LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 6/1 pp. 16-20
  • Determinati Li Nwettqu L-ministeru Tagħna

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Determinati Li Nwettqu L-ministeru Tagħna
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Iż-​Żwieġ u x-​Xogħol Missjunarju
  • Il-​Ministeru Tagħna f’Waterfall Bay
  • Nagħmlu l-​Għodod biex Ngħallmu
  • Lura Lejn Rabaul
  • Żviluppi Ġodda fil-​Ginea Ġdida
  • Ix-​Xogħol tat-​Traduzzjoni u taʼ l-​Ivvjaġġar
  • Jinfetaħ Bieb Ieħor t’Attività
  • Kelli Ħajja Premjanti Ħafna
    Stenbaħ!—2011
  • Jien Inħossni Protett Għax Nafda f’Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 6/1 pp. 16-20

Bijografija

Determinati Li Nwettqu L-​ministeru Tagħna

Kif rakkontata minn Lena Davison

“Qed nitlef il-​vista. M’iniex nara,” qal il-​pilota bilkemm jinftiehem. Ftit wara idejh żelqu minn fuq l-​apparat li jmexxi l-​ajruplan żgħir li konna fuqu, u hu ntelaq fuq is-​siġġu tiegħu, mitluf minn sensih. Żewġi, li ma kellu ebda esperjenza taʼ pilota, ipprova jqajmu b’urġenza. Qabel ma ngħidilkom kif żgiċċajna mill-​mewt, ħalli nispjega x’wassalna biex inkunu fuq dak l-​ajruplan f’titjira minn fuq il-​Papwa Ginea Ġdida, waħda mill-​iktar partijiet imbegħdin taʼ l-​art.

JIEN twilidt l-​Awstralja fl-​1929 u trabbejt f’Sydney, il-​belt kapitali taʼ New South Wales. Missieri, Bill Muscat, kien komunist li, b’mod stramb, kien jemmen f’Alla. Fl-​1938 hu saħansitra aċċetta li jiffirma petizzjoni nazzjonali li kienet titlob li Joseph F. Rutherford, mill-​kwartieri ġenerali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova, jitħalla jippriedka f’Sydney Town Hall.

“Bilfors li għandu xi ħaġa tajba x’jgħidilna,” qalilna missieri dak iż-​żmien. Tmien snin wara, aħna tgħallimna l-​punti prinċipali taʼ dak il-​messaġġ. Missieri stieden lil Norman Bellotti, pijunier u ministru full-time tax-​Xhieda taʼ Ġeħova, biex jiġi d-​dar tagħna ħalli niddiskutu l-​Bibbja. Il-​familja tagħna malajr aċċettat il-​verità tal-​Bibbja u saret attiva ħafna fil-​ministeru Kristjan.

F’nofs is-​snin 40, jien tlaqt mill-​iskola biex ngħin lil ommi, li kellha marda kronika. Ukoll, kont inħit il-​ħwejjeġ biex immantni lili nnifsi. Is-​Sibt fil-​għaxija, jien u oħti Rose konna ningħaqdu maʼ grupp taʼ pijunieri u noħorġu nagħtu xiehda fit-​toroq barra Sydney Town Hall. Fl-​1952, John, ħija l-​kbir, iggradwa mill-​iskola missjunarja taʼ Gilgħad fl-​Istati Uniti u ġie inkarigat jaqdi fil-​Pakistan. Jien ukoll kont inħobb il-​ministeru u ridt insegwi l-​eżempju tiegħu. Allura s-​sena taʼ wara jien sirt pijuniera regulari.

Iż-​Żwieġ u x-​Xogħol Missjunarju

Ftit wara ltqajt maʼ John Davison, li kien jaħdem fl-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fl-​Awstralja. L-​umiltà, id-​determinazzjoni modesta, u l-​karattru sod tiegħu impressjonawni. Matul it-​tieni gwerra dinjija, hu kien miżmum il-​ħabs tliet darbiet minħabba n-​newtralità Kristjana tiegħu. Aħna ddeċidejna flimkien li nagħmlu l-​ministeru Kristjan ix-​xogħol taʼ ħajjitna.

Jien u John iżżewwiġna f’Ġunju taʼ l1955. Xtrajna karozza tal-​linja bil-​ħsieb li nibdluha f’karavan. Il-​mira tagħna kienet li nużawha bħala bażi biex nippridkaw f’partijiet imbegħdin taʼ l-​Awstralja. Is-​sena taʼ wara, ħarġet sejħa għal Xhieda biex imorru jgħixu fil-​Ginea Ġdida, fil-​grigal taʼ gżira kbira li tinsab fit-​tramuntana taʼ l-​Awstralja.a Il-​messaġġ tas-​Saltna kien għadu ma ġiex ippridkat f’din il-​parti tad-​dinja. Aħna mill-​ewwel offrejna ruħna.

Dak iż-​żmien, l-​uniku mod kif tidħol fil-​Ginea Ġdida kien permezz taʼ kuntratt għal xogħol full-time, allura, John beda jipprova jsib xogħol. Hu malajr kiseb kuntratt maʼ impjant taʼ l-​isserrar fi New Britain, gżira ħafna iżgħar li tagħmel parti mill-​Ginea Ġdida. Xi ġimgħat wara, aħna tlaqna lejn l-​inkarigu l-​ġdid tagħna, u wasalna Rabaul, fi New Britain, f’Lulju taʼ l-​1956. Hemmhekk stennejna sitt ijiem biex dgħajsa tiħodna lejn Waterfall Bay.

Il-​Ministeru Tagħna f’Waterfall Bay

Wara diversi ġranet f’baħar imqalleb, wasalna Waterfall Bay, daħla kbira li tinsab xi 240 kilometru fin-​nofsinhar taʼ Rabaul. F’dan il-​post kien hemm impjant kbir għall-​isserrar f’nofs firxa fil-​ġungla. Dakinhar fil-​għaxija, il-​ħaddiema kollha kienu bil-​qiegħda madwar il-​mejda taʼ l-​ikel, u l-​maniġer qal, “Qabel kollox, Sinjur u Sinjura Davison, hija regola taʼ din il-​kumpanija li l-​impjegati kollha jgħidu x’inhi r-​reliġjon tagħhom.”

Aħna konna kważi ċerti li ma kienx hemm regola bħal din, imma ladarba ma ridniex inpejpu, huma bdew jissuspettaw fina. Kien x’kien il-​każ, John wieġeb, “Aħna Xhieda taʼ Ġeħova.” Wara dan, kien hemm silenzju kbir. L-​irġiel kienu veterani tat-​tieni gwerra dinjija u kienu preġudikati kontra x-​Xhieda minħabba n-​newtralità tagħhom matul il-​gwerra. Minn dakinhar ’il quddiem, huma ħatfu kull opportunità li ġiethom biex jagħmlulna ħajjitna diffiċli.

L-​ewwelnett, il-​maniġer irrifjuta li jagħtina friġġ u kuker, għalkemm konna intitolati għalihom. L-​ikel li jaqtaʼ beda jeħżien, u kellna bilfors insajru fuq kuker imkisser li sibna fil-​ġungla. Imbagħad, in-​nies tal-​lokal ma tħallewx ibigħulna prodotti friski, allura għexna fuq kwalunkwe ħaxix li konna nsibu. Ukoll, ittimbrawna bħala spiji u qagħdu għassa sew għalina ħalli jaraw jekk konniex qed ngħallmu l-​Bibbja lil xi ħadd. Imbagħad qabditni l-​malarja.

Minkejja dan, konna determinati li nwettqu l-​ministeru tagħna. Allura tlabna lil żewġ żgħażagħ tal-​lokal li kienu jaħdmu fl-​impjant u li kienu jitkellmu bl-​Ingliż biex jgħallmuna l-​Piġin Melanesjan, il-​lingwa nazzjonali. Mill-​banda l-​oħra, aħna għallimniehom il-​Bibbja. Fis-​Sibtijiet u l-​Ħdud konna nivvjaġġaw ħafna u fil-​bogħod biex infittxu l-​“veduti.” Fi triqitna konna nagħtu xiehda b’mod diskret lil kwalunkwe nies lokali li konna nsibu; l-​istudenti tal-​Bibbja kienu jittraduċu għalina. Aħna qsamna xmajjar b’kurrenti qawwijin u kukkudrilli enormi jixxemmxu mal-​ġenb. Minbarra darba waħda li żgiċċajna bi ftit, dawn il-​predaturi tal-​biżaʼ rari kienu t’ostaklu għalina.

Nagħmlu l-​Għodod biex Ngħallmu

Hekk kif il-​ministeru tagħna beda jikber, aħna ddeċidejna li nittajpjaw messaġġi sempliċi mill-​Bibbja biex inqassmuhom lil uħud interessati. L-​istudenti tal-​Bibbja li kienu jaħdmu magħna fl-​impjant taʼ l-​isserrar għenuna nittraduċu l-​ewwel ftit minnhom. Qattajna ħafna ljieli nittajpjaw mijiet taʼ fuljetti u qassamniehom lin-​nies tar-​raħal u lill-​ekwipaġġi tad-​dgħajjes li kienu jgħaddu.

Fl-1957, John Cutforth, ministru li jivvjaġġa taʼ l-​esperjenza, għamlilna żjara inkuraġġanti.b Hu ssuġġerixxa li jekk nużaw l-​istampi għandna mnejn inkunu effettivi f’li ngħallmu l-​veritajiet tal-​Bibbja lin-​nies li ma kinux jafu jaqraw. Hu u żewġi vvintaw serje taʼ tpinġijiet sempliċi biex jispjegaw tagħlim Bibliku bażiku. Iktar tard, qattajna sigħat twal nikkopjaw dawn it-​tagħlimiet fuq l-​istampi f’pitazzi taʼ l-​iskola. Kull student tal-​Bibbja kien jingħata kopja, li kien jużaha biex jippriedka lil oħrajn. Dan il-​metodu taʼ tagħlim eventwalment beda jintuża mal-​pajjiż kollu.

Wara sentejn u nofs f’Waterfall Bay, aħna temmejna l-​kuntratt tagħna tax-​xogħol u ġejna approvati biex nibqgħu fil-​pajjiż. Allura aċċettajna stedina biex nidħlu fil-​ministeru taʼ pijunieri speċjali.

Lura Lejn Rabaul

Aħna u nbaħħru lejn Rabaul fit-​tramuntana, id-​dgħajsa tagħna waqfet għal lejl wieħed f’impjant tal-​kopra u l-​kawkaw f’Wide Bay. Is-​sidien tiegħu kienu koppja anzjana li riedu jirtiraw l-​Awstralja, allura offrew lil John ix-​xogħol taʼ li jieħu ħsieb l-​impjant. L-​offerta kienet tidher tassew attraenti, imma meta tkellimna dwar il-​kwistjoni dakinhar fil-​għaxija, qbilna li ma konniex morna l-​Ginea Ġdida biex infittxu l-​għana materjali. Konna determinati li nwettqu l-​ministeru tagħna bħala pijunieri. Allura, l-​għada informajna lill-​koppja dwar id-​deċiżjoni tagħna u rġajna rkibna fuq id-​dgħajsa.

Wara li wasalna Rabaul, ngħaqadna maʼ grupp żgħir taʼ Xhieda minn pajjiżi oħrajn li ġew joqogħdu fil-​post. In-​nies lokali wrew ħafna interess fil-​messaġġ tas-​Saltna, u aħna bdejna ħafna studji tal-​Bibbja. Sadanittant, għamilna l-​laqgħat Kristjani f’sala lokali li krejna, u kienu jattendu xi 150 ruħ. Ħafna minnhom aċċettaw il-​verità u għenu f’li tinxtered l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla f’partijiet oħrajn tal-​pajjiż.​—Mattew 24:14.

Żorna wkoll Vunabal, raħal li jinsab xi 50 kilometru ’l bogħod minn Rabaul, fejn kien hemm grupp taʼ nies li wrew interess ħerqan fil-​verità tal-​Bibbja. Huma malajr ġibdu l-​attenzjoni taʼ Kattoliku lokali li kellu effett kbir fuq in-​nies. Flimkien maʼ klikka nies mill-​knisja tiegħu, hu interrompa l-​istudju tal-​Bibbja tagħna taʼ kull ġimgħa u keċċiena ’l barra mir-​raħal. Meta sirna nafu li kien se jkun hemm iktar inkwiet il-​ġimgħa taʼ wara, aħna tlabna lill-​pulizija biex jiġu magħna.

Dakinhar it-​triq kienet invażata għal kilometri sħaħ b’Kattoliċi jgħajtu. Ħafna kienu lesti biex iħaġġruna. Sadanittant, qassis ġabar mijiet taʼ rġiel tat-​tribù fir-​raħal. Il-​pulizija żgurawna li kellna d-​dritt nagħmlu l-​laqgħa tagħna, allura fetħulna triq minn ġol-​folla. Madankollu, malli bdejna l-​laqgħa tagħna l-​qassis qanqal lil dawk fil-​folla biex jibdew jgħajtu b’dagħdigħa kbira. Il-​pulizija ma rnexxilhomx jikkalmawhom; għalhekk, il-​kap tal-​pulizija ħeġġiġna nitilqu u ħadna malajr lejn il-​karozza tagħna.

In-nies daru madwarna u bdew jidgħu, jobżqu, u juruna l-​ponn, waqt li l-​qassis qagħad jarahom b’idejh marbutin u bi tbissima. Wara li ħrabna, il-​kap tal-​pulizija ammetta li din kienet l-​agħar sitwazzjoni li qatt ra. Għalkemm ħafna min-​nies f’Vunabal beżgħu mill-​folla vjolenti, student wieħed tal-​Bibbja minn dakinhar b’kuraġġ sar jappoġġa l-​verità tas-​Saltna. Minn dakinhar ’l hawn, oħrajn madwar New Britain ukoll saru jappoġġaw il-​verità.

Żviluppi Ġodda fil-​Ginea Ġdida

F’Novembru taʼ l-​1960, aħna ngħatajna inkarigu ġdid biex naqdu f’Madang, belt kbira mal-​kosta tat-​tramuntana tal-​Ginea Ġdida, il-​gżira prinċipali. Hemmhekk jien u John ġejna offruti ħafna opportunitajiet taʼ xogħol full-time. Kumpanija waħda ħeġġitni biex nieħu ħsieb il-​maħżen tagħha tal-​ħwejjeġ. Kumpanija oħra riditni nirranġa l-​ħwejjeġ. Xi nisa li kienu immigranti saħansitra offrew li jgħinuni niftaħ ħanut biex inħit il-​ħwejjeġ. Minħabba li żammejna f’moħħna l-​mira tagħna, aħna bil-​pulit m’aċċettajniex dawn l-​offerti u anki offerti oħrajn.​—2 Timotju 2:4.

It-territorju taʼ Madang kien produttiv, u malajr żviluppat kongregazzjoni li bdiet tiffjorixxi. Aħna mxejna u vvjaġġajna bil-​mutur lejn irħula ’l barra miċ-​ċentru fuq vjaġġi taʼ ppridkar li damu sejrin diversi ġranet. F’għerejjex abbandunati mat-​triq, aħna rqadna fuq saffi taʼ ħaxix maqtugħ mill-​ġungla. Il-​provvisti sempliċi tagħna kienu jikkonsistu f’ikel tal-​bott, galletti, u xibka li tipproteġina min-​nemus.

Fuq vjaġġ minnhom, aħna żorna lil grupp taʼ wħud interessati f’Talidig, raħal li jinsab xi 50 kilometru lejn it-​tramuntana taʼ Madang. Hekk kif il-​grupp għamel progress spiritwali, il-​kap taʼ l-​iskola lokali ma ħallihomx jistudjaw il-​Bibbja fi proprjetà pubblika. Iktar tard hu xewwex lill-​pulizija biex jeqirdu d-​djar tagħhom u jkeċċuhom lejn il-​ġungla. Madankollu, kap tribwali fil-​viċin ħalla lill-​grupp jgħix fl-​art tiegħu. Maż-​żmien dan il-​kap tribwali taʼ qalb tajba aċċetta l-​verità tal-​Bibbja, u nbniet Sala tas-​Saltna moderna fil-​post.

Ix-​Xogħol tat-​Traduzzjoni u taʼ l-​Ivvjaġġar

Sentejn biss wara li wasalna fi New Britain fl-​1956, jien u John ġejna mistidnin biex nittraduċu diversi pubblikazzjonijiet mill-​Bibbja bil-​Piġin Melanesjan. Dan ix-​xogħol baqaʼ għaddej matul is-​snin. Imbagħad, fl-​1970 ġejna mistidnin immorru fl-​uffiċċju tal-​fergħa f’Port Moresby, il-​kapitali tal-​Papwa Ginea Ġdida, biex naqdu bħala tradutturi full-time. Hemmhekk konna wkoll nagħtu lezzjonijiet tal-​lingwa.

Fl-1975 morna lura New Britain biex naqdu fil-​ministeru taʼ l-​ivvjaġġar. Fit-​13-il sena taʼ wara, tirna bl-​ajruplan, ivvjaġġajna bid-​dgħajsa u bil-​karozza, jew imxejna lejn kważi kull parti tal-​pajjiż. Kemm-il darba kellna esperjenzi tal-​biżaʼ, inkluż l-​aċċident li ddeskrivejt fil-​bidu taʼ dan l-​artiklu. Dakinhar, il-​pilota ħassu ħażin minħabba li qabditu gastrite qawwija waqt li konna resqin lejn il-​post fejn jinżlu l-​ajruplani f’Kandrian, New Britain. Waqt li l-​ajruplan kien għaddej bil-​pilota awtomatiku, aħna bqajna nduru fil-​vojt fuq il-​ġungla waqt li John b’urġenza pprova jqajjem lill-​pilota li kien mitluf minn sensih. Finalment reġaʼ ġie f’sensih, u beda jara biżżejjed biex iniżżel l-​ajruplan b’diffikultà kbira. Imbagħad reġaʼ ħassu ħażin.

Jinfetaħ Bieb Ieħor t’Attività

Fl-​1988 erġajna ngħatajna inkarigu ġdid f’Port Moresby biex nieħdu ħsieb il-​bżonnijiet li dejjem jiżdiedu tat-​traduzzjoni li ssir fil-​fergħa. Xi 50 minna konna ngħixu u naħdmu bħala familja fil-​fergħa, fejn konna wkoll inħarrġu tradutturi ġodda. Ilkoll kemm aħna konna ngħixu f’appartamenti sempliċi b’kamra waħda. Jien u John iddeċidejna li nħallu l-​bieb imbexxaq biex inħeġġu lill-​membri tal-​familja u lil dawk li jiġu fuq żjara jgħaddu s’għandna biex insiru nafuhom. B’dan il-​mod sirna ħbieb ħafna tal-​familja tagħna u stajna nagħtu lil xulxin ħafna mħabba u appoġġ.

Imbagħad, fl-​1993, John miet b’attakk tal-​qalb. Jien ħassejtni bħallikieku parti minni mietet ukoll. Konna ilna miżżewġin 38 sena u qattajna dan iż-​żmien kollu flimkien fil-​ministeru. Xorta waħda, kont determinata li nkompli bis-​saħħa taʼ Ġeħova. (2 Korintin 4:7) Il-​bieb taʼ l-​appartament tiegħi baqaʼ miftuħ, u ż-​żgħażagħ għadhom iżuruni. Din is-​sħubija inkuraġġanti għenitni nżomm ħarsa pożittiva.

Minħabba li s-​saħħa tiegħi sejra lura, fl-​2003 ġejt inkarigata naqdi fl-​uffiċċju tal-​fergħa f’Sydney, l-​Awstralja. Illum, fl-​età taʼ 77 sena, għadni naqdi full-time fid-​Dipartiment tat-​Traduzzjoni, u nżomm ruħi okkupata wkoll fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. Sħabi u t-​tfal u n-​neputijiet spiritwali tiegħi jġibuli ferħ bla heda.

Il-bieb tal-​kamra tiegħi f’Betel għadu jkun miftuħ, u jkolli ħafna wħud li jiġu jżuruni spiss. Fil-​fatt, meta l-​bieb tiegħi jkun magħluq, spiss ikun hemm min iħabbatli biex jara xi ġrali. Sakemm għadni nieħu n-​nifs, jien se nibqaʼ determinata li nwettaq il-​ministeru tiegħi u li naqdi lill-​Alla tiegħi, Ġeħova.​—2 Timotju 4:5.

[Noti taʼ taħt]

a Dak iż-​żmien, il-​parti tal-​lvant tal-​gżira kienet maqsuma, il-​Papwa fin-​nofsinhar u l-​Ginea Ġdida fit-​tramuntana. Illum, il-​parti tal-​punent tal-​gżira tissejjaħ il-​Papwa, parti mill-​Indoneżja, u l-​parti tal-​lvant tissejjaħ il-​Papwa Ginea Ġdida.

b Ara The Watchtower taʼ l-​1 taʼ Ġunju, 1958, paġni 333-​6, għall-​bijografija taʼ John Cutforth.

[Mapep f’paġna 18]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)

GINEA ĠDIDA

AWSTRALJA

Sydney

INDONESJA

PAPWA GINEA ĠDIDA

Talidig

Madang

PORT MORESBY

NEW BRITAIN

Rabaul

Vunabal

Wide Bay

Waterfall Bay

[Sors]

Mappa u globu: Based on NASA/Visible Earth imagery

[Stampa f’paġna 17]

Maʼ John fil-​konvenzjoni f’Lae, il-​Ginea Ġdida, fl-​1973

[Stampa f’paġna 20]

Fil-​fergħa tal-​Papwa Ginea Ġdida, 2002

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja