LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 9/1 pp. 4-7
  • “Inkiteb għall-Istruzzjoni Tagħna”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Inkiteb għall-Istruzzjoni Tagħna”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Rigward l-​Awtur
  • Ħadet l-​Iskrittura Griega Post l-​Iskrittura Ebrajka?
  • Pariri għall-​Ħajja taʼ Kuljum
  • Tama għall-​Futur
  • Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jemmnu fit-Testment il-Qadim?
    Mistoqsijiet Komuni dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova
  • Dwar Xiex Inhi l-Bibbja?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 9/1 pp. 4-7

“Inkiteb għall-​Istruzzjoni Tagħna”

“IL-​KOTBA joktru bla heda.” (Koħèlet 12:12) L-​ammont kbir taʼ informazzjoni stampata li hija disponibbli llum turi li dan il-​kliem huwa minnu llum daqskemm kien minnu meta nkiteb. Mela, kif jistaʼ qarrej selettiv jiddeċiedi x’jistħoqqlu jingħata l-​attenzjoni tiegħu?

Ħafna qarrejja, meta jkunu qed jaħsbu dwar xi ktieb li għandhom mnejn jaqraw, ikunu jridu jafu xi ħaġa dwar l-​awtur. Dawk li jippubblikaw il-​kotba forsi jdaħħlu paragrafu żgħir li jsemmi l-​isem tal-​pajjiż minfejn ġej l-​awtur, il-​kredenzjali akkademiċi tiegħu, u lista tax-​xogħlijiet tiegħu li jkunu ġew pubblikati. L-​identità tal-​kittieb hija importanti bħalma nistgħu naraw mill-​fatt li xi sekli qabel, l-​awturi nisa spiss kienu jużaw isem fittizju taʼ raġel ħalli dawk li jkunu se jaqraw il-​ktieb ma jiġġudikawhx bħala li hu inferjuri sempliċement minħabba li kitbitu mara.

B’sogħba, bħalma nnotajna fl-​artiklu taʼ qabel, xi wħud jinjoraw l-​Iskrittura Ebrajka minħabba li jemmnu li l-​Alla deskritt fiha huwa alla aħrax li jeqred lill-​għedewwa tiegħu mingħajr ħniena.a Ejja nikkunsidraw x’jgħidulna l-​Iskrittura Ebrajka u l-​Iskrittura Griega Kristjana dwar l-​Awtur tal-​Bibbja.

Rigward l-​Awtur

Skond l-​Iskrittura Ebrajka, Alla qal lill-​ġens taʼ Iżrael: “Jien, il-​Mulej, ma tbiddiltx.” (Malakija 3:6) Xi 500 sena wara, Ġakbu, il-​kittieb tal-​Bibbja, kiteb dwar Alla: “Hu ma jinbidilx u m’huwiex bħal dell li jiċċaqlaq.” (Ġakbu 1:​17) Mela, għala xi wħud iħossu li l-​Alla kif inhu deskritt fl-​Iskrittura Ebrajka huwa differenti mill-​Alla taʼ l-​Iskrittura Griega Kristjana?

It-tweġiba hi li f’partijiet differenti tal-​Bibbja niġu murijin partijiet differenti tal-​personalità t’Alla. Dan nistgħu narawh anki minn ktieb wieħed biss, il-​ktieb tal-​Ġenesi, fejn hu deskritt bħala li “sewwed qalbu,” bħala “El-għeljon, li għamel is-​sema u l-​art,” u bħala “l-​imħallef taʼ l-​art kollha.” (Ġenesi 6:6; 14:22; 18:25) Qegħdin dawn id-​deskrizzjonijiet differenti jirreferu għall-​istess Alla? Dażgur li iva.

Biex nagħtu eżempju: Imħallef lokali jistaʼ jkun l-​iktar magħruf maʼ dawk li ffaċċjawh fil-​qorti bħala individwu li hu sod f’li jinforza l-​liġi. Mill-​banda l-​oħra, uliedu għandhom mnejn iħarsu lejh bħala l-​missier kollu mħabba u ġeneruż li hu. Il-​ħbieb tal-​qalb tiegħu għandhom mnejn iħossu li hu raġel dħuli u li jħobb jiċċajta. L-​imħallef, il-​missier, u l-​ħabib huma lkoll l-​istess persuna. Huma sempliċement aspetti differenti tal-​personalità tiegħu li jidhru f’ċirkustanzi differenti.

B’mod simili, l-​Iskrittura Ebrajka tiddeskrivi lil Ġeħova bħala “Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-​tjieba u l-​fedeltà.” Però, aħna nitgħallmu wkoll li “ma jħalli xejn għaddej.” (Eżodu 34:​6, 7) Dawn iż-​żewġ aspetti jirriflettu t-​tifsira taʼ l-​isem t’Alla. “Ġeħova” jfisser letteralment “Hu Jġiegħel li Jsir.” Jiġifieri, Alla jsir kulma hemm bżonn sabiex iwettaq il-​wegħdi tiegħu. (Eżodu 3:​13-​15) Imma hu jibqaʼ l-​istess Alla. Ġesù qal: “Ġeħova Alla tagħna hu Ġeħova wieħed.”​—Marku 12:29.

Ħadet l-​Iskrittura Griega Post l-​Iskrittura Ebrajka?

Illum, spiss il-​kotba taʼ referenza jinbidlu meta ssir disponibbli riċerka ġdida jew meta tinbidel l-​opinjoni popolari. Ħadet l-​Iskrittura Griega Kristjana post l-​Iskrittura Ebrajka b’dan il-​mod? Le.

Kieku Ġesù ried li r-​rakkont miktub tal-​ministeru tiegħu u l-​kitbiet tad-​dixxipli tiegħu jieħdu post l-​Iskrittura Ebrajka, hu żgur kien se juri dan b’mod ċar. Madankollu, ir-​rakkont taʼ Luqa jgħid rigward Ġesù qabel ma telaʼ s-​sema: “Beda minn Mosè u l-​Profeti kollha [fl-Iskrittura Ebrajka] ifissrilhom [lil tnejn mid-​dixxipli tiegħu] dak li kien hemm miktub fuqu fl-​Iskrittura kollha.” Iktar tard, Ġesù deher lill-​appostli leali tiegħu u lil oħrajn. Ir-​rakkont ikompli: “Imbagħad qalilhom: ‘Dan hu l-​kliem li għedtilkom waqt li kont għadni magħkom, li kulma hemm miktub dwari fil-​liġi taʼ Mosè u fil-​Profeti u fis-​Salmi jrid jitwettaq.’” (Luqa 24:​27, 44) Ġesù għala kien għadu qed juża l-​Iskrittura Ebrajka fl-​aħħar tal-​ministeru tiegħu fuq l-​art jekk din ma kinitx għadha valida?

Wara li l-​kongregazzjoni Kristjana ġiet stabbilita, is-​segwaċi taʼ Ġesù komplew jużaw l-​Iskrittura Ebrajka biex jagħmlu enfasi fuq profeziji li kienu għadhom iridu jitwettqu, fuq prinċipji mil-​Liġi Mosajka li kienu jgħallmu lezzjonijiet taʼ valur, u dwar rakkonti taʼ qaddejja tal-​qedem t’Alla li l-​eżempji mill-​aqwa tagħhom jinkuraġġixxu lill-​Kristjani biex jibqgħu leali. (Atti 2:​16-​21; 1 Korintin 9:​9, 10; Ebrej 11:​1–​12:1) L-​appostlu Pawlu kiteb: “L-​Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla u tiswa.”b (2 Timotju 3:​16) Kif inhu li l-​Iskrittura Ebrajka hija taʼ benefiċċju llum?

Pariri għall-​Ħajja taʼ Kuljum

Ikkunsidra l-​problema taʼ llum tal-​preġudizzju razzjali. F’belt waħda fl-​Ewropa tal-​Lvant, raġel Etjopjan taʼ 21 sena jgħid: “Jekk inkunu rridu mmorru xi mkien, aħna jkollna norganizzaw grupp. Forsi jekk jarawna fi grupp ma jattakkawniex.” Hu jkompli jgħid: “Aħna ma nistgħux noħorġu wara s-​6 taʼ fil-​għaxija, speċjalment fl-​istazzjon tal-​ferrovija taħt l-​art. Meta n-​nies iħarsu lejna, huma jaraw biss il-​kulur tal-​ġilda tagħna.” Titkellem l-​Iskrittura Ebrajka dwar din il-​problema komplikata?

L-Iżraelin tal-​qedem intqalilhom: “Jekk jiġi jgħammar miegħek f’artek il-​barrani, la taħqrux. Ikun għalikom il-​barrani bħal wieħed taʼ ġewwa; ħobbu bħalek innifsek, għax barranin kontu fl-​art taʼ l-​Eġittu.” (Levitiku 19:​33, 34) Iva, f’Iżrael tal-​qedem din il-​liġi kienet teħtieġ mill-​Iżraelin li juru konsiderazzjoni lejn l-​emigranti, jew il-​“barranin,” u hija preservata fl-​Iskrittura Ebrajka. Ma taqbilx int li l-​prinċipji preservati f’din il-​liġi jistgħu jsolvu l-​problema tal-​preġudizzju razzjali llum?

Għalkemm ma tagħtix pariri finanzjarji fid-​dettall, l-​Iskrittura Ebrajka fiha gwida prattika għal mod għaqli kif timmaniġġa l-​flus. Per eżempju, fi Proverbji 22:7 naqraw: “Min jissellef jaqaʼ f’idejn min silfu.” Ħafna minn dawk li jagħtu pariri finanzjarji llum jaqblu li min jixtri bid-​dejn mingħajr għaqal jistaʼ jispiċċa f’rovina ekonomika.

Barra minn hekk, il-​ġiri wara r-​rikkezzi akkost taʼ kollox​—li hu tant komuni fid-​dinja materjalistika taʼ llum​—ġie deskritt bir-​reqqa minn wieħed mill-​iktar irġiel għonja fl-​istorja, is-​Sultan Salamun. Hu kiteb: “Min iħobb il-​flus ma jixbax bil-​flus, u min iħobb l-​għana ma jixbax bil-​qligħ. Dan ukoll hu frugħa.” (Koħèlet 5:​9 [5:​10, NW]) Xi twissija għaqlija!

Tama għall-​Futur

Il-​Bibbja kollha għandha tema waħda biss: Is-​Saltna f’idejn Ġesù Kristu hija l-​mezz li bih se tiġi vindikata s-​sovranità t’Alla u Ismu se jiġi mqaddes.​—Danjel 2:​44; Rivelazzjoni 11:15.

Permezz taʼ l-​Iskrittura Ebrajka, aħna nitgħallmu dettalji dwar il-​ħajja fis-​Saltna t’Alla li jfarrġuna u li jressquna eqreb lejn is-​Sors taʼ dak il-​faraġ, Alla Ġeħova. Per eżempju, il-​profeta Isaija bassar li kien se jkun hemm paċi bejn l-​annimali u l-​bnedmin: “Il-​lupu jibda jgħix mal-​ħaruf, il-​leopard mal-​gidi, u jirgħu flimkien l-​għoġol u ferħ l-​iljun, daqsxejn taʼ tfajjel isuqhom.” (Isaija 11:​6-8) Xi prospett mill-​isbaħ!

U xi ngħidu għal dawk li huma żvantaġġati minħabba preġudizzju razzjali jew etniku, mard serju, jew fatturi ekonomiċi li m’għandhomx kontroll fuqhom? L-​Iskrittura Ebrajka b’mod profetiku tgħid hekk dwar Kristu Ġesù: “Hu jeħles lill-​fqir li jsejjaħlu, u lill-​imsejken li m’għandux min jgħinu. Iħenn għad-​dgħajjef u għall-​fqajjar; il-​ħajja tal-​fqajrin isalva.” (Salm 72:​12, 13) Dawn il-​wegħdi huma prattiċi għaliex min ipoġġi fidi fihom ikun jistaʼ jiffaċċja l-​futur bit-​tama u bil-​fiduċja.​—Ebrej 11:6.

Mela mhux taʼ b’xejn li l-​appostlu Pawlu ġie ispirat biex jikteb: “Kulma nkiteb minn qabel inkiteb għall-​istruzzjoni tagħna, biex permezz tas-​sabar tagħna u permezz tal-​faraġ mill-​Iskrittura jkollna t-​tama”! (Rumani 15:4) Iva, l-​Iskrittura Ebrajka għadha parti essenzjali mill-​Kelma ispirata t’Alla, il-​Bibbja. Din hi tassew utli għalina llum. Nittamaw li int se tistinka biex titgħallem iktar dwar dak li tgħallem verament il-​Bibbja kollha, u b’hekk tersaq eqreb lejn l-​Awtur tagħha, Alla Ġeħova.​—Salm 119:​111, 112.

[Noti taʼ taħt]

a F’dan l-​artiklu, se nirreferu għat-​Testment il-​Qadim bħala l-​Iskrittura Ebrajka. (Ara lkaxxa “It-​Testment il-​Qadim jew l-​Iskrittura Ebrajka?” f’paġna 6.) B’mod simili, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova ġeneralment jirreferu għat-​Testment il-​Ġdid bħala l-​Iskrittura Griega Kristjana.

b L-Iskrittura Ebrajka fiha ħafna prinċipji taʼ valur kbir għal-​lum. Madankollu, taʼ min jinnota li l-​Kristjani m’humiex taħt il-​Liġi li Alla ta lill-​ġens taʼ Iżrael permezz taʼ Mosè.

[Kaxxa f’paġna 6]

IT-​TESTMENT IL-​QADIM JEW L-​ISKRITTURA EBRAJKA?

L-​espressjoni “t-​testment il-​qadim” tinsab fit-​2 Korintin 3:​14 fil-​King James Version. F’din it-​traduzzjoni, it-​“testment” jirrappreżenta l-​kelma Griega dijateke. Madankollu, ħafna traduzzjonijiet moderni, bħan-​New International Version, jittraduċu dijateke bħala “patt” minflok “testment.” Għala?

Il-​lessikografu Edward Robinson jgħid: “Ladarba fil-​kotba li kiteb Mosè nsibu l-​patt tal-​qedem, [dijateke] titpoġġa għall-​ktieb tal-​patt, il-​kitbiet taʼ Mosè, jiġifieri l-​liġi.” Fit-​2 Korintin 3:​14, l-​appostlu Pawlu kien qed jirreferi għal-​Liġi Mosajka, li hija biss parti mill-​Iskrittura taʼ qabel il-​Kristjanità.

Mela, allura liema hu l-​iktar terminu xieraq għall-​ewwel 39 ktieb tal-​Bibbja Mqaddsa? Minflok ma implikaw li din il-​parti tal-​Bibbja ma kinitx valida jew li kienet qadima, Ġesù Kristu u s-​segwaċi tiegħu rreferew għal dawn il-​versi bħala “l-​Iskrittura” u “l-​Iskrittura Mqaddsa.” (Mattew 21:42; Rumani 1:2) Għalhekk, fi qbil maʼ dan il-​kliem ispirat, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jirreferu għat-​Testment il-​Qadim bħala l-​Iskrittura Ebrajka, minħabba li din il-​parti tal-​Bibbja kienet oriġinalment miktuba prinċipalment bl-​Ebrajk. B’mod simili, huma jirreferu għall-​hekk imsejjaħ Testment il-​Ġdid bħala l-​Iskrittura Griega, minħabba li ntużat il-​lingwa Griega minn irġiel li ġew ispirati minn Alla biex jiktbu din il-​parti tal-​Bibbja.

[Stampi f’paġna 4]

Raġel jistaʼ jkun magħruf bħala mħallef sod, missier li juri mħabba, u ħabib

[Stampa f’paġna 5]

Ġesù uża l-​Iskrittura Ebrajka tul il-​ministeru tiegħu

[Stampi f’paġna 7]

Liema prinċipji Bibliċi jistgħu jgħinu lil individwu jieħu deċiżjonijiet tajbin?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja