Ħa Tinbena l-Kongregazzjoni
“Il-kongregazzjoni . . . daħlet f’perijodu taʼ paċi; u baqgħet tiżdied.”—ATTI 9:31.
1. Liema mistoqsijiet jistgħu jqumu dwar “il-kongregazzjoni t’Alla”?
FIL-JUM taʼ Pentekoste tas-sena 33 E.K., Ġeħova rrikonoxxa grupp taʼ dixxipli taʼ Kristu bħala ġens ġdid, “l-Iżrael t’Alla.” (Galatin 6:16) Dawn il-Kristjani midlukin bl-ispirtu saru wkoll dik li l-Bibbja ssejħilha “l-kongregazzjoni t’Alla.” (1 Korintin 11:22) Iżda, dan x’kien jinvolvi? “Il-kongregazzjoni t’Alla” kif kellha tkun organizzata? Kif kellha tiffunzjona fuq l-art, jgħixu fejn jgħixu l-membri tagħha? U l-ħajjiet u l-hena tagħna kif jiġu effettwati?
2, 3. Ġesù kif indika li l-kongregazzjoni kien se jkollha struttura?
2 Kif issemma fl-artiklu taʼ qabel, Ġesù bassar l-eżistenza taʼ din il-kongregazzjoni taʼ segwaċi midlukin billi qal lill-appostlu Pietru: “Fuq din il-blata [Ġesù Kristu] nibni l-kongregazzjoni tiegħi, u l-bibien taʼ Ħades ma jegħlbuhiex.” (Mattew 16:18) Iktar minn hekk, waqt li Ġesù kien għadu maʼ l-appostli, hu ta istruzzjonijiet dwar il-funzjoni u l-arranġament tal-kongregazzjoni li dalwaqt kienet se tiġi stabbilita.
3 Ġesù għallem bil-kliem u bl-għemejjel li xi wħud fil-kongregazzjoni kellhom jieħdu t-tmexxija. Kellhom jagħmlu dan billi jaqdu lil oħrajn fil-grupp tagħhom. Kristu qal: “Intom tafu li dawk li jidhru li qed jaħkmu lill-ġnus jiddominawhom u l-kbarat tagħhom għandhom awtorità fuqhom. Dan m’għandux ikun fostkom; imma kulmin irid isir kbir fostkom irid ikun il-qaddej tagħkom, u kulmin irid ikun l-ewwel fostkom irid ikun l-ilsir taʼ kulħadd.” (Marku 10:42-44) B’mod ċar, “il-kongregazzjoni t’Alla” ma kellhiex tkun magħmula minn individwi iżolati u mferrxin, bħallikieku xi kongregazzjoni bla organizzazzjoni taʼ xejn. Għall-kuntrarju, kellu jkun hemm struttura, b’individwi fil-kongregazzjoni li jaħdmu u jikkomunikaw flimkien.
4, 5. Kif nafu li l-kongregazzjoni kellha bżonn taʼ l-istruzzjoni spiritwali?
4 Il-Wieħed li kellu jkun il-Kap taʼ din “il-kongregazzjoni t’Alla” indika li l-appostli tiegħu u oħrajn li kienu tgħallmu minnu kellu jkollhom responsabbiltajiet speċifiċi lejn il-kongregazzjoni. X’kellhom jagħmlu? Inkarigu importanti kellu jkun dak li jingħata tagħlim spiritwali lil dawk fil-kongregazzjoni. Ftakar li Ġesù rxoxtat, fil-preżenza taʼ xi wħud mill-appostli l-oħrajn, qal lil Pietru: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int?” Pietru wieġeb: “Iva, Mulej, taf li għandi affezzjoni lejk.” Ġesù qallu: “Itmaʼ l-ħrief tiegħi. . . . Irgħa n-nagħaġ ċkejknin tiegħi. . . . Itmaʼ n-nagħaġ ċkejknin tiegħi.” (Ġwanni 21:15-17) X’inkarigu kien dan!
5 Minn kliem Ġesù nistgħu naraw li dawk li jinġabru fil-kongregazzjoni huma mxebbhin maʼ nagħaġ f’merħla. Dawn in-nagħaġ—irġiel, nisa, u tfal Kristjani—ikollhom bżonn jiġu mitmugħin spiritwalment u mħarsin sew. Barra minn hekk, minħabba li Ġesù inkariga lis-segwaċi kollha tiegħu biex jgħallmu lil oħrajn u jagħmlu dixxipli, dawk l-uħud ġodda li jsiru n-nagħaġ tiegħu kien se jkollhom bżonn jiġu mħarrġin kif iwettqu dan l-inkarigu divin.—Mattew 28:19, 20.
6. Liema arranġamenti saru fil-“kongregazzjoni t’Alla” li kienet għadha kemm ġiet ifformata?
6 Ladarba “l-kongregazzjoni t’Alla” kienet ġiet ifformata, il-membri tagħha kienu jinġabru regolarment biex jitgħallmu u jinkuraġġixxu lil xulxin: “Baqgħu jingħataw għat-tagħlim taʼ l-appostli u għall-qsim taʼ kollox bejniethom, għall-qsim taʼ l-ikel u għat-talb.” (Atti 2:42, 46, 47) Dettall ieħor taʼ min jinnotah fir-rakkont storiku huwa dak li xi rġiel kwalifikati kienu inkarigati biex jgħinu f’li jieħdu ħsieb ċerti affarijiet prattiċi. Huma ma kinux magħżulin minħabba li kellhom ħafna skola jew għas-snajjaʼ tekniċi tagħhom. Dawn kienu rġiel “mimlijin bl-ispirtu u l-għerf.” Wieħed minnhom kien Stiefnu, u r-rakkont jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li hu kien “raġel mimli bil-fidi u bl-ispirtu qaddis.” Riżultat wieħed taʼ l-arranġament tal-kongregazzjoni kien dak li “l-kelma t’Alla kompliet tikber, u l-għadd tad-dixxipli baqaʼ jiżdied ħafna f’Ġerusalemm.”—Atti 6:1-7.
Irġiel Użati minn Alla
7, 8. (a) L-appostli u l-anzjani f’Ġerusalemm xi rwol kellhom fost il-Kristjani tal-bidu? (b) X’kien ir-riżultat meta ġiet provduta l-istruzzjoni permezz tal-kongregazzjonijiet?
7 Naturalment, l-appostli ħadu t-tmexxija fl-arranġament tal-kongregazzjoni tal-bidu, iżda huma ma kinux waħedhom. Darba minnhom, Pawlu u l-imseħbin tiegħu marru lura lejn Antjokja tas-Sirja. Atti 14:27 jirrakkonta: “Meta waslu u laqqgħu ’l-kongregazzjoni, bdew jirrakkontaw kemm Alla kien għamel affarijiet permezz tagħhom.” Waqt li kienu għadhom maʼ dik il-kongregazzjoni lokali, qamet mistoqsija dwar jekk il-Ġentili li kienu jemmnu kellhomx bżonn jiġu ċirkonċiżi. Biex isolvu l-kwistjoni, Pawlu u Barnaba ntbagħtu “għand l-appostli u l-anzjani f’Ġerusalemm,” li b’mod ċar qdew bħala ġemgħa li tiggverna.—Atti 15:1-3.
8 L-anzjan Kristjan Ġakbu, ħu Ġesù mill-omm iżda mhux appostlu, kien jippresiedi meta “l-appostli u l-anzjani ltaqgħu flimkien biex jaraw dwar din il-kwistjoni.” (Atti 15:6) Wara diskussjoni u konsiderazzjoni bir-reqqa u bl-għajnuna taʼ l-ispirtu qaddis, huma laħqu konklużjoni fi qbil maʼ l-Iskrittura. Huma bagħtu dan bil-miktub lill-kongregazzjonijiet lokali. (Atti 15:22-32) Dawk li rċivew din l-informazzjoni aċċettawha u applikawha. B’liema riżultat? L-aħwa rġiel u nisa ġew imsaħħin u inkuraġġiti. Il-Bibbja tgħid: “Għalhekk, tabilħaqq, il-kongregazzjonijiet komplew jissodaw fil-fidi u jiżdiedu fl-għadd minn jum għall-ieħor.”—Atti 16:5.
9. Il-Bibbja tenfasizza liema rwoli għal irġiel Kristjani kwalifikati?
9 Iżda l-kongregazzjonijiet lokali kif kellhom jaħdmu minn ġurnata għall-oħra? Bħala eżempju, ejja nikkunsidraw il-kongregazzjonijiet fuq il-gżira taʼ Kreta. Għalkemm ħafna nies li kienu jgħixu hemmhekk kellhom reputazzjoni ħażina, xi wħud inbidlu u saru Kristjani veri. (Titu 1:10-12; 2:2, 3) Huma għexu f’diversi bliet, u kollha kienu distanza twila ’l bogħod mill-ġemgħa li tiggverna f’Ġerusalemm. Madankollu, din ma kinitx problema kbira, għaliex ġew maħturin “anzjani” spiritwali f’kull waħda mill-kongregazzjonijiet lokali fi Kreta, bħal fi kwalunkwe post ieħor. Irġiel bħal dawn laħqu l-kwalifiki li nsibu mniżżlin fil-Bibbja. Huma ġew maħturin bħala anzjani, jew indokraturi, li setgħu ‘jħeġġu bit-tagħlim mimli saħħa u jwiddbu lil dawk li jikkontradixxu.’ (Titu 1:5-9; 1 Timotju 3:1-7) Irġiel spiritwali oħrajn kienu kwalifikati biex jgħinu lill-kongregazzjonijiet bħala qaddejja ministerjali, jew djakni.—1 Timotju 3:8-10, 12, 13.
10. Skond Mattew 18:15-17, kemm kienu serji l-problemi li riedu jiġu solvuti?
10 Ġesù indika li kellha teżisti struttura bħal din. Ftakar fir-rakkont f’Mattew 18:15-17, fejn hu semma li kultant setgħu jqumu diffikultajiet bejn żewġ individwi mill-poplu t’Alla, billi wieħed jidneb b’xi mod kontra l-ieħor. L-individwu mweġġaʼ kellu jiffaċċja lill-individwu l-ieħor u ‘jwiddbu’ privatament, bejniethom it-tnejn biss. Jekk dan il-pass ma kellux isolvi l-kwistjoni, wieħed jew tnejn oħrajn li kienu jafu l-fatti setgħu jiġu msejħin għall-għajnuna. X’kien jiġri kieku l-kwistjoni tkun għadha ma ssolvietx? Ġesù qal: “Jekk ma jismax minnhom, kellem lill-kongregazzjoni. Jekk lanqas mill-kongregazzjoni ma jismaʼ, ħa jkun għalik bħal raġel mill-ġnus u bħal kollettur tat-taxxi.” Meta Ġesù qal hekk, il-Lhud kienu għadhom jifformaw “il-kongregazzjoni t’Alla,” u għalhekk kliemu għall-ewwel kien japplika għalihom.a Madankollu, ladarba ġiet stabbilita l-kongregazzjoni Kristjana, id-direzzjoni taʼ Ġesù kienet tapplika għaliha. Din hija indikazzjoni oħra li l-poplu t’Alla kien ikollu struttura taʼ kongregazzjoni għat-tisħiħ u l-gwida taʼ kull individwu Kristjan.
11. L-anzjani kif kellhom ikunu involuti f’li jsolvu l-problemi?
11 Bix-xieraq, l-anzjani, jew l-indokraturi, kellhom jirrappreżentaw lill-kongregazzjoni lokali f’li jittrattaw jew isolvu l-problemi jew f’li jittrattaw każi taʼ dnub. Dan hu fi qbil mal-kwalifiki taʼ l-anzjani li jissemmew f’Titu 1:9. Tabilħaqq, l-anzjani lokali kienu rġiel imperfetti, bħalma kien Titu, li Pawlu bagħtu fil-kongregazzjonijiet biex ‘jikkoreġi l-affarijiet difettużi.’ (Titu 1:4, 5) Illum, dawk li qed jiġu kunsidrati għal ħatra t’anzjani għandhom ikunu taw prova tal-fidi u d-devozzjoni tagħhom qabel jiġu maħturin. Għaldaqstant, oħrajn fil-kongregazzjoni jkollhom bażi biex ikollhom fiduċja fid-direzzjoni u t-tmexxija provduta permezz taʼ dan l-arranġament.
12. Liema responsabbiltà għandhom l-anzjani lejn il-kongregazzjoni?
12 Lill-anzjani fil-kongregazzjoni t’Efesu, Pawlu qalilhom: “Oqogħdu attenti għalikom infuskom u għall-merħla kollha li minnha l-ispirtu qaddis ħatarkom indokraturi biex tirgħu l-kongregazzjoni t’Alla, li xtara bid-demm taʼ Ibnu stess.” (Atti 20:28) Huwa veru bl-istess mod illum li l-indokraturi tal-kongregazzjonijiet jiġu maħturin ‘biex jirgħu l-kongregazzjoni t’Alla.’ Huma għandhom jagħmlu dan bl-imħabba, mhux billi jiddominaw fuq il-merħla. (1 Pietru 5:2, 3) L-indokraturi għandhom iħabirku biex jibnu u jgħinu “l-merħla kollha.”
Nibqgħu Qrib mal-Kongregazzjoni
13. Kultant, x’jistaʼ jiġri f’kongregazzjoni, u għala?
13 L-anzjani u l-oħrajn kollha fil-kongregazzjoni huma imperfetti, u għalhekk minn żmien għal żmien jistaʼ jqum xi nuqqas taʼ ftehim jew xi problemi, bħalma ġara fl-ewwel seklu meta kien għad fadal xi wħud mill-appostli. (Filippin 4:2, 3) Indokratur jew xi ħadd ieħor għandu mnejn jgħid xi ħaġa li tidher offensiva, bla rispett, jew mhix vera. Jew nistgħu naħsbu li qed tiġri xi ħaġa mhix Skritturali, iżda donnu li għalkemm l-anzjani lokali huma konxji tagħha, huma mhux qed jikkoreġu l-kwistjoni. M’għandniex xi ngħidu, jistaʼ jkun li l-kwistjoni ġiet jew qed tiġi trattata fi qbil maʼ l-Iskrittura u fuq fatti li ma nkunux nafu dwarhom. Iżda anki jekk is-sitwazzjoni hija dik li naħsbu li hi, ikkunsidra dan: Għal ftit żmien, kien hemm xi aġir ħażin serju fil-kongregazzjoni taʼ Korintu, kongregazzjoni li Ġeħova kien konċernat dwarha. Maż-żmien, hu ttratta dan l-aġir b’mod korrett u b’mod sod. (1 Korintin 5:1, 5, 9-11) Għandna mnejn nistaqsu lilna nfusna, ‘Kieku għext f’Korintu lura f’dak iż-żmien, kif kont nirreaġixxi sadanittant?’
14, 15. Xi wħud għala waqfu jimxu wara Ġesù, u dan jipprovdi liema tagħlima għalina?
14 Ikkunsidra possibbiltà oħra li tinvolvi lill-kongregazzjoni. Immaġina li individwu jsibha diffiċli biex jifhem xi tagħlim Skritturali u jaċċettah. Hu għandu mnejn ikun għamel xi riċerka fil-Bibbja u fil-pubblikazzjonijiet disponibbli permezz tal-kongregazzjoni u fittex l-għajnuna minn sħabu Kristjani maturi, anki l-anzjani. Madankollu, hu għadu jsibha diffiċli li jifhem jew jaċċetta l-punt. X’jistaʼ jagħmel? Xi ħaġa simili seħħet xi sena qabel il-mewt taʼ Ġesù. Hu qal li hu kien “il-ħobż tal-ħajja” u li biex tgħix għal dejjem persuna kellha ‘tiekol il-laħam taʼ Bin il-bniedem u tixrob demmu.’ Dan ixxokkja lil xi wħud mid-dixxipli tiegħu. Minflok ma fittxew spjegazzjoni jew sempliċement stennew bil-fidi, ħafna dixxipli “ma baqgħux mexjin [wara Ġesù].” (Ġwanni 6:35, 41-66) Għal darb’oħra, kieku konna hemmhekk, x’konna nagħmlu?
15 Fi żmienna, xi wħud waqfu jassoċjaw mal-kongregazzjoni lokali minħabba li jħossu li jistgħu jaqdu lil Alla waħedhom. Huma għandhom mnejn jgħidu li dan ġara minħabba li s-sentimenti tagħhom ġew imweġġgħin, jaħsbu li xi ħażen mhux qed jiġi koreġut, jew ma jaċċettawx xi tagħlim. Kemm hi raġunevoli t-triq li qabdu? Għalkemm hu veru li kull Kristjan għandu jkollu relazzjoni persunali m’Alla, ma nistgħux niċħdu l-fatt li hu qed juża l-kongregazzjoni taʼ madwar id-dinja, bħalma għamel fi żmien l-appostli. Iktar minn hekk, Ġeħova uża u bierek il-kongregazzjonijiet lokali fl-ewwel seklu, u rranġa għal anzjani kwalifikati u qaddejja ministerjali biex jibbenefikaw il-kongregazzjonijiet minnhom. Dan hu minnu llum ukoll.
16. Jekk wieħed jitħajjar biex iħalli l-kongregazzjoni, dwar xiex għandu jaħseb?
16 Jekk Kristjan iħoss li jistaʼ jiddependi biss mir-relazzjoni tiegħu stess m’Alla, hu qed jagħti dahru lill-arranġament t’Alla—kemm dak tal-kongregazzjoni madwar id-dinja kif ukoll tal-kongregazzjonijiet lokali tal-poplu t’Alla. L-individwu għandu mnejn jitlaq għal rasu jew jissieħeb maʼ xi ftit oħrajn, iżda fejn hu l-arranġament għall-anzjani tal-kongregazzjoni u l-provvediment tal-qaddejja ministerjali? B’mod sinifikanti, meta Pawlu kiteb lill-kongregazzjoni taʼ Kolossi u qal li l-ittra għandha tinqara wkoll fil-Laodiċija, hu tkellem dwar li ‘jagħmlu l-għeruq u jinbnew [fi Kristu].’ Dawk fil-kongregazzjonijiet, u mhux l-individwi li nfirdu minnhom, kellhom jibbenefikaw minn dan.—Kolossin 2:6, 7; 4:16.
Pilastru u Appoġġ tal-Verità
17. L-iskrittura taʼ l-1 Timotju 3:15 x’turi dwar il-kongregazzjoni?
17 Fl-ewwel ittra tiegħu lill-anzjan Kristjan Timotju, l-appostlu Pawlu enfasizza l-kwalifiki taʼ l-anzjani u l-qaddejja ministerjali fil-kongregazzjonijiet lokali. Eżatt wara dan, Pawlu semma “l-kongregazzjoni taʼ l-Alla l-ħaj,” billi qal li din hija “pilastru u appoġġ tal-verità.” (1 Timotju 3:15) Il-kongregazzjoni kollha kemm hi taʼ Kristjani midlukin ċertament li tat prova li kienet pilastru bħal dan fl-ewwel seklu. U ċertament li l-arranġament prinċipali għal Kristjani individwali biex jirċievu verità bħal din kienet b’rabta mal-kongregazzjoni lokali. Huwa hawnhekk li setgħu jisimgħu l-verità tiġi mgħallma u appoġġata, fejn setgħu jiġu msaħħin.
18. Il-laqgħat tal-kongregazzjoni għala huma vitali?
18 B’mod simili, il-kongregazzjoni Kristjana madwar id-dinja hija l-għamara t’Alla, “pilastru u appoġġ tal-verità.” L-attendenza regulari tagħna u l-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-kongregazzjoni lokali tagħna hija importanti ħafna għalina biex nissaħħu fir-relazzjoni tagħna m’Alla, u biex niġu mħejjijin nagħmlu r-rieda tiegħu. Meta kiteb lill-kongregazzjoni f’Korintu, Pawlu ffoka fuq dak li jintqal f’laqgħat bħal dawn. Hu kiteb li hu xtaq li dak li jintqal fil-laqgħat tagħhom irid ikun ċar u b’mod li jinftiehem sabiex dawk li jattendu jkunu jistgħu ‘jinbnew.’ (1 Korintin 14:12, 17-19) Aħna llum nistgħu ninbnew jekk nirrikonoxxu li Alla Ġeħova huwa dak li awtorizza l-arranġament għall-kongregazzjonijiet lokali u qed jappoġġah.
19. Għala tħossok midjun mal-kongregazzjoni tiegħek?
19 Iva, jekk nixtiequ ninbnew bħala Kristjani, postna hu fil-kongregazzjoni. Għal ħafna żmien tat prova li kienet bħal fortizza kontra tagħlim falz, u Alla qed jużaha biex l-aħbar tajba tas-Saltna Messjanika tiegħu tiġi dikjarata madwar il-globu. Bla dubju, Alla wettaq ħafna affarijiet permezz tal-kongregazzjoni Kristjana.—Efesin 3:9, 10.
[Nota taʼ taħt]
a Albert Barnes, studjuż tal-Bibbja, irrikonoxxa li d-direzzjoni taʼ Ġesù biex wieħed ‘ikellem lill-kongregazzjoni’ setgħet fissret “dawk li għandhom l-awtorità biex jinvestigaw każi bħal dawn—ir-rappreżentanti tal-knisja, jew dawk li jaġixxu għalihom. Fis-sinagoga Lhudija kien hemm grupp t’anzjani, li quddiemhom kienu jitressqu każi bħal dawn.”
Tistaʼ Tiftakar?
• Għala għandna nistennew li Alla qed juża l-kongregazzjonijiet fuq l-art?
• L-anzjani, għalkemm imperfetti, x’jagħmlu għall-kongregazzjoni?
• Int kif qed tissaħħaħ permezz tal-kongregazzjoni lokali?
[Stampa f’paġna 26]
L-appostli u l-anzjani f’Ġerusalemm qdew bħala ġemgħa li tiggverna
[Stampa f’paġna 28]
L-anzjani u l-qaddejja ministerjali jirċievu istruzzjoni sabiex ikunu jistgħu jwettqu r-responsabbiltajiet lejn il-kongregazzjoni