Għallem lil Uliedek Iħobbu lil Ġeħova
“Bħal vleġeġ f’id il-ġellied, hekk huma wlied iż-żgħożija.”—SALM 127:4.
1, 2. It-tfal kif inhuma bħal “vleġeġ f’id il-ġellied”?
WIEĦED arċier iħejji ruħu biex jispara vleġġa lejn oġġett speċifiku. Hu jpoġġiha bir-reqqa fil-korda tal-qaws, u b’muskoli milwijin hu jgħawweġ il-qaws tiegħu. Minkejja l-isforz li qed jagħmel, hu jieħu l-ħin biex jimmira l-vleġġa. Imbagħad jitlaqha. Se jolqtu l-oġġett li mmira lejh? Diversi affarijiet jiddeterminaw it-tweġiba, fosthom is-sengħa taʼ l-arċier, l-effett tar-riħ, u l-kundizzjoni tal-vleġġa.
2 Is-Sultan Salamun xebbah l-ulied maʼ “vleġeġ f’id il-ġellied.” (Salm 127:4) Ikkunsidra kif din it-tixbiha tistaʼ tiġi applikata. Arċier ikollu vleġġa fil-qaws tiegħu għal ħin relattivament qasir biss. Biex jolqot l-oġġett, hu jrid jitlaqha malajr. Bl-istess mod, il-ġenituri għandhom perijodu relattivament qasir biex jiżviluppaw f’uliedhom imħabba mill-qalb għal Ġeħova. Wara dawk li jidhru bħala biss ftit snin qosra, it-tfal jikbru u jitilqu mid-dar. (Mattew 19:5) Se jolqtuh l-oġġett—jiġifieri, it-tfal se jkomplu jħobbu u jaqdu lil Alla wara li jitilqu mid-dar? Diversi fatturi jeffettwaw it-tweġiba. Tlieta minnhom huma s-sengħa tal-ġenitur, l-ambjent li t-tfal jitrabbew fih, u l-mod kif il-‘vleġeġ,’ jew it-tfal, iwieġbu għat-taħriġ li jirċievu. Ejja neżaminaw kull wieħed minn dawn il-fatturi iktar bid-dettall. L-ewwel, se nikkunsidraw xi karatteristiki taʼ ġenitur tas-sengħa.
Ġenituri tas-Sengħa Jagħtu Eżempju Tajjeb
3. Għala l-kliem taʼ ġenitur irid ikun appoġġat mill-għemejjel?
3 Ġesù ħalla eżempju għall-ġenituri minħabba li hu pprattika dak li kien jgħallem. (Ġwanni 13:15) Mill-banda l-oħra, hu kkundanna lill-Fariżej, li kienu “jgħidu” imma “ma jagħmlux.” (Mattew 23:3) Sabiex iqanqlu lil uliedhom iħobbu lil Ġeħova, il-kliem u l-għemejjel tal-ġenituri jridu jappoġġaw lil xulxin. Kliem li m’huwiex appoġġat mill-azzjonijiet m’huwiex effettiv sewwasew bħalma m’huwiex effettiv qaws mingħajr korda.—1 Ġwanni 3:18.
4. Liema mistoqsijiet għandhom jagħmlu lilhom infushom il-ġenituri, u għala?
4 Għala huwa daqshekk importanti l-eżempju tal-ġenituri? Sewwasew bħalma l-adulti jistgħu jitgħallmu jħobbu lil Alla billi jħarsu lejn l-eżempju taʼ Ġesù, it-tfal jistgħu jitgħallmu jħobbu lil Ġeħova billi jsegwu l-eżempju tajjeb tal-ġenituri tagħhom. Il-ħbieb tat-tfal jistgħu jew isaħħu lit-tfal jew inkella ‘jħassru d-drawwiet siewja.’ (1 Korintin 15:33) Fil-maġġorparti tal-ħajja tat-tfal, u speċjalment fis-snin meta jkunu qed jikbru, l-iktar ħbieb li huma qrib tagħhom u li jeffettwawhom huma l-ġenituri tagħhom. Għalhekk, il-ġenituri għandhom jistaqsu lilhom infushom: ‘Liema tip taʼ ħabib jien? L-eżempju tiegħi jinkuraġġixxi lil uliedi biex jiżviluppaw drawwiet siewja? Liema eżempju qed nagħtihom fi kwistjonijiet tassew importanti bħat-talb u l-istudju tal-Bibbja?’
Ġenituri tas-Sengħa Jitolbu maʼ Wliedhom
5. X’jistgħu jitgħallmu t-tfal mit-talb tal-ġenituri?
5 Uliedek jistgħu jitgħallmu ħafna dwar Ġeħova meta jagħtu widen għat-talb tiegħek. Jekk jisimgħuk tirringrazzja lil Alla fil-ħin taʼ l-ikel u titlob waqt sessjonijiet taʼ studju tal-Bibbja, għal liema konklużjonijiet se jaslu? X’aktarx li se jitgħallmu li Ġeħova jipprovdi l-bżonnijiet fiżiċi tagħna—li għalihom għandna nirringrazzjawh—u li hu jgħallimna veritajiet spiritwali. Dawn huma lezzjonijiet prezzjużi.—Ġakbu 1:17.
6. Kif jistgħu l-ġenituri jgħinu lil uliedhom iħossu li Ġeħova jinteressah fihom bħala individwi?
6 Madankollu, jekk titolbu mal-familja tagħkom f’ħinijiet oħrajn minbarra qabel l-ikliet u l-istudji tal-Bibbja mal-familja u jekk fit-talb issemmu kwistjonijiet speċifiċi li jeffettwaw lilkom u lil uliedkom, intom se twettqu saħansitra iktar. Se tgħinu lil uliedkom iħossu li Ġeħova huwa parti mill-familja tagħkom, u li hu jimpurtah minnkom b’mod individwali. (Efesin 6:18; 1 Pietru 5:6, 7) Missier wieħed jgħid: “Minn meta twieldet it-tifla, aħna dejjem tlabna magħha. Hekk kif bdiet tikber aħna tlabna dwar kwistjonijiet taʼ sħubija maʼ nies oħrajn u kwistjonijiet oħrajn li effettwawha. Sakemm telqet mid-dar meta żżewġet, m’għaddietx ġurnata waħda li fiha ma tlabniex magħha.” Tistaʼ int ukoll titlob maʼ wliedek kuljum? Tistaʼ tgħinhom jaraw lil Ġeħova bħala Ħabib, li mhux biss jipprovdilhom il-bżonnijiet fiżiċi u spiritwali tagħhom imma wkoll li jieħu ħsiebhom emozzjonalment?—Filippin 4:6, 7.
7. X’għandhom ikunu jafu l-ġenituri biex it-talb tagħhom ikun speċifiku?
7 M’għandniex xi ngħidu, biex it-talb tiegħek ikun speċifiku, għandek bżonn tkun taf x’inhu jiġri fil-ħajja taʼ wliedek. Innota l-kummenti taʼ wieħed missier li rabba żewġt itfal: “Fit-tmiem taʼ kull ġimgħa, kont nistaqsi lili nnifsi żewġ mistoqsijiet: ‘X’kellhom fuq moħħhom uliedi din il-ġimgħa? Liema affarijiet tajbin seħħew f’ħajjithom?’” Ġenituri, tistgħu tistaqsu lilkom infuskom mistoqsijiet bħal dawn, u mbagħad tinkludu ftit mit-tweġibiet fit-talb li tgħidu maʼ wliedkom? Jekk tagħmlu dan, se tkunu qed tgħallmuhom mhux biss biex jitolbu lil Ġeħova—Semmiegħ it-talb—imma wkoll biex iħobbuh.—Salm 65:3 (65:2, NW).
Ġenituri tas-Sengħa Jinkuraġġixxu Drawwiet Tajbin taʼ Studju
8. Il-ġenituri għala għandhom jgħinu lil uliedhom jiżviluppaw id-drawwa li jistudjaw il-Kelma t’Alla?
8 L-attitudni taʼ ġenitur lejn l-istudju tal-Bibbja kif tistaʼ teffettwa r-relazzjoni tat-tfal m’Alla? Sabiex kwalunkwe relazzjoni tikber u tibqaʼ, l-individwi involuti għandhom bżonn mhux biss ikellmu lil xulxin imma wkoll jagħtu widen lil xulxin. Mod wieħed kif nisimgħu lil Ġeħova hu billi nistudjaw il-Bibbja bl-għajnuna taʼ pubblikazzjonijiet provduti mill-“ilsir leali.” (Mattew 24:45-47; Proverbji 4:1, 2) Għalhekk, biex il-ġenituri jgħinu lil uliedhom jiżviluppaw relazzjoni dejjiema u kollha mħabba maʼ Ġeħova, huma jagħmlu tajjeb jekk jinkuraġġuhom biex jiżviluppaw drawwiet tajbin taʼ studju tal-Kelma t’Alla.
9. It-tfal kif jistgħu jiġu megħjunin jiżviluppaw drawwiet tajbin taʼ studju?
9 It-tfal kif jistgħu jiġu megħjunin jiżviluppaw drawwiet tajbin taʼ studju? Għal darba oħra, l-eżempju tal-ġenituri hu l-aħjar mod kif jgħallmu lil uliedhom. Jarawk it-tfal tgawdi qari tal-Bibbja u studju persunali fuq bażi regulari? Huwa minnu li x’aktarx int għandek ħafna x’tagħmel biex tieħu ħsieb uliedek, imma għandek mnejn tinkwieta dwar meta tistaʼ ssib ħin biex taqra u tistudja. Imma staqsi lilek innifsek, ‘Jarawni wliedi nara t-televixin spiss?’ Jekk inhu hekk, tistaʼ tuża ftit minn dak il-ħin biex tagħti eżempju tajjeb fejn jidħol l-istudju persunali?
10, 11. Il-ġenituri għala għandu jkollhom diskussjonijiet mill-Bibbja regulari bħala familja?
10 Mod prattiku ieħor kif il-ġenituri jistgħu jgħallmu lil uliedhom biex jisimgħu minn Ġeħova hu billi jkollhom diskussjonijiet regulari mill-Bibbja bħala familja. (Isaija 30:21) Imma xi wħud għandhom mnejn jaħsbu, ‘It-tfal għala għandhom bżonn studju tal-familja jekk il-ġenituri tagħhom jiħduhom il-laqgħat tal-kongregazzjoni regolarment?’ Hemm diversi raġunijiet tajbin. Ġeħova jafda lill-ġenituri bir-responsabbiltà primarja li jgħallmu lil uliedhom. (Proverbji 1:8; Efesin 6:4) L-istudju tal-Bibbja bħala familja jgħallem lit-tfal li l-qima m’hijiex xi ritwal formali li jsir biss fil-pubbliku, imma hija parti mill-ħajja privata tal-familja.—Dewteronomju 6:6-9.
11 Barra minn hekk, studju tal-familja li jitmexxa tajjeb jistaʼ jipprovdi lill-ġenituri opportunità biex ikunu jafu l-ħsibijiet taʼ wliedhom dwar affarijiet spiritwali u morali. Per eżempju, meta t-tfal ikunu għadhom żgħar, il-ġenituri jistgħu jużaw pubblikazzjonijiet bħal Tgħallem mill-Għalliem il-Kbir.a Kważi f’kull paragrafu taʼ din l-għodda għall-istudju tal-Bibbja, it-tfal jintalbu jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar is-suġġetti li jiġu diskussi. Billi jirraġunaw dwar l-iskritturi msemmijin fil-ktieb, il-ġenituri għandhom mnejn ikunu jistgħu jiżviluppaw is-sensi taʼ wliedhom “biex jagħrfu jagħżlu kemm it-tajjeb u kemm il-ħażin.”—Ebrej 5:14.
12. Il-ġenituri kif għandhom mnejn jadattaw l-istudju tal-familja skond il-bżonnijiet tat-tfal, u x’sibt int li hu effettiv f’dan ir-rigward?
12 Hekk kif it-tfal tiegħek jikbru, sawwar l-istudju skond il-bżonnijiet tagħhom. Innota l-mod kif koppja waħda għenet lit-tfal adoloxxenti tagħha biex jirraġunaw dwar ir-rikjesta biex jattendu żifna organizzata mill-iskola. Il-missier jgħid: “Aħna għedna lil uliedna li f’parti mill-istudju tal-familja li jmiss, jien u l-mara konna se nagħmluha tat-tfal, u l-bniet tagħna kellhom jippretendu li huma l-ġenituri. Huma t-tnejn setgħu jagħżlu min kien se jagħmilha taʼ l-omm u min tal-missier, imma t-tfal kellhom jaħdmu flimkien biex jagħmlu riċerka dwar is-suġġett u jagħtuna d-direzzjoni dwar iż-żfin organizzat mill-iskola.” X’kien ir-riżultat? “Bqajna skantati dwar kemm kienu responsabbli wliedna (fl-irwol tagħhom bħala l-ġenituri) meta spjegaw lilna (li taparsi konna t-tfal) ir-raġunijiet tagħhom ibbażati fuq il-Bibbja għala ma kienx se jkun għaqli li mmorru għaż-żifna,” ikompli l-missier. “Dak li impressjonana wkoll kien is-suġġerimenti li bdew jagħtuna bħala attivitajiet li stajna nagħmlu minflok u li kienu aċċettabbli. Minħabba f’hekk, sirna nafu tassew x’jaħsbu u x’jixtiequ.” Huwa minnu li hemm bżonn il-perseveranza u l-immaġinazzjoni biex studju tal-familja jibqaʼ regulari u adattat għall-familja, imma l-premju li jiġi wara jistħoqqlu kull sforz.—Proverbji 23:15.
Oħloq Ambjent Paċifiku
13, 14.(a) Il-ġenituri kif jistgħu joħolqu ambjent paċifiku fid-dar? (b) X’jistaʼ jkun ir-riżultat li jġib benefiċċju meta ġenitur jammetti li għamel żball?
13 Vleġġa x’aktarx li jkollha iktar ċans li tolqot l-oġġett jekk l-arċier jimmiraha u jitlaqha f’ambjent kalm. B’mod simili, it-tfal x’aktarx li iktar se jitgħallmu jħobbu lil Ġeħova jekk il-ġenituri joħolqu ambjent paċifiku fid-dar. “Il-frott tal-ġustizzja jinżeraʼ f’kundizzjonijiet paċifiċi għal dawk li qegħdin iġibu l-paċi,” kiteb Ġakbu. (Ġakbu 3:18) Il-ġenituri kif jistgħu joħolqu ambjent paċifiku fid-dar? Koppja miżżewġa għandha żżomm rabta soda taż-żwieġ. Raġel u mara miżżewġin li jħobbu u jirrispettaw lil xulxin x’aktarx li iktar se jirnexxilhom jgħallmu lil uliedhom iħobbu u jirrispettaw lil oħrajn, inkluż lil Ġeħova. (Galatin 6:7; Efesin 5:33) L-imħabba u r-rispett jinkuraġġixxu l-paċi. U koppja li jkunu fil-paċi maʼ xulxin jistgħu jkampaw aħjar mal-konflitti li jistgħu jinqalgħu fil-familja.
14 M’għandniex xi ngħidu, sewwasew bħalma m’hemm ebda żwieġ perfett, hekk ukoll m’hemmx familji perfetti fuq l-art bħalissa. Kultant il-ġenituri għandhom mnejn ma jirnexxilhomx juru l-frott taʼ l-ispirtu meta jittrattaw maʼ wliedhom. (Galatin 5:22, 23) Meta dan iseħħ, x’għandhom jagħmlu l-ġenituri? Jekk jammettu li jkunu għamlu żball, se jnaqqas dan ir-rispett taʼ wliedhom lejhom? Ikkunsidra l-eżempju taʼ l-appostlu Pawlu. Hu kien bħal missier spiritwali għal ħafna. (1 Korintin 4:15) Madankollu, hu ammetta bil-miftuħ li hu kien jiżbalja. (Rumani 7:21-25) Xorta waħda, l-umiltà u l-onestà tiegħu jżidulna r-rispett tagħna lejh minflok ma jnaqqsuhulna. Minkejja d-dgħjufijiet tiegħu, Pawlu setaʼ jikteb b’mod kunfidenti lill-kongregazzjoni f’Korintu: “Imitaw lili, bħalma jien nimita lil Kristu.” (1 Korintin 11:1) Jekk int ukoll tammetti l-iżbalji tiegħek, uliedek x’aktarx li se jinjoraw in-nuqqasijiet tiegħek.
15, 16. Il-ġenituri għala għandhom iħarrġu lil uliedhom biex iħobbu lill-Kristjani ħuthom, u dan kif jistaʼ jsir?
15 X’jistgħu jagħmlu iktar il-ġenituri biex joħolqu ambjent fejn uliedhom jistgħu jsiru jħobbu lil Ġeħova? L-appostlu Ġwanni kiteb: “Jekk xi ħadd jgħid: ‘Inħobb lil Alla,’ iżda jobgħod lil ħuh, hu giddieb. Għax min ma jħobbx lil ħuh, li jarah, ma jistax ikun li jħobb lil Alla, li ma jarahx.” (1 Ġwanni 4:20, 21) Għalhekk, meta tħarreġ lil uliedek biex iħobbu lill-Kristjani ħuthom, int tkun qed tgħallimhom iħobbu lil Alla. Il-ġenituri jagħmlu tajjeb jekk jistaqsu lilhom infushom, ‘Huma l-konversazzjonijiet tiegħi dwar il-kongregazzjoni inkuraġġanti jew kritiċi?’ Kif tistaʼ tkun taf? Oqgħod attent u ismaʼ kif uliedek jitkellmu dwar il-laqgħat u dwar il-membri tal-kongregazzjoni. X’aktarx li se tismagħhom jesprimu l-ħsibijiet tiegħek fil-kummenti tagħhom.
16 Il-ġenituri x’jistgħu jagħmlu biex jgħinu lil uliedhom iħobbu lil ħuthom spiritwali? Peter, missier taʼ żewġ ġuvnotti, jgħid: “Minn meta s-subien kienu għadhom żgħar, aħna konna nistiednu lil uħud maturi spiritwalment biex jiġu jieklu għandna u jqattgħu l-ħin magħna fid-dar, u konna nieħdu ħafna pjaċir meta nagħmlu dan. Uliedna trabbew fi sħubija maʼ nies li jħobbu lil Ġeħova, u issa qed jaraw li s-servizz lil Alla hu mod taʼ ħajja pjaċevoli.” Dennis, missier taʼ ħamest itfal bniet, jgħid, “Aħna inkuraġġejna lill-bniet tagħna biex jagħmlu ħbieb mal-pijunieri fil-kongregazzjoni li kienu akbar minnhom, u kulmeta kien possibbli konna nuru l-ospitalità lill-indokraturi li jivvjaġġaw u lin-nisa tagħhom.” Tistaʼ int ukoll tieħu l-inizjattiva biex tgħin lil uliedek iħarsu lejn il-kongregazzjoni bħala parti miżjuda mal-familja tagħkom?—Marku 10:29, 30.
Ir-Responsabbiltà tat-Tfal
17. Fl-aħħar mill-aħħar, it-tfal liema deċiżjoni jridu jieħdu?
17 Ikkunsidra għal darb’oħra t-tixbiha dwar l-arċier. Għalkemm jistaʼ jkun tas-sengħa, hu ma tantx għandu ċans li jolqot l-oġġett li jimmira lejh jekk il-vleġġa li jitfaʼ tkun tgħawġet. M’għandniex xi ngħidu, il-ġenituri se jipprovaw kemm jifilħu biex jiddrittaw il-vleġġa mgħawġa, biex ngħidu hekk, billi jistinkaw ħalli jirranġaw il-ħsibijiet ħżiena tat-tfal. Imma fl-aħħar mill-aħħar it-tfal iridu jiddeċiedu għalihom infushom jekk iħallux lil din id-dinja tgħawwiġhom skond ir-rieda tagħha jew iħallu lil Ġeħova ‘jwittilhom triqathom.’—Proverbji 3:5, 6; Rumani 12:2.
18. Liema effett jistaʼ jkollha l-għażla tat-tfal fuq oħrajn?
18 Waqt li l-ġenituri għandhom responsabbiltà importanti biex irabbu lil uliedhom “fid-dixxiplina u l-gwida mentali taʼ Ġeħova,” id-deċiżjoni finali dwar x’persuni se jsiru t-tfal meta jikbru hija f’idejn it-tfal stess. (Efesin 6:4) Għalhekk, tfal staqsu lilkom infuskom, ‘Se naċċetta jien it-taħriġ kollu mħabba li jipprovdu l-ġenituri tiegħi?’ Jekk iva, intom se tkunu qed tagħżlu l-aqwa mod taʼ ħajja possibbli. Se tagħmlu lill-ġenituri tagħkom tassew ferħanin. Iktar importanti minn hekk, se tferrħu qalb Ġeħova.—Proverbji 27:11.
[Nota taʼ taħt]
a Pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
Tiftakar Int?
• Il-ġenituri kif jistgħu jagħtu eżempju tajjeb fejn jidħlu t-talb u l-istudju tal-Bibbja?
• Il-ġenituri kif jistgħu joħolqu ambjent paċifiku fid-dar?
• Liema għażla jiffaċċjaw it-tfal, u l-għażla li jagħmlu kif se teffettwa lil oħrajn?
[Stampa f’paġna 28]
Tagħti int eżempju tajjeb lil uliedek fejn jidħol l-istudju persunali?
[Stampa f’paġna 29]
Ambjent paċifiku fil-familja jikkontribwixxi għall-hena