Għala t-Tbatija Kollha Se Tintemm Dalwaqt
‘Hu l-Blata; perfett għemilu.’—DEWTERONOMJU 32:4.
1, 2. (a) Għala tgħożż it-tama li tgħix għal dejjem? (b) Xi jġiegħel lin-nies joqogħdu lura milli jemmnu fl-Alla li jagħmel wegħdi mill-aqwa għall-futur?
TIEĦU pjaċir int timmaġina l-ħajja fil-Ġenna taʼ l-art? Forsi tara lilek innifsek tesplora din il-pjaneta meraviljuża u titgħallem dwar il-varjetà li donnha ma tispiċċa qatt t’affarijiet ħajjin. Jew forsi timmedita fuq is-sodisfazzjon li tħoss hekk kif taħdem m’oħrajn biex tieħu ħsieb l-art u tgħin f’li tbiddilha u ssir ġnien globali. Jew għandek mnejn taħseb dwar xi talenti li tixtieq tiżviluppa fl-arti, fl-arkitettura, fil-mużika, jew f’xi ħaġa oħra li tixtieq tagħmel imma li ma ssibx ħin għaliha fid-dinja mgħaġġla taʼ llum. Hu x’inhu l-każ, int tgħożż it-tama li tgħix dik li l-Bibbja ssejħilha l-“ħajja vera”—il-ħajja kif Ġeħova kellu l-iskop li ngħixuha, bl-eternità quddiemna.—1 Timotju 6:19.
2 Huwa kemm pjaċir kif ukoll privileġġ kbir li naqsmu din it-tama bbażata fuq il-Bibbja m’oħrajn, hux hekk? Madankollu, ħafna jirrifjutaw tama bħal din. Huma jqisuha bħala illużjoni, ħolma mhix realistika għal dawk li jemmnu kollox. Saħansitra għandhom mnejn isibuha diffiċli jemmnu fl-Alla li jwegħedna ħajja taʼ dejjem f’Ġenna taʼ l-art. Għala? Għal xi wħud, l-ostaklu jinvolvi dik li ħafna drabi tissejjaħ il-problema tal-ħażen. Huma jħossu li jekk Alla jeżisti u hu jistaʼ kollox u huwa mħabba, il-ħażen u t-tbatija fid-dinja ma jistgħux jiġu spjegati. Huma jirraġunaw li ma jistax ikun li jeżisti Alla li jittollera l-ħażen—jew jekk jeżisti, allura jew mhux vera jistaʼ kollox jew ma jimpurtahx minna. Għal xi wħud, dan it-tip taʼ rraġunar jinstemaʼ konvinċenti. Satana żgur li ta prova li kien tas-sengħa f’li jagħmi l-imħuħ tan-nies.—2 Korintin 4:4.
3. Liema mistoqsija nistgħu ngħinu lin-nies iwieġbu, u aħna għala ninsabu f’pożizzjoni unika biex nagħmlu dan?
3 Bħala Xhieda taʼ Ġeħova, aħna qegħdin f’pożizzjoni unika biex ngħinu lin-nies li huma mqarrqin minn Satana u l-għerf taʼ din id-dinja. (1 Korintin 1:20; 3:19) Aħna nifhmu għala ħafna ma jemmnux fil-wegħdi tal-Bibbja. Huma sempliċement ma jafux lil Ġeħova. Forsi lanqas biss jafu x’jismu jew is-sinifikat taʼ ismu, u wisq probabbli ftit li xejn jafu dwar il-kwalitajiet tiegħu jew ir-reputazzjoni li għandu dwar li jżomm il-wegħdi tiegħu. Aħna mberkin li għandna dan l-għarfien. Minn żmien għal żmien, huwa tajjeb li naraw kif nistgħu ngħinu lin-nies li “qegħdin fi dlam mentali” biex isibu t-tweġibiet għal waħda mill-iktar mistoqsijiet diffiċli li l-bnedmin jistaqsu, “Alla għala jippermetti l-ħażen u t-tbatija?” (Efesin 4:18) L-ewwel se nikkunsidraw kif nistgħu nindirizzaw it-tweġiba b’mod effettiv. Imbagħad se niddiskutu kif il-kwalitajiet taʼ Ġeħova jidhru fil-mod kif hu ttratta l-ħażen.
Insibu l-Aħjar Metodu
4, 5. X’għandu mnejn li jkollna nagħmlu l-ewwel meta xi ħadd iqajjem mistoqsija dwar għala Alla jippermetti t-tbatija? Spjega.
4 Meta xi ħadd jistaqsi għala Alla jippermetti t-tbatija, kif għandna nwieġbu? Forsi għandna mnejn ikollna t-tendenza li nibdew nagħtu spjegazzjoni dettaljata billi nibdew minn dak li ġara fil-ġnien taʼ l-Għeden. F’xi każi dan ikun xieraq. Madankollu, hemm bżonn li noqogħdu attenti. Għandu mnejn li hemm bżonn inpoġġu pedament. (Proverbji 25:11; Kolossin 4:6) Ejja nikkunsidraw tliet punti li jistgħu jgħinuna nassistu individwu qabel ma nwiġbulu l-mistoqsija.
5 L-ewwel, jekk l-individwu huwa inkwetat b’mod partikulari minħabba l-ħażen li hawn fid-dinja, x’aktarx li l-ħażen laqat lilu personalment jew lil xi ħadd li jħobb. Mela, jistaʼ jkun għaqli li nibdew billi nuru empatija ġenwina. L-appostlu Pawlu ta dan il-parir lill-Kristjani: “Ibku maʼ min jibki.” (Rumani 12:15) Li nuru empatija, jew li ‘nħossu għal xulxin,’ jistaʼ jmiss qalb dak li jkun. (1 Pietru 3:8) Jekk hu jifhem li aħna jimpurtana minnu, hu wisq probabbli iktar se jismaʼ dak li għandna x’ngħidu.
6, 7. Għala jkun xieraq li nfaħħru lil individwu sinċier li jqajjem mistoqsijiet spiritwali li jinkwetawh?
6 It-tieni, għandna mnejn infaħħru individwu sinċier talli qajjem mistoqsija bħal din. Xi wħud jikkonkludu li minħabba li huma jissieltu maʼ mistoqsijiet bħal dawn, huma m’għandhomx fidi f’Alla jew għandhom nuqqas taʼ rispett lejh. Forsi għandu mnejn li kien xi qassis li qalilhom hekk. Madankollu, dan mhux bilfors huwa l-każ. Wara kollox, nies leali fi żminijiet Bibliċi staqsew mistoqsijiet simili. Per eżempju, is-salmista David staqsa: “Għaliex, Mulej, int hekk imbiegħed? Għaliex tinħeba waqt il-bżonn?” (Salm 10:1) B’mod simili, il-profeta Ħabakkuk staqsa: “Mulej, kemm se ndum nokrob għall-għajnuna u int ma tismax! Jew ngħajjat: ‘Vjolenza!’ u int ma ssalvax! Għaliex turini l-ħażen, u inti toqgħod tħares lejn il-ħtija? Quddiemi qerda u vjolenza, hemm it-tilwim, u l-ġlied dejjem jiżdied.”—Ħabakkuk 1:2, 3.
7 Dawn kienu rġiel leali li kellhom rispett kbir lejn Alla. Kienu huma mċanfrin talli qajmu mistoqsijiet bħal dawn li kienu jinkwetawhom? Għall-kuntrarju, Ġeħova ra li kien xieraq li l-mistoqsijiet sinċieri tagħhom jitniżżlu fil-Kelma tiegħu. Illum, individwu li huwa konċernat dwar il-ħażen li hawn jistaʼ fil-fatt ikun bil-ġuħ spiritwalment—jixxennaq li jsib tweġibiet li l-Bibbja biss tistaʼ tipprovdi. Ftakar, Ġesù tkellem tajjeb dwar dawk li huma bil-ġuħ spiritwalment, jew lil dawk li huma “konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom.” (Mattew 5:3) Xi privileġġ hu li wħud bħal dawn jistgħu jsibu l-ferħ li Ġesù wiegħed!
8. Liema tagħlim li jħawwad ġiegħel lin-nies jemmnu li Alla huwa responsabbli għat-tbatija, u kif nistgħu ngħinuhom?
8 It-tielet, għandu mnejn ikollna bżonn ngħinu lil xi ħadd jara li Alla m’huwiex responsabbli għall-ħażen li hu tant mifrux fid-dinja. Ħafna nies ġew mgħallmin li Alla qed jaħkem lid-dinja li qed ngħixu fiha, li Alla ilu li ddetermina dak kollu li se jiġrilna, u li hu għandu raġunijiet misterjużi li minħabba fihom iġib il-miżerja fuq il-bnedmin. Dan it-tagħlim huwa falz. Dan iġib diżunur lil Alla u jagħmlu jidher bħala li hu responsabbli għall-ħażen u t-tbatija tad-dinja. Għalhekk, għandna mnejn nużaw il-Kelma t’Alla biex nikkoreġu dawn l-ideat. (2 Timotju 3:16) Ġeħova m’huwiex il-ħakkiem taʼ din is-sistema korrotta; Satana x-Xitan huwa l-ħakkiem. (1 Ġwanni 5:19) Ġeħova ma jippredestinax lill-ħlejjaq intelliġenti tiegħu; hu jagħti lil kull wieħed il-libertà u l-opportunità li jagħżel bejn it-tajjeb u l-ħażin. (Dewteronomju 30:19) U Ġeħova qatt m’huwa s-sors tal-ħażen; hu jobgħod il-ħażen u jimpurtah minn dawk li jbatu b’mod inġust.—Ġob 34:10; Proverbji 6:16-19; 1 Pietru 5:7.
9. Liema huma xi għodod li “l-ilsir leali u għaqli” pprovda sabiex jgħin lin-nies jifhmu għala Alla Ġeħova jippermetti t-tbatija?
9 Wara li tkun bnejt dan il-pedament, int għandek mnejn issib li s-semmiegħ tiegħek huwa lest li jitgħallem dwar għala Alla jippermetti t-tbatija tibqaʼ għaddejja. Sabiex jgħinek, “l-ilsir leali u għaqli” pprovda diversi għodod. (Mattew 24:45-47) Per eżempju, fil-Konvenzjoni Distrettwali taʼ l-2005/06 “Ubbidjenza Lejn Alla,” ħareġ fuljett bit-titlu It-Tbatija Kollha Dalwaqt Se Tispiċċa! Jekk il-fuljett huwa disponibbli bil-lingwa tiegħek, għala ma ssirx familjari miegħu? B’mod simili, il-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?, li issa huwa disponibbli b’157 lingwa, jiddedika kapitlu għal din il-mistoqsija importanti. Agħmel użu tajjeb minn għodod bħal dawn. Dawn jispjegaw l-isfond Skritturali tal-kwistjoni tas-sovranità universali li tqajmet fl-Għeden u għala Ġeħova ttratta l-isfida bil-mod li ttratta magħha. Żomm f’moħħok ukoll, li hekk kif tiddiskuti dan is-suġġett, int qed tiftaħ l-iktar sors importanti taʼ tagħlim li hemm għas-semmiegħ. Huwa l-għarfien dwar Ġeħova u l-kwalitajiet meraviljużi tiegħu.
Iffoka fuq il-Kwalitajiet taʼ Ġeħova
10. Ħafna xi jsibu diffiċli biex jifhmu dwar il-fatt li Alla ppermetta t-tbatija, u liema għarfien jistaʼ jgħinhom?
10 Hekk kif tgħin lin-nies jifhmu għala Ġeħova ppermetta lill-bnedmin jaħkmu fuqhom infushom taħt l-influwenza taʼ Satana, ipprova iġbed l-attenzjoni lejn il-kwalitajiet meraviljużi taʼ Ġeħova. Ħafna nies jafu li Alla huwa qawwi; huma mdorrijin jisimgħu li Alla jissejjaħ bħala Alla li Jistaʼ Kollox. Madankollu, għandhom mnejn isibuha diffiċli jifhmu għala hu ma jużax il-qawwa kbira tiegħu biex itemm l-inġustizzja u t-tbatija mill-ewwel. Huma wisq probabbli m’għandhomx fehma ċara tal-kwalitajiet l-oħrajn taʼ Ġeħova bħalma huma l-qdusija, il-ġustizzja, l-għerf, u l-imħabba tiegħu. Ġeħova juri dawn il-kwalitajiet b’mod perfett u bilanċjat. Il-Bibbja tgħid: “Perfett għemilu.” (Dewteronomju 32:4) Kif tistaʼ tiġbed l-attenzjoni lejn dawn il-kwalitajiet hekk kif twieġeb il-mistoqsijiet li jitqajmu ħafna drabi dwar din il-kwistjoni? Ejja nikkunsidraw xi ftit eżempji.
11, 12. (a) Il-maħfra għala ma kinitx possibbli meta dinbu Adam u Eva? (b) Ġeħova għala mhux se jittollera d-dnub għal dejjem?
11 Ma setax Ġeħova sempliċement jaħfer lil Adam u lil Eva? Il-maħfra qatt ma kienet possibbli f’dan il-każ. Bħala bnedmin perfetti, Adam u Eva għażlu li jirrifjutaw is-sovranità taʼ Ġeħova u li jaċċettaw il-gwida taʼ Satana minflok. Mhux sorprendenti mela li ma kien hemm l-ebda sinjal taʼ ndiema min-naħa tar-ribelli. Madankollu, meta n-nies jistaqsu dwar il-maħfra f’din il-kwistjoni, huma fil-fatt ikunu qed jistaqsu għala Ġeħova ma baxxiex il-livelli tiegħu u ttollera d-dnub u r-ribelljoni. It-tweġiba tinvolvi kwalità essenzjali fin-natura taʼ Ġeħova—il-qdusija tiegħu.—Eżodu 28:36; 39:30.
12 Il-Bibbja tenfasizza l-qdusija taʼ Ġeħova mijiet taʼ drabi. Madankollu, b’dispjaċir ftit nies f’din is-sistema korrotta jifhmu din il-kwalità. Ġeħova huwa nadif, pur, u separat minn kull dnub. (Isaija 6:3; 59:2) Hu għamel arranġament biex permezz tiegħu d-dnub jitpatta, jiġi eliminat, imma mhux se jittollerah għal dejjem. Li kieku Ġeħova kien lest li jittollera d-dnub għal dejjem, ma kien se jkollna l-ebda tama għall-futur. (Proverbji 14:12) Fiż-żmien xieraq Ġeħova kien se jġib il-ħolqien kollu lura lejn l-istat taʼ qdusija bħalma kien. Din hija ħaġa ċerta għax hija r-rieda tal-Wieħed Qaddis.
13, 14. Ġeħova għala għażel li ma jeqridx lir-ribelli fl-Għeden?
13 Ma setax Ġeħova sempliċement jeqred lil dawk ir-ribelli fl-Għeden u jerġaʼ jibda mill-bidu? Hu żgur li kellu l-qawwa li jagħmel hekk; dalwaqt hu se juża dik il-qawwa biex jeqred lill-ħżiena. Xi wħud għandhom mnejn jitħassbu, ‘Għala m’għamilx hekk meta kien hemm biss tliet midinbin fl-univers? Ma setax jevita li d-dnub jinfirex—u l-miżerja li naraw fid-dinja?’ Ġeħova għala m’għażilx li jagħmel hekk? Dewteronomju 32:4 jgħid: “Ilkoll ġusti t-triqat tiegħu.” Ġeħova huwa konċernat ferm dwar il-ġustizzja. Fil-fatt, “Ġeħova jħobb il-ġustizzja.” (Salm 37:28, NW) Minħabba din l-imħabba għall-ġustizzja, Ġeħova żamm lura milli jeqred lir-ribelli fl-Għeden. Għala?
14 Ir-ribelljoni taʼ Satana qajmet mistoqsija oħra rigward id-dritt taʼ Ġeħova bħala sovran. Is-sens taʼ ġustizzja taʼ Ġeħova rrikjeda li l-isfida li qajjem Satana tingħata tweġiba. L-esekuzzjoni immedjata tar-ribelli, għalkemm kien jistħoqqilhom, ma kienet se tipprovdi l-ebda tweġiba. Kienet se tkompli tagħti prova taʼ kemm kienet kbira l-qawwa taʼ Ġeħova, imma l-qawwa tiegħu ma kinitx dubitata. Iktar minn hekk, Ġeħova kien qal x’kien l-iskop tiegħu lil Adam u ’l Eva. Huma kellu jkollhom l-ulied u jimlew l-art, jaħkmuha, u jsaltnu fuq il-ħolqien kollu taʼ l-art. (Ġenesi 1:28) Li kieku Ġeħova qered lil Adam u ’l Eva, dak li qal dwar l-iskop tiegħu kien ikun kliem fieragħ. Il-ġustizzja taʼ Ġeħova qatt ma kienet se tippermetti li jkun hemm riżultat bħal dan, għax l-iskop tiegħu dejjem jitwettaq.—Isaija 55:10, 11.
15, 16. Meta n-nies jissuġġerixxu “soluzzjonijiet” differenti għall-isfida li tqajmet fl-Għeden, kif nistgħu ngħinuhom?
15 Setaʼ xi ħadd fl-univers indirizza r-ribelljoni b’għerf akbar minn dak taʼ Ġeħova? Xi wħud għandhom mnejn jissuġġerixxu s-“soluzzjonijiet” tagħhom dwar kif setgħet tissolva r-ribelljoni fl-Għeden. Madankollu, meta jagħmlu hekk, ma jkunux huma qed jissuġġerixxu li huma jistgħu jaħsbu f’modi aħjar biex jittrattaw mal-kwistjoni? Huma għandhom mnejn ma jagħmlux hekk b’motiv mill-agħar, imma huma m’għandhomx fehma dwar Ġeħova u l-għerf kbir tiegħu. Meta kiteb lill-Kristjani f’Ruma, l-appostlu Pawlu tkellem fil-fond dwar l-għerf t’Alla, inkluż is-“sigriet sagru” rigward l-iskop taʼ Ġeħova li juża s-Saltna Messjanika biex iġib fidwa għall-umanità leali u biex iqaddes Ismu l-qaddis. Pawlu kif ħassu dwar l-għerf taʼ l-Alla li kien sawwar dan l-iskop? L-appostlu kkonkluda l-ittra tiegħu b’dan il-kliem: “Lil Alla, li hu biss hu għaref, tkun il-glorja permezz taʼ Ġesù Kristu għal dejjem. Amen.”—Rumani 11:25; 16:25-27.
16 Pawlu fehem li Ġeħova “biss hu għaref”—l-iktar wieħed għaref fl-univers. Liema bniedem imperfett jistaʼ biss jaħseb f’mod aħjar biex jittratta maʼ kwalunkwe ħaġa—aħseb u ara l-iktar sfida diffiċli li qatt saret għall-għerf divin? Għalhekk, għandna bżonn ngħinu lin-nies ikollhom l-istess rispett li għandna aħna għal Alla li hu “għaref f’qalbu.” (Ġob 9:4, NW) Iktar ma nifhmu l-għerf taʼ Ġeħova, iktar se nafdaw il-mod kif hu jittratta l-affarijiet.—Proverbji 3:5, 6.
Napprezzaw il-Kwalità Dominanti taʼ Ġeħova
17. Iktar fehma dwar l-imħabba taʼ Ġeħova kif tistaʼ tgħin lil dawk li huma mnikktin minħabba li Alla jippermetti t-tbatija?
17 “Alla hu mħabba.” (1 Ġwanni 4:8) B’dan il-kliem li jispikka, il-Bibbja tidentifika l-kwalità dominanti taʼ Ġeħova, il-kwalità li l-iktar tiġbdek minnhom kollha u l-iktar waħda taʼ faraġ għal dawk li huma mnikktin minħabba l-ħażen li għad hawn. Ġeħova wera mħabba f’kull aspett li bih ittratta mal-forza qerrieda tad-dnub fuq il-ħolqien tiegħu. L-imħabba qanqlet lil Ġeħova jagħti tama lil ulied Adam u Eva, billi pprovdielhom mezz biex ikunu jistgħu javviċinaw Lilu u jkollhom relazzjoni approvata Miegħu. L-imħabba qanqlet lil Alla jipprovdi fidwa li kienet se tiftaħ triq għal maħfra kompleta mid-dnub u għal restawrazzjoni għall-ħajja perfetta u dejjiema. (Ġwanni 3:16) U l-imħabba qanqlitu jkun paċenzjuż maʼ l-umanità, billi tahom ħafna opportunitajiet biex jirrifjutaw lil Satana u jagħżlu lil Ġeħova bħala s-Sovran tagħhom.—2 Pietru 3:9.
18. Aħna mberkin b’liema dehen, u x’se nikkunsidraw fl-artiklu li jmiss?
18 Meta saċerdot indirizza lil udjenza li kienet inġabret flimkien biex jikkommemoraw l-anniversarju t’attakk terroristiku tal-biżaʼ, hu qal: “Ma nafux għala Alla jippermetti l-ħażen u t-tbatija li jkomplu għaddejjin.” X’ħasra! M’aħniex aħna mberkin li għandna d-dehen dwar dan is-suġġett? (Dewteronomju 29:28 [29:29, NW]) U ladarba Ġeħova huwa għaref, ġust, u kollu mħabba, aħna nafu li hu dalwaqt se jtemm kull tbatija. Fil-fatt, hu kien wiegħed li se jagħmel hekk. (Rivelazzjoni 21:3, 4) Imma xi ngħidu għal dawk kollha li mietu matul is-sekli? Il-mod li bih Ġeħova ttratta l-isfida fl-Għeden ħalliehom mingħajr tama? Le. L-imħabba qanqlitu jipprovdi għalihom ukoll, permezz taʼ l-irxoxt. Dan se jkun is-suġġett taʼ l-artiklu li jmiss.
Int Kif Twieġeb?
• X’nistgħu ngħidu lil individwu li jistaqsi għala Alla jippermetti t-tbatija?
• Il-qdusija u l-ġustizzja taʼ Ġeħova kif jidhru fil-mod kif hu ttratta mar-ribelli fl-Għeden?
• Għala għandna ngħinu lin-nies ikollhom iktar fehma dwar l-imħabba taʼ Ġeħova?
[Stampa f’paġna 21]
Fittex li tgħin lil dawk li huma mnikktin minħabba t-tbatija fid-dinja
[Stampi f’paġna 23]
Il-leali David u Ħabakkuk staqsew lil Alla mistoqsijiet sinċieri