LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 10/1 pp. 16-20
  • Infittxu Skop Siewi fil-Ħajja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Infittxu Skop Siewi fil-Ħajja
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • X’Inhu l-​Iskop Tiegħek fil-​Ħajja?
  • X’Inhi “l-​Ħajja Vera”?
  • Nagħmlu s-​Sagrifiċċji Xierqa
  • ‘Tużawx id-​Dinja bis-​Sħiħ’
  • Poġġi l-​Iskop t’Alla l-​Ewwel f’Ħajtek
  • Alla X’Ħajja Jixtieq Għalina?
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
  • Infittxu l-Iskop t’Alla Llum
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • X’Inhu l-Iskop tal-Ħajja?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • Jehovah Dak Alla taʼ Skop
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 10/1 pp. 16-20

Infittxu Skop Siewi fil-​Ħajja

“Kull ma jieħu nifs, ħa jfaħħar il-​Mulej!”​—SALM 150:6.

1. Iddeskrivi t-​tfittxija taʼ wieħed żagħżugħ għal skop fil-​ħajja.

“JIEN studjajt il-​mediċina għax ridt nuża ħajti biex ngħin lin-​nies. Ħassejt ukoll li se nkun ferħan bil-​prestiġju u l-​qligħ finanzjarju li kont se nakkwista bħala tabib,” jiftakar Seung Jin, li trabba fil-​Korea.a “Hekk kif irrealizzajt kemm ftit li xejn jistgħu jagħmlu t-​tobba biex tassew jgħinu, iddiżappuntajt ruħi. Imbagħad studjajt l-​arti, imma l-​kreazzjonijiet artistiċi tiegħi ma tantx kienu taʼ benefiċċju għal oħrajn, u għalhekk ħassejtni egoist. Sirt għalliem u malajr indunajt li kulma stajt ngħallem kienu fatti u mhux il-​gwida li tassew tistaʼ twassal għall-​hena.” Bħal ħafna, Seung Jin kien qed ifittex skop siewi fil-​ħajja.

2. (a) Xi jfisser li wieħed ikollu skop f’ħajtu? (b) Kif nafu li l-​Ħallieq kellu skop għala poġġiena hawnhekk fuq l-​art?

2 Meta jkollna skop veru fil-​ħajja jkun ifisser li jkollna raġuni għalxiex ngħixu, mira ċara fil-​ħajja, u objettiv primarju lejn xiex nidderieġu l-​isforzi tagħna. Jistgħu l-​bnedmin tassew ikollhom skop bħal dan? Iva! Il-​fatt li ngħatajna l-​intelliġenza, il-​kuxjenza, u labbiltà li nirraġunaw jimplika li l-​Ħallieq kellu skop siewi għala poġġiena hawnhekk fuq l-​art. Għalhekk, b’mod loġiku aħna nistgħu nsibu u nwettqu l-​iskop veru tagħna jekk biss ngħixu fi qbil maʼ l-​iskop tal-​Ħallieq.

3. X’jinvolvi l-​iskop t’Alla għall-​bnedmin?

3 Il-​Bibbja tirrivela li l-​iskop t’Alla għalina jinvolvi ħafna affarijiet. Per eżempju, il-​mod taʼ l-​għaġeb kif aħna magħmulin huwa tassew turija taʼ mħabba mhix egoista min-​naħa t’Alla. (Salm 40:6 (40:​5, NW); 139:14) B’hekk, li ngħixu skond l-​iskop t’Alla jfisser li nħobbu lil oħrajn mingħajr egoiżmu l-​istess bħal Alla. (1 Ġwanni 4:​7-​11) Ifisser ukoll li nobdu l-​istruzzjonijiet t’Alla, li jgħinuna ngħixu fi qbil maʼ l-​iskop kollu mħabba tiegħu.​—Koħèlet 12:13; 1 Ġwanni 5:3.

4. (a) X’għandna bżonn biex ikollna skop veru fil-​ħajja? (b) Liema hu l-​akbar skop li wieħed jistaʼ jfittex?

4 Alla kellu wkoll l-​iskop li l-​bnedmin jgħixu ferħanin u fil-​paċi maʼ xulxin u mal-​bqija tal-​ħolqien. (Ġenesi 1:​26; 2:​15) Iżda, x’għandna bżonn biex inkunu ferħanin, fis-​sigurtà, u jkollna l-​paċi tal-​moħħ? Bħal tifel li għandu bżonn ikun jaf li l-​ġenituri tiegħu huma fil-​qrib biex iħossu ferħan u fis-​sigurtà, aħna għandna bżonn relazzjoni tajba maʼ Missierna tas-​sema biex insibu sinifikat veru u skop fil-​ħajja. (Ebrej 12:9) Alla jagħmilha possibbli relazzjoni bħal din, billi jħallina nersqu qrib tiegħu u jismaʼ talbna. (Ġakbu 4:8; 1 Ġwanni 5:​14, 15) Jekk ‘nimxu m’Alla’ bil-​fidi u nsiru ħbieb tiegħu, aħna nistgħu nagħmlu lil Ġeħova ferħan u nfaħħru lil Missierna tas-​sema. (Ġenesi 6:9; Proverbji 23:​15, 16; Ġakbu 2:​23) Dan huwa l-​akbar skop li wieħed jistaʼ jfittex. Is-​salmista kiteb: “Kull ma jieħu nifs, ħa jfaħħar il-​Mulej!”​—Salm 150:6.

X’Inhu l-​Iskop Tiegħek fil-​Ħajja?

5. Għala m’huwiex għaqli li npoġġu l-​interessi materjali l-​ewwel?

5 Parti mill-​iskop t’Alla għalina hi li nieħdu ħsieb sew tagħna nfusna u tal-​familji tagħna. Dan jinkludi li nieħdu ħsieb il-​bżonnijiet kemm fiżiċi u kemm spiritwali. Madankollu, dan jeħtieġ bilanċ, sabiex l-​interessi u l-​kwistjonijiet sekulari ma jgħattux dawk spiritwali, li huma l-​iktar importanti. (Mattew 4:4; 6:​33) B’sogħba, ħafna nies jiffokaw ħajjithom kważi biex jiksbu affarijiet materjali biss. Madankollu, m’huwiex għaqli li nipprovaw nissodisfaw il-​bżonnijiet kollha tagħna sempliċement billi niġru wara affarijiet materjali. Stħarriġ reċenti dwar persuni għonja fl-​Asja jirrivela li ħafna minnhom “ma jħossuhomx fis-​sigurtà u huma inkwetati, avolja qed igawdu dak li jġib miegħu l-​għana, jiġifieri, l-​istat soċjali u s-​sens li wettqu xi ħaġa f’ħajjithom.”​—Koħèlet 5:​10 (5:​11, NW).

6. Liema parir ta Ġesù lin-​nies li jiġru wara r-​rikkezzi?

6 Ġesù tkellem dwar “il-​qawwa qarrieqa tar-​rikkezzi.” (Marku 4:​19) Ir-​rikkezzi kif inhuma qarrieqa? In-​nies jaħsbu li l-​affarijiet materjali se jagħmluhom ferħanin, imma dan m’huwiex il-​każ. “Min iħobb il-​flus ma jixbax bil-​flus,” innota s-​Sultan għaqli Salamun. (Koħèlet. 5:​9 [5:​10, NW]) Imma huwa possibbli li nfittxu miri materjalistiċi u xorta naqdu lil Alla b’ruħna kollha? Le, ma jistax ikun. Ġesù spjega: “Ħadd ma jistaʼ jkun ilsir taʼ żewġ sidien; għax jew jobgħod lil wieħed u jħobb lill-​ieħor, jew jintrabat maʼ wieħed u jistmerr lill-​ieħor. Ma tistgħux tkunu lsiera t’Alla u tal-​flus.” Ġesù ħeġġeġ lis-​segwaċi tiegħu biex jaħżnu, mhux teżori materjali fuq l-​art, imma “teżori fis-​sema,” jiġifieri, li jistabbilixxu isem tajjeb m’Alla, li “jaf x’teħtieġu saħansitra qabel ma titolbuh.”​—Mattew 6:​8, 19-​25.

7. Kif nistgħu aħna ‘naqbdu qabda soda mal-​ħajja vera’?

7 Meta kien qed jikteb lil sieħbu Timotju, l-​appostlu Pawlu ta parir qawwi rigward dan. Hu qal lil Timotju: “Ordna lill-​għonja . . . ma jqegħdux it-​tama tagħhom f’rikkezzi li ma tistax torbot fuqhom imma f’Alla, li jagħtina kollox b’mod għani għat-​tgawdija tagħna . . . , biex ikunu idhom miftuħa, lesti biex jaqsmu m’oħrajn u, bħala t-​teżor tagħhom, iqiegħdu fis-​sigurtà għalihom infushom pedament tajjeb għall-​futur, sabiex jaqbdu qabda soda mal-​ħajja vera.”—1 Timotju 6:​17-​19.

X’Inhi “l-​Ħajja Vera”?

8. (a) Għala ħafna nies jistinkaw biex ikollhom ir-​rikkezzi u l-​prestiġju? (b) Dawn l-​uħud x’jonqsu li jifhmu?

8 Għall-​biċċa l-​kbira min-​nies, l-​espressjoni “l-​ħajja vera” ġġegħelhom jimmaġinaw ħajja lussuża u pjaċevoli. Rivista taʼ l-​aħbarijiet fl-​Asja tinnota: “Dawk li jaraw il-​films jew it-​televixin jibdew jixtiequ dak li jaraw, joħolmu dwar dak li jistaʼ jkollhom.” Għal ħafna nies l-​iskop fil-​ħajja jsir li jiksbu r-​rikkezzi u l-​prestiġju. Ħafna jissagrifikaw iż-​żgħożija, is-​saħħa, il-​ħajja tal-​familja, u l-​valuri spiritwali tagħhom biex jiġru wara dawn l-​affarijiet. Ftit minnhom jieqfu u jaħsbu li d-​dehra taʼ lussu u l-​pjaċiri li juru l-​mezzi tax-​xandir huma biss riflessjoni taʼ “l-​ispirtu tad-​dinja”​—il-​mudell taʼ ħsieb dominanti li jinfluwenza l-​biċċa l-​kbira mill-​biljuni taʼ nies fuq l-​art u li jġegħelhom jaġixxu kontra l-​iskop t’Alla għalina. (1 Korintin 2:​12; Efesin 2:2) Mhux taʼ b’xejn li hawn tant nies imdejqin illum!​—Proverbji 18:11; 23:​4, 5.

9. Il-​bnedmin x’qatt ma jistgħu jwettqu, u għala?

9 Xi ngħidu dwar dawk li jaħdmu mingħajr egoiżmu għall-​benesseri t’oħrajn, billi jistinkaw biex ineħħu għal dejjem il-​ġuħ, il-​mard, u l-​inġustizzja? Taʼ spiss, ħafna nies jibbenefikaw mill-​isforzi taʼ dawn l-​uħud taʼ min ifaħħarhom u li jissagrifikaw lilhom infushom. Madankollu, minkejja l-​aqwa sforzi tagħhom, huma qatt ma se jbiddlu din is-​sistema dinjija f’waħda ġusta u tajba. Għala le? Għax fir-​realtà “d-​dinja kollha qiegħda taħt il-​qawwa tal-​Ħażin”​—Satana​—u hu ma jridhiex tinbidel.​—1 Ġwanni 5:​19.

10. L-​uħud leali meta se jgawdu “l-​ħajja vera”?

10 X’sogħba meta wieħed ma jkollu l-​ebda tama ħlief il-​ħajja f’din id-​dinja preżenti! “Jekk f’din il-​ħajja biss ittamajna fi Kristu, aħna l-​iktar imsejknin mill-​bnedmin kollha,” kiteb Pawlu. “Ħa nieklu u nixorbu, għax għada mmutu,” hija l-​attitudni taʼ dawk li jemmnu li kulma hemm hi din il-​ħajja. (1 Korintin 15:​19, 32) Imma hemm futur, “smewwiet ġodda u art ġdida li aħna qed nistennew skond il-​wegħda [t’Alla], u f’dawn tgħammar il-​ġustizzja.” (2 Pietru 3:​13) F’dak iż-​żmien, il-​Kristjani jkunu jistgħu jgawdu “l-​ħajja vera,” jiġifieri, “ħajja taʼ dejjem” fil-​perfezzjoni, kemm jekk fis-​sema u kemm jekk taħt il-​ħakma kollha mħabba tal-​gvern tas-​Saltna t’Alla!​—1 Timotju 6:​12.

11. Għala huwa taʼ skop li naħdmu biex nappoġġaw is-​Saltna t’Alla?

11 Is-​Saltna t’Alla biss se jkollha suċċess komplet f’li ssolvi l-​problemi tal-​bnedmin. B’hekk, l-​iktar skop siewi li nistgħu nfittxu hu li naħdmu biex nappoġġaw is-​Saltna t’Alla. (Ġwanni 4:​34) Waqt li nieħdu sehem f’dan ix-​xogħol, aħna jistaʼ jkollna relazzjoni prezzjuża maʼ Missierna tas-​sema. Aħna ferħanin ukoll li naqdu flimkien maʼ miljuni t’aħwa rġiel u nisa spiritwali, li jfittxu l-​istess skop fil-​ħajja.

Nagħmlu s-​Sagrifiċċji Xierqa

12. Qabbel il-​ħajja fis-​sistema preżenti mal-​“ħajja vera.”

12 Id-​dinja preżenti “tgħaddi u x-​xewqa tagħha wkoll,” tgħid il-​Bibbja. L-​ebda parti mid-​dinja taʼ Satana ma se teħlisha, inkluż il-​fama u l-​fortuna tagħha, “imma min jagħmel ir-​rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.” (1 Ġwanni 2:​15-​17) Kuntrarju għar-​rikkezzi li ma tistax torbot fuqhom, il-​glorja li tgħaddi malajr, u l-​pjaċiri superfiċjali tas-​sistema preżenti, “il-​ħajja vera”​—ħajja taʼ dejjem taħt is-​Saltna t’Alla​—hi dejjiema u jistħoqqilha s-​sagrifiċċji tagħna, jekk nagħmlu s-​sagrifiċċji xierqa.

13. Koppja kif għamlu s-​sagrifiċċji xierqa?

13 Ikkunsidra lil Henry u Suzanne. Huma għandhom fidi sħiħa fil-​wegħda t’Alla li dawk kollha li jpoġġu s-​Saltna l-​ewwel f’ħajjithom jirċievu l-​għajnuna t’Alla. (Mattew 6:​33) B’hekk, huma għażlu li jgħixu f’dar li ma tiswiex ħafna flus biex minflok ma jaħdmu t-​tnejn li huma b’mod sekulari, huma setgħu jqattgħu iktar ħin f’attivitajiet spiritwali maż-​żewġt itfal bniet tagħhom. (Ebrej 13:​15, 16) B’intenzjoni tajba, waħda ħabiba tagħhom ma setgħetx tifhem l-​għażla tagħhom. Hi qalet lil Suzanne: “Ħanini, jekk qatt xi darba tridu tgħixu f’dar aħjar, bilfors tridu tissagrifikaw xi ħaġa.” Iżda, Henry u Suzanne kienu jafu l-​fatt li jekk ipoġġu lil Ġeħova l-​ewwel, hu ‘joffri l-​wegħda tal-​ħajja t’issa u taʼ dik li ġejja.’ (1 Timotju 4:8; Titu 2:​12) Il-​bniet tagħhom kibru u saru evanġelizzaturi full-time żelużi. Bħala familja, huma jħossuhom li ma ċċaħħdu minn xejn; pjuttost, huma bbenefikaw ħafna billi għamlu t-​tfittxija għall-​“ħajja vera” bħala l-​iskop tagħhom.​—Filippin 3:8; 1 Timotju 6:​6-8.

‘Tużawx id-​Dinja bis-​Sħiħ’

14. Jekk ninsew x’inhu l-​iskop veru tagħna, għal liema traġedji jistaʼ jwassal dan?

14 Madankollu, ikun verament taʼ periklu jekk ninsew l-​iskop veru tagħna u nibdew nerħu l-​qabda li għandna mal-​“ħajja vera.” Aħna nkunu fil-​periklu ‘li ninġarru mill-​ansjetajiet u mir-​rikkezzi u mill-​pjaċiri taʼ din il-​ħajja.’ (Luqa 8:​14) Ix-​xewqat mhux kontrollati u l-​ansjetajiet dwar l-​għajxien jistgħu jwasslu lil dak li jkun biex jinvolvi ruħu żżejjed f’din is-​sistema dinjija. (Luqa 21:34) B’sogħba, xi wħud involvew ruħhom u xxennqu biex isiru sinjuri u “ġew żvijati mill-​fidi u ferew lilhom infushom b’ħafna weġgħat,” saħansitra tilfu r-​relazzjoni prezzjuża tagħhom maʼ Ġeħova. Xi prezz kellhom iħallsu talli ma żammewx ‘qabda soda mal-​ħajja taʼ dejjem’!​—1 Timotju 6:​9, 10; Proverbji 28:20.

15. Familja waħda kif ibbenefikat talli ‘ma użatx id-​dinja bis-​sħiħ’?

15 Pawlu wissa lil “dawk li jużaw id-​dinja [biex ikunu] bħal dawk li ma jużawhiex bis-​sħiħ.” (1 Korintin 7:​31) Keith u Bonnie taw kas taʼ dan il-​parir. “Sirt Xhud taʼ Ġeħova hekk kif kont se nispiċċa t-​taħriġ tiegħi bħala dentist,” jirrakkonta Keith. “Kelli għażla. Stajt naċċetta ħafna pazjenti u nagħmel ħafna flus, imma dan kien se jfixkel il-​ħajja spiritwali tagħna. Għażilt li npoġġi limitu għal kemm ikolli pazjenti biex ikolli iktar ħin għall-​benesseri spiritwali u emozzjonali tal-​familja tagħna, li maż-​żmien kien fiha ħamest itfal bniet. Għalkemm rari kellna flus żejda, tgħallimna kif nużaw il-​flus, u dejjem kellna l-​bżonnijiet. Bħala familja konna qrib taʼ xulxin, maħbubin, u ferħanin ħafna. Maż-​żmien, ilkoll kemm aħna bdejna l-​ministeru full-time. Issa wliedna għandhom żwieġ ferħan, u tlieta minnhom għandhom it-​tfal. Il-​familji tagħhom ukoll huma ferħanin hekk kif jibqgħu jpoġġu l-​iskop taʼ Ġeħova l-​ewwel.”

Poġġi l-​Iskop t’Alla l-​Ewwel f’Ħajtek

16, 17. Liema eżempji taʼ nies b’talent fiha l-​Bibbja, u kif niftakruhom?

16 Il-​Bibbja fiha eżempji taʼ dawk li għexu għall-​iskop t’Alla u taʼ dawk li m’għexux għalih. Il-​lezzjonijiet minn dawn l-​eżempji japplikaw għan-​nies taʼ kull età, kultura, u ċirkustanzi. (Rumani 15:4; 1 Korintin 10:​6, 11) Nimrod bena bliet kbar, imma għamel dan kontra Ġeħova. (Ġenesi 10:​8, 9) Iżda, ħafna oħrajn kienu t’eżempju tajjeb. Per eżempju, Mosè ma kellux l-​iskop fil-​ħajja li jżomm l-​istat tiegħu bħala raġel nobbli Eġizzjan. Pjuttost, hu qies ir-​responsabbiltajiet spiritwali tiegħu “bħala rikkezzi akbar mit-​teżori taʼ l-​Eġittu.” (Ebrej 11:26) It-​tabib Luqa x’aktarx li għen lil Pawlu u lil oħrajn meta kienu jimirdu. Imma l-​iktar ġid li Luqa għamel m’oħrajn kien bħala evanġelizzatur u kittieb tal-​Bibbja. Rigward Pawlu nafu li kien magħruf mhux bħala espert tal-​Liġi, imma bħala missjunarju, “appostlu tal-​ġnus.”​—Rumani 11:13.

17 David jiġi mfakkar primarjament, la bħala kmandant militari u lanqas bħala mużiċist u kompożitur, imma bħala ‘bniedem għal qalb [Alla].’ (1 Samwel 13:14) Aħna nafu lil Danjel, mhux għal xogħlu bħala uffiċjal tal-​gvern Babiloniż, imma għas-​servizz tiegħu bħala l-​profeta leali taʼ Ġeħova; Ester, mhux bħala r-​reġina tal-​Persja, imma bħala eżempju taʼ kuraġġ u fidi; Pietru, Indrì, Ġakbu, u Ġwanni, mhux bħala sajjieda taʼ suċċess, imma bħala appostli taʼ Ġesù. U l-​aqwa eżempju, Ġesù nnifsu nqisuh, mhux bħala “l-​mastrudaxxa,” imma bħala “l-​Kristu.” (Marku 6:3; Mattew 16:16) Dawn kollha fehmu b’mod ċar li kellhom kemm kellhom talenti, ġid, jew prestiġju, ħajjithom kellha tiċċentra, mhux madwar karrieri sekulari, imma madwar is-​servizz tagħhom lil Alla. Huma kienu jafu li l-​iktar skop nobbli u premjanti li setaʼ jkollhom kien li jkunu raġel jew mara li tibżaʼ minn Alla.

18. Wieħed żagħżugħ Kristjan kif iddeċieda li juża ħajtu, u xi rrealizza?

18 Seung Jin, li ssemma fil-​bidu, maż-​żmien fehem dan ukoll. “Minflok ma ddedikajt l-​enerġiji kollha tiegħi fil-​mediċina, l-​arti, jew li ngħallem b’mod sekulari, iddeċidejt li nuża ħajti fi qbil mad-​dedikazzjoni tiegħi lil Alla,” jispjega hu. “Issa qed naqdi fejn hemm bżonn kbir t’għalliema tal-​Bibbja, billi ngħin lin-​nies jimxu fit-​triq lejn il-​ħajja taʼ dejjem. Kont naħseb li jekk naqdi bħala ministru full-time mhux se jkun daqshekk taʼ sfida. Issa ħajti hija iktar taʼ sfida minn qatt qabel, hekk kif nipprova ntejjeb il-​personalità tiegħi u l-​kapaċità tiegħi li ngħallem lil nies taʼ kulturi differenti. Nistaʼ nara li l-​uniku mod siewi kif ngħixu l-​ħajja hu li nagħmlu l-​iskop taʼ Ġeħova bħala l-​iskop tagħna.”

19. Kif nistgħu nsibu skop veru fil-​ħajja?

19 Bħala Kristjani, aħna ġejna mberkin billi ngħatajna l-​għarfien li jsalva l-​ħajja u t-​tama taʼ salvazzjoni. (Ġwanni 17:3) Mela, jalla ‘ma naċċettawx il-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla u nitilfu l-​iskop tagħha.’ (2 Korintin 6:1) Minflok, ħalli nużaw il-​jiem u s-​snin prezzjużi taʼ ħajjitna biex infaħħru lil Ġeħova. Jalla nxerrdu l-​għarfien li jġib hena veru issa u li jwassalna għall-​ħajja taʼ dejjem. Meta nagħmlu dan, aħna se nesperjenzaw il-​verità tal-​kliem taʼ Ġesù: “Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.” (Atti 20:35) U b’hekk, inkunu sibna l-​iskop veru fil-​ħajja.

[Nota taʼ taħt]

a Xi ismijiet ġew mibdulin.

Tistaʼ Tispjega?

• Liema hu l-​aqwa skop li jistaʼ jkollna f’ħajjitna?

• Għala m’huwiex għaqli li ngħixu għall-​affarijiet materjali?

• X’inhi “l-​ħajja vera” li Alla jwiegħed?

• Kif nistgħu nużaw ħajjitna għall-​iskop t’Alla?

[Stampi f’paġna 18]

Il-​Kristjani għandhom bżonn jagħmlu s-​sagrifiċċji xierqa

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja