LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 4/15 pp. 12-15
  • Segwi l-Passi taʼ Pawlu Lejn il-Berea

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Segwi l-Passi taʼ Pawlu Lejn il-Berea
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Istorja tal-​Bidu
  • Jiffjorixxu taħt ir-​Rumani
  • L-​Aħbar Tajba Tilħaq il-​Berea
  • Hu “Rraġuna Magħhom mill-Iskrittura”
    Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
  • Pawlu u Timotju
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
  • Il-Kelma taʼ Jehovah Tegħleb!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Timotju—Għajnuna Ġdida Għal Pawlu
    Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 4/15 pp. 12-15

Segwi l-​Passi taʼ Pawlu Lejn il-​Berea

Ix-​xogħol taż-​żewġ missjunarji kien verament taʼ suċċess, u ħafna wħud saru jemmnu. Imbagħad qamet folla kontrihom. Allura ttieħdet deċiżjoni. Għall-​ġid tal-​kongregazzjoni li kienet għadha kif ġiet ifformata u għas-​sigurtà tal-​missjunarji nfushom, it-​tnejn li huma kellhom jitilqu minnufih, f’nofs taʼ lejl. Għalhekk, Pawlu u Sila ħarbu mill-​port Maċedonjan taʼ Tessalonika madwar is-​sena 50 E.K. Huma vvjaġġaw lejn id-​destinazzjoni li kien imiss fejn kellhom imorru jippridkaw—il-​Berea.

MILL-​BOGĦOD, min iżur il-​Berea llum, bħal min kien jivvjaġġa fil-​qedem, jistaʼ jara li din tinsab fil-​parti t’isfel fil-​lvant tal-​Muntanja Bermios li hi kollha ħdura. Il-​Berea (Véroia) tinsab madwar 65 kilometru fil-​lbiċ taʼ Tessalonika u xi 40 kilometru ’l ġewwa mill-​Baħar Eġew. Il-​Muntanja Olimpu, il-​post mitiku fejn kienu jgħixu l-​allat prinċipali tal-​panteon Ellenistiku antik, tinsab lejn in-​nofsinhar.

Il-Berea hija taʼ interess għall-​istudenti tal-​Bibbja bħala post fejn Pawlu ppriedka u kkonverta lil ħafna wħud għall-​Kristjanità. (Atti 17:​10-15) Ejja nsegwu l-​passi taʼ Pawlu u neżaminaw il-​passat tal-​belt.

L-​Istorja tal-​Bidu

Ħadd m’hu ċert dwar mnejn bdiet il-​Berea. L-​ewwel abitanti tagħha, probabbilment tribujiet tal-​Friġja, tkeċċew mill-​Maċedonjani f’madwar is-​sebaʼ seklu Q.E.K. Tliet sekli wara, il-​Maċedonja saret iktar għanja, minħabba l-​konkwisti t’Alessandru l-​Kbir. Inbnew binjiet u ħitan impressjonanti, bħalma kienu s-​santwarji taʼ Żews, Artemi, Apollo, Atena, u allat Griegi oħrajn.

Ktieb wieħed taʼ l-​istorja jinnota li tul is-​sekli, il-​Berea “kellha rwol importanti kemm fil-​viċinanzi tagħha u kemm fil-​bqija tat-​tramuntana tal-​Greċja.” Il-​belt laħqet ċerta prominenza matul ir-​renju taʼ l-​aħħar dinastija Maċedonjana, l-​Antigonidi (306-168 Q.E.K.), li eventwalment ġew megħlubin minn Ruma.

Meta r-​Rumani għelbu lir-​Re Filippu V fis-​sena 197 Q.E.K., “din il-​potenza taʼ qabel ġiet megħluba u Ruma saret il-​potenza deċiżiva fil-​lvant tal-​Mediterran,” tosserva l-​Encyclopædia Britannica. Fis-​sena 168 Q.E.K., f’Pidna, xi ftit kilometri lejn in-​nofsinhar tal-​Berea, ġeneral Ruman kellu rebħa deċiżiva fuq l-​aħħar ħakkiem Maċedonjan, Persew. Bħalma ġie mbassar fil-​profezija tal-​Bibbja, il-​ħakma dinjija Griega ġiet megħluba minn Ruma. (Danjel 7:​6, 7, 23) Wara l-​battalja, il-​Berea kienet waħda mill-​ewwel bliet Maċedonjani li ċediet għal Ruma.

Fl-ewwel seklu Q.E.K., il-​Maċedonja saret il-​post tal-​battalja matul il-​konflitt bejn Pompej u Ġulju Ċesari. Fil-​fatt, Pompej poġġa l-​kwartieri ġenerali u l-​armata tiegħu qrib il-​Berea.

Jiffjorixxu taħt ir-​Rumani

Matul il-​Pax Romana, jew il-​Paċi Rumana, min kien iżur il-​Berea kien isib toroq iċċangjati bil-​ġebel b’fillieri taʼ kolonni mal-​ġnub. Il-​belt kellha banjijiet pubbliċi, teatri, libreriji, u faċilitajiet għall-​kuntesti tal-​gladjaturi. Kien hemm kanen li jipprovdu l-​ilma għax-​xorb, u l-​belt kellha sistema tad-​dranaġġ li tgħaddi minn taħt l-​art. Il-​Berea saret famuża bħala ċentru kummerċjali li kienu jżuruh in-​negozjanti, l-​artisti, u l-​atleti, fejn l-​ispettaturi kienu jattendu għal avvenimenti atletiċi u oħrajn. Il-​barranin kienu jsibu postijiet taʼ qima fejn setgħu jieħdu sehem f’ritwali tar-​reliġjon tagħhom stess. Tabilħaqq, f’din il-​belt kienu jiltaqgħu r-​reliġjonijiet tad-​dinja Rumana kollha u jitħalltu flimkien.

Xi imperaturi Rumani li ntgħamlu allat wara mewthom kienu fost l-​allat li ngħataw qima fil-​Berea. Jistaʼ jkun li din ma kinitx xi ħaġa stramba għall-​Bereani minħabba li qabel il-​qima taʼ l-​imperaturi huma kienu jqimu lil Alessandru l-​Kbir, li kien meqjum bħala alla. Sors Grieg wieħed jgħid: “Minħabba li kienu mdorrijin jagħtu unur divin lis-​sultan matul ħajtu, l-​Ellenistiċi [il-Griegi] taʼ l-​Imperu tal-​lvant kienu kuntenti jaċċettaw li jonoraw bil-​qima lill-​imperaturi Rumani wkoll . . . Fuq il-​muniti tagħhom l-​imperatur kien jidher bħala alla, liebes kuruna tiddi. Kienu jgħidulu l-​istess talb li kienu jitolbu lill-​allat, b’innijiet u għanjiet.” Kienu jibnu artali u tempji, u joffrulu sagrifiċċji. Anki l-​imperaturi kienu jattendu festi imperjali reliġjużi, li kienu jinkludu kuntesti atletiċi, artistiċi, u letterarji.

Il-Berea għala kienet ċentru taʼ qima pagana? Għaliex din kienet il-​qalba tal-​Kojnon tal-​Maċedonja. Din kienet ġemgħa taʼ delegati mill-​bliet Maċedonjani. Dawn id-​delegati spiss kienu jiltaqgħu fil-​Berea biex jiddiskutu kwistjonijiet dwar il-​belt u l-​provinċja u biex jieħdu ħsiebhom taħt il-​ħarsien tar-​Rumani. Waħda mill-​funzjonijiet prinċipali tal-​Kojnon kienet li jieħdu ħsieb l-​osservanzi tal-​qima imperjali.

Allura dan kien l-​ambjent tal-​belt li fiha Pawlu u Sila marru wara li ħarbu minn Tessalonika. Sa dak iż-​żmien, il-​Berea kienet ilha żewġ sekli maħkuma mir-​Rumani.

L-​Aħbar Tajba Tilħaq il-​Berea

Pawlu beda l-​ippridkar tiegħu fil-​Berea fis-​sinagoga tal-​belt. Kif ġie milqugħ? Ir-​rakkont ispirat jirrapporta li l-​Lhud taʼ dan il-​post “kellhom moħħ nobbli iktar minn dawk f’Tessalonika, għax laqgħu l-​kelma bl-​akbar ħeġġa u kienu jeżaminaw bir-​reqqa l-​Iskrittura kuljum biex jaraw jekk dak li semgħu kienx minnu.” (Atti 17:​10, 11) Minħabba li kellhom “moħħ nobbli,” huma ma webbsux rashom biex iżommu mat-​tradizzjonijiet tagħhom. Għalkemm dak li kienu qed jisimgħu kien ġdid għal widnejhom, huma ma kinux suspettużi jew irritati. Minflok ma ċaħdu l-​messaġġ taʼ Pawlu, huma qagħdu attenti, u semgħu b’moħħ miftuħ mingħajr ma kienu parzjali.

Kif setgħu dawn il-​Lhud jagħrfu li dak li għallem Pawlu kien il-​verità? Huma eżaminaw dak li semgħu billi użaw l-​iktar kriterju taʼ min joqgħod fuqu. Huma fittxew fl-​Iskrittura bir-​reqqa u b’mod ħabrieki. Matthew Henry, studjuż tal-​Bibbja, ikkonkluda: “Ladarba Pawlu rraġuna mill-​iskrittura, u rrefera għat-​Testment il-​Qadim biex jagħtihom prova dwar dak li qal, huma daru lejn il-​Bibbji tagħhom, fittxew fil-​postijiet li rrefera għalihom Pawlu, qraw u kkunsidraw il-​kuntest u t-​tifsir, qabbluh maʼ bnadi oħrajn fl-​iskrittura, iċċekkjaw jekk il-​konklużjonijiet li wasal għalihom Pawlu kinux naturali u ġenwini u jekk l-​argumenti tiegħu dwarhom kinux konvinċenti, u ddeċidew skond dak li sabu.”

Din ma kinitx xi daqqa t’għajn fuq fuq. Il-​Bereani qattgħu l-​ħin jistudjaw b’mod diliġenti u kontinwu, billi warrbu l-​ħin biex jagħmlu dan kuljum, mhux biss fis-​Sabat.

U aħseb dwar ir-​riżultat. Ħafna Lhud fil-​Berea aċċettaw il-​messaġġ u saru jemmnu. Għadd taʼ Griegi, forsi anki dawk li kienu proseliti Lhud, emmnu wkoll. Imma dan ġie nnotat. Meta l-​Lhud taʼ Tessalonika semgħu dwar dan, huma niżlu malajr il-​Berea “biex ixewxu u jħawdu lill-​folol.”—Atti 17:​4, 12, 13.

Pawlu ġie sforzat jitlaq mill-​Berea, imma hu kompla jippriedka xi mkien ieħor. Din id-​darba hu telaq lejn Ateni bil-​baħar. (Atti 17:​14, 15) Minkejja dan, hu setaʼ jifraħ li minħabba x-​xogħol tiegħu fil-​Berea, il-​Kristjanità rabbiet l-​għeruq f’dan il-​post. U anki llum qed tagħti l-​frott.

Iva, għad hemm nies fil-​Berea (Véroia) li jeżaminaw l-​Iskrittura bir-​reqqa biex ‘jaċċertaw ruħhom minn kollox’ u ‘jżommu sod’ maʼ dak li għandu bażi soda u li hu veru. (1 Tessalonikin 5:21) Żewġ kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova li qed jiffjorixxu f’din il-​belt jieħdu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar, bħalma għamel Pawlu, billi jaqsmu l-​messaġġ tal-​Bibbja m’oħrajn. Huma jfittxu lil dawk taʼ qalb onesta u jirraġunaw magħhom mill-​Iskrittura, waqt li jħallu l-​qawwa li għandha l-​Bibbja biex tqanqal lil oħrajn tgħin lil dawk kollha li jridu jsiru jafu lil Ġeħova, l-​Alla l-​veru.—Ebrej 4:12.

[Mappa f’paġna 13]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)

Parti mit-​tieni vjaġġ missjunarju taʼ Pawlu

MISJA

Troas

Neapoli

Filippi

MAĊEDONJA

Amfipoli

Tessalonika

Berea

GREĊJA

Ateni

Korintu

AKAJA

ASJA

Efesu

RODI

[Stampa f’paġna 13]

Munita tal-​fidda b’Alessandru l-​Kbir impinġi bħala alla Grieg

[Sors]

Munita: Pictorial Archive (Near Eastern History) Est.

[Stampa f’paġna 14]

Wieħed mill-​bibien li jagħti għall-​kwartieri tal-​Lhud fil-​Berea (Véroia)

[Stampa f’paġna 15]

Sinagoga tal-​qedem fil-​Berea (Véroia) taʼ llum

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja