LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 6/1 pp. 14-15
  • Minn Skroll għal Kodiċi—Kif il-Bibbja Saret Ktieb

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Minn Skroll għal Kodiċi—Kif il-Bibbja Saret Ktieb
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Injam, Xamaʼ, u Parċmina
  • Skroll jew Kodiċi?
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 6/1 pp. 14-15

Minn Skroll għal Kodiċi—Kif il-​Bibbja Saret Ktieb

MATUL is-​sekli, in-​nies ippreservaw l-​informazzjoni b’ħafna modi. Fiż-​żminijiet taʼ l-​imgħoddi, il-​kittieba kienu jniżżlu kliemhom fuq monumenti, twavel tal-​ġebel jew taʼ l-​injam, folji tal-​parċmina, u materjali oħrajn. Sa l-​ewwel seklu, fil-​Lvant Nofsani, il-​forma aċċettata u stabbilita tal-​kelma miktuba kienet l-​iskroll. Iktar tard kien hemm il-​kodiċi, li maż-​żmien ħa post l-​iskroll u sar il-​mezz komuni biex jiġi maħżun materjal bil-​miktub. Ukoll, dan ikkontribwixxa ħafna għat-​tqassim tal-​Bibbja. X’kien il-​kodiċi, u kif beda jintuża?

Il-kodiċi kien il-​prototip, jew l-​iktar forma bikrija, taʼ dak li llum nafuh bħala ktieb. Dan kien jikkonsisti f’folji li kienu jkunu milwijin, miġburin, u marbutin flimkien tul it-​tinja. Kien ikun hemm il-​kitba fuq iż-​żewġ naħat tal-​paġni li dawn kienu protetti minn qoxra. Il-​kodiċi bikri ma tantx kien jixbah lill-​kotba taʼ llum, imma bħal ħafna mill-​invenzjonijiet l-​oħrajn, dan kien żviluppat u mibdul skond il-​bżonnijiet u l-​preferenzi taʼ dawk li kienu jużawh.

Injam, Xamaʼ, u Parċmina

Fil-​bidu, il-​kodiċijiet spiss kienu jkunu magħmulin minn twavel taʼ l-​injam miksijin bix-​xamaʼ. F’Erkolanu, belt li nqerdet flimkien maʼ Pompej bl-​eruzzjoni tal-​Vessuvju fis-​sena 79 E.K., kienu nstabu xi twavel miksijin bix-​xamaʼ bil-​kitba fuqhom u mwaħħlin flimkien mit-​tul. Maż-​żmien, folji taʼ materjal li setaʼ jiltewa ħadu post it-​twavel riġidi. Bil-​Latin, dawn il-​kodiċijiet, jew kotba, kienu msejħin membranae, jew parċmini, imsemmijin għat-​tip taʼ ġilda li ġeneralment kienet tintuża għall-​paġni tagħhom.

Xi wħud mill-​kodiċijiet li għadhom jeżistu kienu magħmulin mill-​papiru. L-​eqdem kodiċijiet Kristjani li nafu bihom, li kienu preservati fil-​klima niexfa taʼ xi nħawi fl-​Eġittu, huma tal-​papiru.a

Skroll jew Kodiċi?

Jidher li l-​Kristjani kienu jużaw l-​iktar ir-​romblu, jew l-​iskroll, għallinqas sa madwar l-​aħħar taʼ l-​ewwel seklu E.K. Il-​perijodu mill-​aħħar taʼ l-​ewwel seklu sat-​tielet seklu E.K. ġarrab battalja bejn dawk li kienu jippromwovu l-​kodiċi u dawk li kienu jippromwovu l-​iskroll. Il-​konservattivi, li kienu mdorrijin jużaw l-​iskroll, ma ridux iċedu l-​mod tradizzjonali taʼ kif kienu jagħmlu l-​affarijiet. Madankollu, ikkunsidra x’kien jinvolvi l-​qari taʼ l-​iskroll. Skroll normalment kien magħmul minn numru stabbilit taʼ folji tal-​papiru jew parċmina mwaħħlin flimkien bil-​kolla biex jifformaw strixxa twila, li mbagħad kien jiġi romblat. Il-​kliem kien jinkiteb f’kolonni fuq il-​faċċata taʼ quddiem taʼ l-​iskroll. Biex jaqrah, il-​qarrej kien irembel l-​iskroll biex isib is-​silta li kien irid. Wara l-​qari, hu kien jerġaʼ jirromblah. (Luqa 4:​16-​20) Spiss kien meħtieġ iktar minn skroll wieħed għal xogħol letterarju wieħed, u dan għamlu iktar diffiċli biex jintuża. Għalkemm milli jidher il-​Kristjani tat-​tieni seklu kienu jippreferu jikkopjaw l-​Iskrittura fil-​forma tal-​kodiċi, l-​iskroll baqaʼ jintuża għal sekli sħaħ. Madankollu, l-​esperti jemmnu li l-​użu tal-​kodiċi mill-​Kristjani kellu rwol importanti f’li jkun aċċettat kullimkien.

Il-vantaġġi tal-​kodiċi huma ovvji. Dan kapaċi jesaʼ ħafna iktar, huwa iktar konvenjenti, u faċli iżjed biex jinġarr. Għalkemm xi wħud fil-​jiem bikrin għarfu dawn il-​vantaġġi, il-​maġġuranza minnhom ma tantx kienu ħfief biex iċedu l-​użu taʼ l-​iskroll. Madankollu, matul is-​sekli, diversi fatturi bil-​mod il-​mod wasslu biex il-​kodiċi jibda jintuża iktar.

Meta mqabbel maʼ l-​iskroll, il-​kodiċi kien iktar ekonomiku. Setaʼ jkun hemm kitba fuq iż-​żewġ naħat tal-​paġna, u diversi kotba setgħu jiġu llegati fl-​istess volum. Skond xi wħud, il-​faċilità li biha xi siltiet speċifiċi setgħu jinstabu fil-​kodiċi kienet ir-​raġuni għala kien taʼ suċċess fost il-​Kristjani u l-​professjonisti bħalma kienu l-​avukati. Għall-​Kristjani, testi konċiżi​—jew sempliċement lista prattika taʼ kwotazzjonijiet Bibliċi​—kienu utli ħafna għax-​xogħol taʼ l-​evanġelizzar. Iktar minn hekk, il-​kodiċi kellu qoxra, spiss magħmula mill-​injam, u għalhekk kien iservi iktar mill-​iskroll.

Il-kodiċijiet kienu wkoll prattiċi għall-​qari persunali. Sa l-​aħħar tat-​tielet seklu, l-​Evanġelji f’kotba żgħar tal-​parċmina kienu f’idejn dawk li kienu jgħidu li huma Kristjani. Minn dakinhar ’l hawn, letteralment biljuni taʼ kopji tal-​Bibbja sħiħa jew partijiet minnha saru fil-​forma tal-​kodiċi.

Illum, ħafna għodod fetħu t-​triq għal aċċess malajr u faċli għall-​għerf divin li hemm fil-​Bibbja. Dan jistaʼ jinstab fuq il-​kompjuter, ir-​rikordings bl-​awdjo, u l-​paġni stampati. Tippreferi liema forma tippreferi tal-​Bibbja, ikkultiva mħabba għall-​Kelma t’Alla, billi kuljum tkun ħsiebek fiha.​—Salm 119:​97, 167.

[Nota taʼ taħt]

a Ara l-​artiklu “The Early Christian Codex” (Il-Kodiċi Kristjan tal-​Bidu), fil-​ħarġa tal-​Watchtower tal-​15 t’Awissu, 1962, paġni 501-​5.

[Stampi f’paġna 15]

Il-​kodiċi kkontribwixxa ħafna għat-​tqassim tal-​Bibbja

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja