“Ir-Rigal il-Kbir” għall-Polonja
FIS-6 taʼ Lulju, 1525, id-Duka Albrecht taʼ Hohenzollern iddikjara l-Luteraniżmu bħala r-reliġjon taʼ l-Istat. Għalhekk, il-Prussja Dukali, li dak iż-żmien kienet taħt il-ħakma tas-saltna tal-Polonja, saret l-ewwel stat fl-Ewropa li adottat uffiċjalment it-tagħlim taʼ Luteru.
Albrecht ried jagħmel lil Königsberg—il-belt kapitali tal-Prussja tal-Lvant—ċentru kulturali Protestant. Hu stabbilixxa università fil-belt u ffinanzja l-istampar tal-kitbiet Luterani b’diversi lingwi. Ukoll, fl-1544 id-duka ħareġ digriet li l-poplu Pollakk li kien jgħix fl-artijiet taħt il-ħakma tiegħu kellu jismaʼ qari taʼ siltiet mill-Iskrittura Mqaddsa bil-lingwa tiegħu. Madankollu, l-ebda traduzzjoni tal-Bibbja ma kienet għadha disponibbli bil-Pollakk.
Traduzzjoni “bil-Lingwa Komuni”
Sabiex jirranġa s-sitwazzjoni, Albrecht beda jfittex lil xi ħadd li kien kapaċi jipproduċi traduzzjoni bil-Pollakk taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana. Madwar is-sena 1550, hu qabbad lil Jan Seklucjan li kien kittieb, bejjiegħ tal-kotba, u stampatur. Seklucjan kien iggradwa mill-Università taʼ Leipzig u kien magħruf għal kemm kien jirrita l-Knisja Kattolika billi jxerred tagħlim Protestant. Fil-fatt, ftit żmien qabel, hu kien mar Königsberg biex jaħrab milli jiġi akkużat fil-qorti li hu kien xerred it-tagħlim reliġjuż tiegħu.
Jan Seklucjan kien ħerqan biex jipproduċi traduzzjoni bil-Pollakk taʼ l-Iskrittura. Sena biss wara li Seklucjan ġie inkarigat, ġew stampati l-ewwel kopji taʼ l-Evanġelju taʼ Mattew. Din l-edizzjoni kienet tinkludi kummentarju dettaljat u noti marġinali sabiex jgħinu lill-qarrej u li pprovdew traduzzjonijiet alternattivi possibbli għal xi siltiet. Ftit wara, Seklucjan ħa ħsieb l-istampar t’edizzjoni li inkludiet l-erbaʼ Evanġelji. Fi żmien tliet snin biss, hu kien stampa l-Iskrittura Griega Kristjana kollha kemm hi.
Sabiex jipproduċi traduzzjoni eżatta, it-traduttur kien ikkonsulta t-testi Griegi. Iktar minn hekk, id-daħla taʼ l-edizzjoni taʼ l-1551 kienet tgħid li “ġew konsultati [traduzzjonijiet bil-Latin] u traduzzjonijiet b’xi lingwi oħrajn.” Stanisław Rospond, awtur taʼ Studies on the Polish Language of the 16th Century, jiddeskrivi din it-traduzzjoni bħala li kienet miktuba bi “proża sabiħa u fluwenti.” It-traduttur ma kienx marbut bil-“lingwa letterarja,” jgħid Rospond. Minflok, hu stinka biex juża kliem bil-Pollakk li kien “jixbah ħafna lil-lingwa komuni.”
Għalkemm Seklucjan mexxa dan il-proġett, l-evidenza tindika li hu ma kienx it-traduttur. Allura, min kien l-istudjuż li għamel it-traduzzjoni? Stanisław Murzynowski, raġel li x’aktarx kellu xi 23 sena meta Seklucjan inkarigah biex jagħmel din il-biċċa xogħol diffiċli.
Murzynowski twieled f’raħal, iżda meta kien kbir biżżejjed, missieru bagħtu Königsberg biex jibda jistudja l-Grieg u l-Ebrajk. Imbagħad, Murzynowski nkiteb fl-Università taʼ Wittenberg, il-Ġermanja, fejn x’aktarx li ltaqaʼ maʼ Luteru. L-istudent żagħżugħ attenda lezzjonijiet mogħtijin minn Philipp Melanchthon, li bla dubju għenu jitgħallem kemm il-Grieg kif ukoll l-Ebrajk. Wara li kompla l-istudji tiegħu fl-Italja, Murzynowski mar lura Königsberg u offra s-servizzi tiegħu lid-Duka Albrecht.
“Murzynowski kien bieżel u effettiv f’xogħlu,” kitbet Maria Kossowska fil-ktieb tagħha The Bible in the Polish Language, “iżda hu ma ġibidx l-attenzjoni lejh innifsu, ma kienx isus wara xi pożizzjoni prominenti, jew ma kienx jitlob li ismu jitpoġġa fuq il-paġna tat-titlu tat-traduzzjoni.” Tabilħaqq, dan ir-raġel żagħżugħ kiteb hekk dwar l-abbiltajiet persunali tiegħu: “Jien la nikteb tajjeb bil-Latin u lanqas bil-Pollakk.” Minkejja d-dubji tiegħu, Murzynowski kellu rwol importanti f’li jagħmel il-Kelma t’Alla disponibbli għall-poplu Pollakk. Sieħbu Seklucjan iddeskriva t-traduzzjoni li pproduċew huma bħala “r-rigal il-kbir” għall-Polonja.
Wieħed mill-Akbar Rigali
Mindu kien hemm din l-ewwel traduzzjoni tal-Bibbja bil-Pollakk, saru ħafna oħrajn warajha. Fl-1994 ħarġet in-New World Translation of the Christian Greek Scriptures, u fl-1997, in-New World Translation of the Holy Scriptures kompluta bil-Pollakk. It-tradutturi, li ma jiġbdux l-attenzjoni lejhom infushom, stinkaw biex iwasslu l-Kelma t’Alla b’mod li mhux biss huwa preċiż iżda huwa wkoll qrib il-lingwa komuni taʼ llum, mhux dik tas-seklu sittax.
Illum, il-Bibbja hija disponibbli kollha kemm hi jew parti minnha b’madwar 2,400 lingwa. Jekk int tistaʼ tikseb traduzzjoni eżatta tal-Kelma t’Alla bil-lingwa tiegħek, int tkun ksibt wieħed mill-akbar rigali li qatt tistaʼ tirċievi, rigal mingħand Alla Ġeħova biex tkun taʼ gwida għalik.—2 Timotju 3:15-17.
[Stampa f’paġna 20]
Il-lapida taʼ Stanisław Murzynowski, traduttur tat-“Testment il-Ġdid” bil-Pollakk
[Stampa f’paġna 21]
Kapitlu 3 tal-ktieb taʼ Mattew tradott minn Stanisław Murzynowski
[Sors]
Dzięki uprzejmości Towarzystwa Naukowego Płockiego