Ġeħova Jħobb il-Ġustizzja
“Jien hu l-Mulej, li nħobb [“il-ġustizzja,” “NW”].”—ISAIJA 61:8.
1, 2. (a) Xi jfissru l-kliem “ġustizzja” u “inġustizzja”? (b) Il-Bibbja x’tgħid dwar Ġeħova u l-kwalità tiegħu tal-ġustizzja?
IL-ĠUSTIZZJA hija spjegata bħala ‘l-kwalità li wieħed ikun imparzjali, ġust, jaġixxi fi qbil maʼ dak li hu moralment dritt u tajjeb.’ L-inġustizzja tinvolvi li wieħed ma jimxix sew, ikun preġudikat, ħażin, iweġġaʼ lil oħrajn mingħajr ma jistħoqqilhom.
2 Kważi 3,500 sena ilu, Mosè kiteb dwar is-Sovran Universali, Ġeħova: “Ilkoll ġusti t-triqat tiegħu. Alla taʼ kelmtu u ma jqarraqx.” (Dewteronomju 32:4) Iktar minn sebaʼ sekli wara, Alla ispira lil Isaija biex iniżżel bil-miktub dan il-kliem: “Jien hu l-Mulej, li nħobb [“il-ġustizzja,” NW].” (Isaija 61:8) Imbagħad, fl-ewwel seklu, Pawlu esklama: “Alla hu inġust? Jalla qatt ma jiġri dan!” (Rumani 9:14) U fl-istess seklu, Pietru ddikjara: “Alla mhux parzjali, imma f’kull ġens min jibżaʼ minnu u jagħmel is-sewwa hu aċċettat minnu.” (Atti 10:34, 35) Iva, “il-Mulej iħobb is-sewwa,” jew il-“ġustizzja” (NW).—Salm 37:28; Malakija 3:6.
L-Inġustizzja Tinfirex
3. Kif bdiet l-inġustizzja fuq l-art?
3 Il-ġustizzja ma tantx issibha llum. Aħna nsiru vittmi t’għemejjel inġusti fi kwalunkwe livell tas-soċjetà—fuq il-post tax-xogħol, fl-iskola, fil-kuntatt li jkollna maʼ dawk fl-awtorità, u b’modi oħrajn—saħansitra fil-familja. M’għandniex xi ngħidu, dawn l-inġustizzji m’humiex ġodda. Il-familja umana bdiet iġġarrabhom minn meta l-ewwel ġenituri tagħna rribellaw u saru bla liġi, billi ġew imqanqlin mill-ħliqa spirtu ribelluż li sar magħruf bħala Satana x-Xitan. Żgur li ma kienx ġust li Adam, Eva, u Satana użaw ħażin l-għotja meraviljuża tagħhom tal-libertà taʼ l-għażla li kien tahom Ġeħova. L-għemejjel ħżiena tagħhom irriżultaw fi tbatija tassew kbira u fil-mewt tal-familja umana kollha.—Ġenesi 3:1-6; Rumani 5:12; Ebrej 2:14.
4. L-inġustizzja kemm ilha tagħmel parti mill-istorja umana?
4 Għal iktar minn 6,000 sena minn meta seħħet ir-ribelljoni fl-Għeden, l-inġustizzja minn dejjem kienet parti mis-soċjetà umana. Dan tistaʼ tistennieh ladarba Satana huwa l-alla taʼ din id-dinja. (2 Korintin 4:4) Hu giddieb u missier il-gidba, wieħed li jimmalafama u jirreżisti lil Ġeħova. (Ġwanni 8:44) Hu minn dejjem wettaq inġustizzji tassew kbar. Per eżempju, sa ċertu punt minħabba l-influwenza mill-agħar taʼ Satana qabel id-Dilluvju taʼ żmien Noè, Alla nnota li “l-ħażen tal-bnedmin kien kiber fuq l-art; u f’qalbu ma kienx għajr li jfassal il-ħażen il-jum kollu.” (Ġenesi 6:5) Din is-sitwazzjoni kienet għadha teżisti maʼ kullimkien fi żmien Ġesù. Hu qal: “Biżżejjed għal kull ġurnata l-ħażen tagħha,” jiġifieri l-problemi inkwetanti tagħha, bħall-inġustizzja. (Mattew 6:34) Il-Bibbja tgħid b’tant eżattezza: “S’issa l-ħolqien kollu għadu jokrob u jħoss l-uġigħ flimkien.”—Rumani 8:22.
5. Għala hawn iktar inġustizzji fi żmienna minn qatt qabel?
5 Għalhekk, l-affarijiet ħżiena li jirriżultaw f’inġustizzji kbar ilhom iseħħu tul l-istorja umana. Issa s-sitwazzjoni hija agħar milli qatt kienet. Għala? Għaliex is-sistema preżenti li tiċħad lil Alla ilha “fl-aħħar jiem” tagħha għal ħafna snin, u qed tesperjenza “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom” hekk kif qed toqrob lejn tmiemha. Il-Bibbja bassret li matul dan il-perijodu fl-istorja, in-nies kellhom ikunu “jħobbu lilhom infushom, iħobbu l-flus, minfuħin bihom infushom, suppervi, midgħija . . . ingrati, żleali, mingħajr imħabba naturali, ma jkunux iridu jiftiehmu, kalunnjaturi, mingħajr rażna, feroċi, mingħajr imħabba għat-tajjeb, tradituri, rashom iebsa, imkabbrin.” (2 Timotju 3:1-5) Drawwiet ħżiena bħal dawn iwasslu għal kull tip taʼ inġustizzja.
6, 7. Liema inġustizzji nikktu lill-familja umana fi żmienna?
6 F’dawn l-aħħar mitt sena rajna inġustizzji fuq skala li qatt m’eżistiet qabel. Raġuni waħda hi li f’dawn is-snin kien hawn iktar gwerer minn qatt qabel. Per eżempju, xi studjużi taʼ l-istorja jistmaw li fit-tieni gwerra dinjija biss, kien hemm total taʼ xi 50 miljun sa 60 miljun ruħ li ġew maqtulin. Il-biċċa l-kbira minnhom kienu pajżana—irġiel, nisa, u tfal innoċenti. Minn meta ntemmet dik il-gwerra, miljuni oħrajn inqatlu fi ġlied ieħor, u għal darb’oħra l-maġġuranza kienu nies pajżana. Satana jinkuraġġixxi l-inġustizzji għaliex jinsab inkorlat, minħabba li jaf li dalwaqt Ġeħova se jirbaħlu għalkollox. Il-profezija tal-Bibbja tpoġġiha b’dan il-mod: “Ix-Xitan niżel għandkom u għandu rabja kbira, għax jaf li żmien qasir baqagħlu.”—Rivelazzjoni 12:12.
7 Globalment jintefqu madwar Lm330 biljun fil-militar kull sena. Mijiet taʼ miljuni taʼ nies m’għandhomx il-bżonnijiet tal-ħajja, allura immaġina kemm jistgħu jagħmlu ġid dawk il-flus li kieku jintefqu għal skopijiet paċifiċi. Xi biljun ruħ m’għandhomx biżżejjed ikel, waqt li oħrajn għandhom bl-abbundanza. Skond sors tal-Ġnus Magħquda, kull sena xi ħames miljun tifel u tifla jmutu minħabba l-effetti tal-ġuħ. X’inġustizzja! Ukoll, ikkunsidra l-ħafna trabi innoċenti li jinqatlu permezz taʼ l-abort. Il-kalkoli jvarjaw minn 40 miljun sa 60 miljun madwar id-dinja kull sena! X’inġustizzja tal-biżaʼ!
8. B’liema mod uniku tistaʼ tinġieb ġustizzja vera għall-umanità?
8 Il-ħakkiema umani m’humiex qed isibu soluzzjonijiet għall-problemi kbar li qed iħabbtu lill-umanità llum; lanqas ma se titjieb is-sitwazzjoni bl-isforzi tal-bniedem. Il-Kelma t’Alla bassret li fi żmienna “n-nies mill-agħar u l-impusturi jibqgħu sejrin mill-ħażin għall-agħar, iqarrqu u jitqarrqu.” (2 Timotju 3:13) L-inġustizzja tant hi parti integrali mill-ħajja taʼ kuljum li l-bniedem ma jistax ineħħiha. L-Alla tal-ġustizzja biss jistaʼ jneħħiha. Hu biss jistaʼ jneħħi lil Satana, lid-demonji, u lill-bnedmin mill-agħar.—Ġeremija 10:23, 24.
Huwa Raġunevoli li Xi Wħud Jinkwetaw
9, 10. Asaf għala beda jaqtaʼ qalbu?
9 Fil-passat, anki xi kittieba tal-Bibbja kienu jinkwetaw dwar għala Alla ma kienx diġà ħa passi fl-affarijiet tal-bniedem u ma ġabx il-ġustizzja vera u s-sewwa. Ejja nieħdu, per eżempju, bniedem partikulari li għex fiż-żminijiet Bibliċi. L-ewwel vers (jew is-sopraskrizzjoni fin-NW) taʼ Salm 73 jagħti l-isem t’Asaf, li jirreferi jew għal mużiċist Levita prominenti matul il-ħakma tas-Sultan David jew għall-mużiċisti tad-dar li tagħha Asaf kien kap tad-dar paterna. Asaf u d-dixxendenti tiegħu kitbu ħafna kompożizzjonijiet mużikali li ntużaw fil-qima pubblika. Madankollu, f’ċertu perijodu taʼ ħajtu, il-kittieb taʼ dan is-salm beda jħossu mnikket spiritwalment. Hu ra l-prosperità materjali taʼ l-irġiel mill-agħar, u nnota li spiss kienu jidhru kuntenti b’ħajjithom, mingħajr ma kienu qed jesperjenzaw konsegwenzi ħżiena.
10 Hemmhekk naqraw: “Ġietni l-għira għall-kburin, xħin rajt il-ħżiena jimxu ’l quddiem. Għax dawn ma għandhom ebda tbatija, qawwijin u sħaħ f’ġisimhom. M’għandhomx taħbit bħall-bnedmin tad-dinja; m’humiex imsawwtin maʼ wlied Adam.” (Salm 73:2-8) Imma maż-żmien dan il-kittieb tal-Bibbja rrealizza li ħarsa negattiva bħal din kienet żbaljata. (Salm 73:15, 16) Is-salmista pprova jirranġa l-ħsieb tiegħu, imma hu ma setax jifhem għalkollox għala l-ħżiena dehru li kienu qed jaħarbu mill-kastig waqt li dawk li kellhom attitudni xierqa spiss kienu jbatu.
11. X’fehem is-salmista Asaf?
11 Maż-żmien, dan ir-raġel leali tal-qedem fehem x’kien hemm merfugħ għall-ħżiena—li fl-aħħar mill-aħħar Ġeħova kien se jirranġa l-kwistjoni. (Salm 73:17-19) David kiteb: “Ittama fil-Mulej u ħares triqtu, hu jerfgħek biex tikseb l-art; mbagħad tara l-ħżiena meqruda.”—Salm 37:9, 11, 34.
12. (a) X’inhu l-iskop taʼ Ġeħova dwar il-ħażen u l-inġustizzji? (b) Kif tħossok dwar is-soluzzjoni tal-problema taʼ l-inġustizzja?
12 Mingħajr ebda dubju, l-iskop taʼ Ġeħova huwa li fiż-żmien xieraq jelimina l-ħażen mill-art u l-inġustizzji li dan iġib miegħu. Anki l-Kristjani leali għandhom jiftakru dwar dan il-fatt regolarment. Ġeħova se jneħħi lil dawk li jmorru kontra r-rieda tiegħu, u hu se jippremja lil dawk li jgħixu fi qbil magħha. “Għajnejh fuq il-bnedmin jitfaʼ, bi xfar għajnejh jiflihom. Jgħarbel il-Mulej il-ġust u l-ħażin; hu jobgħod ’il min iħobb id-dnewwa. Xita taʼ ġamar u kubrit jitfaʼ fuq il-ħżiena; riħ jikwi . . . Għax ġust hu l-Mulej, u jħobb il-ġustizzja; wiċċu jdawwar lejn min hu sewwa.”—Salm 11:4-7.
Dinja Ġdida taʼ Ġustizzja
13, 14. Is-sewwa u l-ġustizzja għala se jirrenjaw fid-dinja l-ġdida?
13 Meta Ġeħova jeqred lil din is-sistema inġusta fil-kontroll taʼ Satana, Hu se jġib dinja ġdida glorjuża. Din se tkun kontrollata mis-Saltna tas-sema t’Alla, li Ġesù għallem lis-segwaċi tiegħu biex jitolbu għaliha. Minflok il-ħażen u l-inġustizzji se jkun hawn is-sewwa u l-ġustizzja, għaliex imbagħad se tiġi mwieġba għalkollox it-talba: “Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-sema, ukoll fuq l-art.”—Mattew 6:10.
14 Il-Bibbja tgħidilna liema tip taʼ ħakma nistgħu nistennew, ħakma li kulmin hu rett issa qed jixxennaq għaliha. Salm 145:16 imbagħad se jitwettaq għalkollox: “Int [Alla Ġeħova] tiftaħ idek, u xxabbaʼ ’l kulħadd bil-ġid.” Iktar minn hekk, Isaija 32:1 jgħid: “Araw, sultan [Ġesù Kristu fis-sema] għad isaltan bil-ġustizzja, u prinċpijiet [ir-rappreżentanti taʼ Kristu fuq l-art] jaħkmu bis-sewwa.” Dwar is-Sultan Ġesù Kristu, Isaija 9:6 (9:7, NW) ibassar: “Kbira tkun setegħtu, u s-sliem bla qjies fuq it-tron taʼ David u s-saltna tiegħu. Hu jwettaqha u jsaħħaħha bil-ħaqq u s-sewwa, minn issa u għal dejjem. [“L-istess żelu taʼ Ġeħova taʼ l-armati se jagħmel dan,” NW].” Tistaʼ tara lilek innifsek tgħix taħt ħakma bħal din?
15. Ġeħova x’se jagħmel għall-umanità fid-dinja l-ġdida?
15 Fid-dinja l-ġdida t’Alla, mhux se jibqaʼ jkollna għalxiex nesprimu l-kliem li nsibu f’Koħèlet 4:1: “Mbagħad dort biex nara l-moħqrijiet kollha li jsiru taħt ix-xemx. Rajt il-maħqurin jibku bla ma għandhom min ifarraġhom; rajt il-qawwa li biha jaħqruhom u li ma hemmx min ifarraġhom.” Huwa minnu li bil-moħħ imperfett tagħna, huwa diffiċli nimmaġinaw sempliċement kemm se tkun meraviljuża dik id-dinja ġdida tas-sewwa. Il-ħażen mhux se jkun iktar; minflok, kull jum se jkun mimli b’affarijiet tajbin. Iva, Ġeħova se jikkoreġi kulma hu ħażin, u se jagħmel dan b’mod li ma nistgħux nimmaġinawh. Kemm hu xieraq li Alla Ġeħova ispira lill-appostlu Pietru biex jikteb: “Hemm smewwiet ġodda u art ġdida li aħna qed nistennew skond il-wegħda tiegħu, u f’dawn tgħammar il-ġustizzja”!—2 Pietru 3:13.
16. Is-“smewwiet ġodda” kif ġew stabbiliti, u l-“art ġdida” f’liema sens qed tiġi stabbilita llum?
16 Tabilħaqq, is-“smewwiet ġodda,” il-gvern tas-sema t’Alla f’idejn Kristu, diġà ġew stabbiliti. Dawk li se jifformaw il-qalba taʼ “l-art ġdida,” soċjetà fuq l-art taʼ wħud b’attitudni tajba, qed jinġabru matul dawn l-aħħar jiem. Diġà hemm kważi sebaʼ miljuni, f’minn taʼ l-inqas 235 pajjiż u f’xi 100,000 kongregazzjoni. Dawn il-miljuni qed jitgħallmu l-mogħdijiet sewwa u ġusti taʼ Ġeħova, u b’riżultat taʼ dan, madwar id-dinja huma jgawdu l-unità li hija ssodata bl-imħabba Kristjana. L-unità tagħhom hija l-iktar waħda li tispikka u dejjiema li qatt eżistiet fl-istorja tad-dinja, unità li tisboq kwalunkwe ħaġa li jesperjenzaw is-sudditi taʼ Satana. Imħabba u unità bħal dawn huma dehra bil-quddiem taż-żmien meraviljuż li se jkun hemm fid-dinja l-ġdida t’Alla, li se tkun immexxija mis-sewwa u l-ġustizzja.—Isaija 2:2-4; Ġwanni 13:34, 35; Kolossin 3:14.
L-Attakk taʼ Satana Se Jfalli
17. L-attakk finali taʼ Satana fuq il-poplu taʼ Ġeħova għala se jfalli żgur?
17 Satana u s-segwaċi tiegħu dalwaqt se jiħduha kontra l-aduraturi taʼ Ġeħova biex jipprovaw jeliminawhom. (Eżekjel 38:14-23) Dan l-attakk se jkun parti minn dik li Ġesù sejħilha “tribulazzjoni kbira li qatt ma kien hawn bħalha mill-bidu tad-dinja s’issa, le, lanqas jerġaʼ jkun hawn.” (Mattew 24:21) Se jirnexxi l-attakk taʼ Satana? Le. Il-Kelma t’Alla tiżgurana: “Il-Mulej iħobb is-sewwa [“il-ġustizzja,” NW], u ma jitlaqx it-twajbin tiegħu; hu jħarishom għal dejjem, imma wlied il-ħżiena jeqridhom. Il-ġusti jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.”—Salm 37:28, 29.
18. (a) Alla kif se jirreaġixxi għall-attakk li Satana se jagħmel dalwaqt fuq il-poplu Tiegħu? (b) Għala kien taʼ ġid għalik li tirrivedi din l-informazzjoni bbażata fuq il-Bibbja dwar ir-rebħa tal-ġustizzja?
18 L-attakk minn Satana u l-qtajjaʼ tiegħu fuq il-qaddejja taʼ Ġeħova se jkun l-aħħar insult. Ġeħova bassar permezz taʼ Żakkarija: ‘Min imiss lilkom imiss il-mimmi taʼ għajnejja.’ (Żakkarija 2:12 [2:8, NW]) Hu bħallikieku xi ħadd qed idaħħal sebgħu f’għajn Ġeħova. Hu se jirreaġixxi mill-ewwel u se jelimina lil dawk li jwettqu dan l-għemil. Il-qaddejja taʼ Ġeħova huma l-iktar poplu fuq l-art li juri mħabba, iżomm l-unità, paċifiku, u jobdi l-liġi. Allura, dan l-attakk kontrih se jkun assolutament mhux mistħoqq u inġust. Il-Wieħed li tassew “iħobb il-ġustizzja” (NW) mhux se jittollerah. Meta jaġixxi għan-nom tal-poplu tiegħu hu se jeqred għal dejjem l-għedewwa tal-poplu tiegħu, se tirbaħ il-ġustizzja, u se jiġu salvati biss dawk li jqimu lill-uniku Alla veru. Xi ġrajjiet taʼ l-għaġeb u eċċitanti jinsabu eżatt quddiemna!—Proverbji 2:21, 22.
Int Kif Twieġeb?
• Għala teżisti ħafna inġustizzja?
• Ġeħova kif se jsolvi l-problema taʼ l-inġustizzja fuq l-art?
• X’laqtek f’dan l-istudju dwar ir-rebħa tal-ġustizzja?
[Stampa f’paġna 23]
Kien hemm ħafna ħażen qabel id-Dilluvju, u hawn ħafna ħażen f’dawn l-“aħħar jiem”
[Stampa f’paġna 24]
Fid-dinja l-ġdida t’Alla, il-ġustizzja u s-sewwa se jieħdu post il-ħażen