies li l-mewt u d-difna tiegħu kienu imminenti. Għalhekk, minflok ma kkritikaha lil Marija, Ġesù onoraha. Hu qal: “Kulfejn tixxandar din l-aħbar tajba fid-dinja kollha, dak li għamlet din il-mara jissemma wkoll b’tifkira tagħha.”—Mattew 26:6-13.
15, 16. Kif nistgħu nibbenefikaw mill-fatt li Ġesù għex u qeda lil Alla bħala bniedem?
15 Kemm aħna privileġġati li għandna lil Ġesù, xi ħadd li tant japprezza, bħala l-Mexxej tagħna! Fil-fatt, il-ħajja taʼ Ġesù ppreparatu għax-xogħol li Ġeħova kellu merfugħ għalih—li jaqdi bħala Qassis il-Kbir u Sultan, l-ewwel tal-kongregazzjoni taʼ wħud midlukin u mbagħad tad-dinja.—Kolossin 1:13; Ebrej 7:26; Rivelazzjoni 11:15.
16 Qabel ma ġie fuq l-art, Ġesù diġà kellu interess profond fl-umanità u affezzjoni speċjali għaliha. (Proverbji 8:31) Billi għex bħala bniedem, hu sar jifhem iktar il-provi li nesperjenzaw fis-servizz tagħna lil Alla. “[Ġesù] kellu jsir bħal ħutu f’kollox,” kiteb l-appostlu Pawlu, “biex isir qassis il-kbir ħanin u leali . . . Għax billi hu stess sofra meta kien imġarrab, jistaʼ jidħol għal dawk li qed jiġu mġarrbin.” Ġesù jistaʼ “jagħder id-dgħjufijiet tagħna” minħabba li hu “ġie mġarrab fl-aspetti kollha bħalna, iżda baqaʼ mingħajr dnub.”—Ebrej 2:17, 18; 4:15, 16.
17, 18. (a) L-ittri lis-sebaʼ kongregazzjonijiet fl-Asja Minuri x’jirrivelaw dwar l-apprezzament profond taʼ Ġesù? (b) Dawk il-Kristjani midlukin għal xiex kienu qed jiġu preparati?
17 Il-fatt li Ġesù sar jifhem iktar il-provi tas-segwaċi tiegħu sar evidenti wara l-irxoxt tiegħu. Ikkunsidra l-ittri lis-sebaʼ kongregazzjonijiet fl-Asja Minuri, li kiteb l-appostlu Ġwanni. Lill-kongregazzjoni fi Żmirna, Ġesù kitbilha: “Naf it-tribulazzjoni u l-faqar tiegħek.” Hawnhekk Ġesù fil-fatt kien qed jgħid, ‘Nifhem eżattament il-problemi tiegħek; veru naf dak li int għaddej minnu.’ Imbagħad, bil-mogħdrija u bl-awtorità li kiseb minħabba t-tbatija tiegħu stess li bata saħansitra sal-mewt, Ġesù żied: “Agħti prova tal-fedeltà tiegħek sal-mewt, u nagħtik il-kuruna tal-ħajja.”—Rivelazzjoni 2:8-10.
18 L-ittri lis-sebaʼ kongregazzjonijiet huma mimlijin espressjonijiet li jirriflettu l-fatt li Ġesù jifhem tassew l-isfidi tad-dixxipli tiegħu u li ġenwinament japprezza l-ħajja tagħhom taʼ integrità. (Rivelazzjoni 2:1–3:22) Żomm f’moħħok li dawk li lilhom indirizza Ġesù kienu Kristjani midlukin bit-tama li jaħkmu maġenbu fis-sema. Bħal Sidhom, huma kienu qed jiġu preparati għall-irwol importanti tagħhom sabiex ikunu jistgħu jgħinu biex jamministraw bl-akbar mogħdrija l-benefiċċji tal-fidwa tas-sagrifiċċju taʼ Kristu lill-umanità li qiegħda fi stat ħażin.—Rivelazzjoni 5:9, 10; 22:1-5.
19, 20. Dawk li jifformaw il-“folla kbira” kif juru l-apprezzament tagħhom għal Ġeħova u għal Ibnu?
19 M’għandniex xi ngħidu, l-imħabba li għandu Ġesù għas-segwaċi midlukin tiegħu juriha wkoll lin-“nagħaġ oħrajn” leali tiegħu, li miljuni minnhom jifformaw il-“folla kbira [prospettiva] . . . minn kull ġens” li se ssalva mit-“tribulazzjoni l-kbira” li ġejja. (Ġwanni 10:16; Rivelazzjoni 7:9, 14) Dawn l-uħud qed jinġabru man-naħa taʼ Ġesù minħabba li japprezzaw is-sagrifiċċju tiegħu taʼ fidwa u t-tama tagħhom taʼ ħajja taʼ dejjem. Kif juruh l-apprezzament tagħhom? Huma jagħmlu dan billi jagħtu lil Alla “servizz sagru lejl u nhar.”—Rivelazzjoni 7:15-17.
20 Ir-rapport minn madwar id-dinja għas-sena taʼ servizz 2006, li jidher f’paġni 27 sa 30, jagħti evidenza ċara li dawn il-ministri leali tassew qed jagħtu “servizz sagru lejl u nhar” lil Ġeħova. Fil-fatt, matul dik is-sena biss, huma flimkien mal-fdal relattivament żgħir tal-Kristjani midlukin iddedikaw total taʼ 1,333,966,199 siegħa fil-ministeru pubbliku—li hu ekwivalenti għal iktar minn 150,000 sena!
Kompli Uri Apprezzament!
21, 22. (a) Rigward it-turija t’apprezzament, il-Kristjani għala għandhom joqogħdu attenti b’mod speċjali llum? (b) X’se jiġi kunsidrat fl-artiklu li jmiss?
21 Meta jittrattaw mal-bnedmin imperfetti, Ġeħova u Ibnu juru apprezzament profond li tassew jispikka. Madankollu, b’dispjaċir il-maġġuranza mill-umanità ftit jaħsbu f’Alla u minflok, jiffokaw fuq dak li jikkonċernahom. Filwaqt li ddeskriva lin-nies li kienu se jkunu ħajjin “fl-aħħar jiem,” Pawlu kiteb: “Il-bnedmin jingħataw għall-imħabba tagħhom infushom u tal-flus . . . [“assolutament,” Phillips] bla gratitudni.” (2 Timotju 3:1-5, Għaqda Biblika Maltija) Dawn l-uħud kemm huma f’kuntrast mal-Kristjani veri, li permezz taʼ talb u ubbidjenza mill-qalb kif ukoll b’servizz b’ruħhom kollha juru apprezzament għal dak kollu li Alla għamel magħhom!—Salm 62:9 (62:8, NW); Marku 12:30; 1 Ġwanni 5:3.
22 Fl-artiklu li jmiss, se nikkunsidraw xi wħud mill-ħafna provvedimenti spiritwali li Ġeħova tana bi mħabba. Hekk kif nirriflettu dwar dawn l-‘għotjiet tajbin,’ jalla l-apprezzament tagħna jikber saħansitra iktar.—Ġakbu 1:17.
Int Kif Twieġeb?
• Ġeħova kif wera li hu Alla li japprezza?
• Kif nistgħu nferrħu qalb Ġeħova meta nkunu waħedna?
• Ġesù b’liema modi wera l-apprezzament?
• Il-fatt li Ġesù għex bħala bniedem kif għenu jkun ħakkiem li juri mogħdrija u apprezzament?
[Stampa f’paġna 17]
L-istess bħalma omm titgħaxxaq minħabba xi azzjoni sempliċi taʼ wliedha, Ġeħova japprezza meta nagħtuh l-aħjar tagħna