“L-Iġfna taʼ Kittin” Ibaħħru Spiss
IL-MEDITERRAN tal-lvant ġarrab diversi battalji bejn bastimenti. Ipprova ġib quddiem għajnejk waħda minn dawn il-battalji li seħħet ħames sekli qabel Kristu. Ġifen li jistaʼ jiġi manuvrat faċilment imsejjaħ trirem qed ibaħħar bl-akbar forza. Madwar 170 qaddief fi tliet ringieli qed jagħmlu sforz fuq il-muskoli b’saħħithom hekk kif jaqdfu, jiżżerżqu ’l quddiem u lura bil-qiegħda fuq imħaded tal-ġilda marbutin magħhom.
B’veloċità taʼ bejn sebaʼ u disaʼ mili tal-baħar, il-ġifen jofroq il-mewġ sa ma jasal ħdejn bastiment taʼ l-għadu. Il-bastiment li qed jiġi mmirat jipprova jaħrab l-attakk. Fil-mument kritiku, jagħmel manuvra mhix għaqlija, u l-ġenb tal-bastiment jiġi espost għall-attakk. Taħt l-ilma t-trirem għandu munqar kbir miksi bil-bronż fil-pruwa li bih kienu jinfdu l-qafas irqiq tal-bastiment l-ieħor. Il-ħoss qawwi tal-fallakki jinqasmu u l-ħoss tal-baħar dieħel mill-fetħa kbira jkexkxu lill-qaddiefa taʼ l-għadu. Fuq it-trirem, ċorma żgħira taʼ gwerriera armati sa snienhom jiġru tul il-passaġġ tan-nofs biex jattakkaw il-bastiment li ntlaqat. Iva, xi iġfna tal-qedem kienu tassew b’saħħithom!
L-istudenti tal-Bibbja wrew interess kbir f’referenzi, xi wħud profetiċi, għal “Kittin” u “l-iġfna taʼ Kittin.” (Numri 24:24; Danjel 11:30; Isaija 23:1) Imma fejn kien jinsab Kittin? X’nafu dwar l-iġfna tiegħu? U t-tweġibiet għala għandhom ikunu taʼ interess għalik?
L-istorjografu Lhudi Ġużeppi Flavju rrefera għal Kittin bħala “Chethimos,” u b’hekk assoċjah mal-gżira taʼ Ċipru. Il-belt taʼ Kition (jew, Citium) fin-naħa tax-xlokk tal-gżira tkompli torbot lil Kittin maʼ Ċipru. Minħabba li ġeografikament jinsab f’nofs ir-rotot tal-kummerċ tal-qedem, Ċipru kien f’pożizzjoni ideali sabiex jibbenefika mill-fatt li kien qrib il-portijiet fil-lvant tal-Mediterran. Ukoll, minħabba l-pożizzjoni ġeografika tiegħu, spiss kellu jżomm maʼ pajjiż jew ieħor li jkun qed jiggwerra, u għalhekk Ċipru sar ukoll jew alleat setgħan jew inkella ostaklu diffiċli.
Iċ-Ċiprijotti u l-Baħar
Evidenza arkeoloġika minn skavar u oqbra taħt il-baħar, kif ukoll kitbiet u disinji tal-qedem impinġijin fuq il-fuħħar, jgħinuna nimmaġinaw l-iġfna minn Ċipru. Iċ-Ċiprijotti tal-bidu kienu jibnu l-bastimenti bis-sengħa. Il-gżira tagħhom kienet miksija bil-foresti, u l-bajjiet taʼ kenn ipprovdew portijiet naturali. Is-siġar kienu jitqaċċtu mhux biss għall-bini taʼ bastimenti imma wkoll biex jiġi mdewweb ir-ram—riżorsa naturali li għamlet lil Ċipru famuż fid-dinja tal-qedem.
In-negozju attiv taʼ l-esportazzjoni f’Ċipru ma ħarabx l-attenzjoni tal-Feniċi, li stabbilew kolonji f’postijiet tul ir-rotot tal-kummerċ tagħhom. Wieħed minn dawn il-postijiet kien Kition, f’Ċipru.—Isaija 23:10-12.
Wara l-waqgħa taʼ Tir, milli jidher xi wħud sabu l-kenn f’Kittin. X’aktarx li l-Feniċi li kienu jgħixu fil-kolonji u li kellhom esperjenza fuq il-baħar ikkontribwew bil-kbir għat-teknoloġija taċ-Ċiprijotti fuq il-baħar. Il-post strateġiku taʼ Kition serva wkoll bħala protezzjoni eċċellenti għall-iġfna Feniċi.
Involuti f’Kummerċ Internazzjonali Mgħaġġel
L-attività tal-kummerċ tal-qedem fil-lvant tal-Mediterran matul dan il-perijodu kienet komplikata. Merkanziji taʼ valur minn Ċipru kienu trasportati bil-bastimenti lejn Kreta, Sardinja, u Sqallija kif ukoll lejn il-gżejjer taʼ l-Eġew. Vażetti u vażuni minn Ċipru nstabu f’postijiet bħal dawn, u fuħħar mill-aqwa tal-Miċenew (tal-Griegi) instab fi kwantitajiet kbar f’Ċipru. Xi studjużi li analizzaw ingotti tar-ram li nstabu f’Sardinja jemmnu li dawn ġew minn Ċipru.
Fl-1982 ġifen li jmur lura sa l-14-il seklu Q.E.K. nstab mgħarraq ħdejn il-kosta tan-nofsinhar tat-Turkija. L-iskavar taħt il-baħar kixef sejba taʼ varjetà taʼ teżori—ingotti tar-ram li hu maħsub li huma minn Ċipru, ambra, vażetti tal-Kangħanin, ebbanu, nejbiet taʼ l-iljunfanti, kollezzjoni taʼ ġojjellerija tad-deheb u l-fidda tal-Kangħanin, u skarabej u oġġetti oħrajn mill-Eġittu. Xi sorsi li analizzaw it-tafal minn oġġetti tal-fuħħar li kien hemm fuq il-ġifen jistqarru li l-ġifen probabbilment kien minn Ċipru.
Taʼ interess, madwar iż-żmien li ġie kalkulat li seħħ dan in-nawfraġju, Balgħam irrefera għall-iġfna minn Kittin fil-‘kliem’ għaref tiegħu. (Numri 24:15, 24) Milli jidher, l-iġfna Ċiprijotti kienu saru magħrufin sew fil-Lvant Nofsani. Kif kienu dawn l-iġfna?
Iġfna tal-Merkanzija
Ħafna mudelli tat-tafal taʼ iġfna u dgħajjes ġew skoperti fi kmamar mortwarji fil-belt antika t’Amathus f’Ċipru. Dawn jipprovdu indikazzjonijiet imprezzabbli dwar it-tipi taʼ bastimenti Ċiprijotti, u xi wħud minnhom huma għall-wiri f’mużewijiet.
Il-mudelli juru li l-iġfna tal-bidu żgur li kienu jintużaw għall-kummerċ paċifiku. L-iġfna ż-żgħar normalment kienu manuvrati minn 20 qaddief. Il-qafas wiesaʼ u fond kien disinjat biex jittrasporta merkanzija u passiġġieri fuq vjaġġi qosra tul il-kosta taʼ Ċipru. Plinju l-Kbir jgħid li ċ-Ċiprijotti ddisinjaw ġifen żgħir u ħafif li kien jitmexxa bl-imqadef u li setaʼ jġorr sa 90 tunnellata.
Imbagħad kien hemm l-iġfna l-kbar tal-merkanzija bħal dak li nstab ftit ’il barra mill-kosta tat-Turkija. Xi wħud setgħu jġorru sa 450 tunnellata taʼ merkanzija f’baħar miftuħ. L-iġfna l-kbar setaʼ kellhom saħansitra sa 50 qaddief, 25 qaddief fuq kull naħa, u setgħu kienu twal 30 metru b’arblu twil iktar minn 10 metri.
L-Iġfna tal-Gwerra minn “Kittin” fil-Profezija Biblika
L-ispirtu taʼ Ġeħova kien responsabbli għal din id-dikjarazzjoni: “Jiġu l-iġfna minn Kittin, u jgħakksu lil Assuru.” (Numri 24:2, 24) Seħħet din it-tbassira? L-iġfna minn Ċipru kif kienu involuti fit-twettiq tagħha? Dawn l-“iġfna minn Kittin” ma kinux iġfna tal-kummerċ paċifiku li baħħru fil-Baħar Mediterran. Kienu iġfna tal-gwerra li ġabu l-inkwiet.
Hekk kif il-bżonnijiet tal-gwerra nbidlu, id-disinji bażiċi ġew adattati biex jipproduċu bastimenti iktar ħfief u b’saħħithom. L-eqdem iġfna tal-gwerra Ċiprijotti x’aktarx li kienu rappreżentati f’pittura skoperta f’Amathus. Il-pittura hija taʼ ġifen twil u rqiq bil-poppa mdawra ’l fuq u ’l ġewwa, simili għal ġifen tal-gwerra tal-Feniċi. Taħt l-ilma għandu munqar fil-pruwa u tarki tondi fuq kull naħa ħdejn il-poppa u lejn il-pruwa.
Fit-tmien seklu Q.E.K. tfaċċaw fil-Greċja l-ewwel bireme (iġfna b’żewġ ringieli taʼ mqadef). Dawn l-iġfna kienu twal madwar 24 metru u wesgħin 3 metri. Għall-ewwel, l-iġfna kienu jintużaw biex jittrasportaw il-gwerriera, u l-ġlied innifsu kien iseħħ fuq l-art. Fi żmien qasir, deher ċar li jkun taʼ vantaġġ li jkollhom it-tielet ringiela, u twaħħal munqar miksi bil-bronż fuq quddiem tal-ġifen. Il-ġifen il-ġdid sar magħruf bħala trirem, bħalma ssemma fil-bidu taʼ dan l-artiklu. Dan it-tip taʼ ġifen kiseb prominenza matul il-battalja taʼ Salamina (480 Q.E.K.) meta l-Griegi għelbu l-flotta tal-gwerra Persjana.
Iktar tard, Alessandru l-Kbir, fit-tfittxija tiegħu għall-ħakma, ħejja l-flotta tiegħu taʼ trirem fil-lvant. Dawn l-iġfna kienu disinjati għall-battalja, mhux għal vjaġġi twal fuq il-baħar miftuħ, ladarba ftit kien hemm spazju fejn jaħżnu l-bżonnijiet. Minħabba f’hekk, kellhom jieqfu fil-gżejjer Eġej għall-provvedimenti u t-tiswijiet. Il-mira t’Alessandru kienet li jeqred il-flotta Persjana. Madankollu, biex jirnexxi l-ewwel kellu jegħleb il-gżira taʼ Tir li kienet fortizza formidabbli. Ċipru kien post fejn waqfu biex jistrieħu fi triqithom.
Iċ-Ċiprijotti appoġġaw lil Alessandru l-Kbir matul l-assedju taʼ Tir (332 Q.E.K.), billi pprovdew flotta taʼ 120 ġifen. Tliet slaten taʼ Ċipru mexxew flotot biex jingħaqdu m’Alessandru. Huma ħadu sehem f’assedju kontra Tir li dam għaddej sebaʼ xhur. Tir waqgħet, u l-profezija tal-Bibbja twettqet. (Eżekjel 26:3, 4; Żakkarija 9:3, 4) Sabiex jesprimi l-gratitudni tiegħu, Alessandru ta awtorità speċjali lis-slaten Ċiprijotti.
Twettiq Rimarkevoli
Strabun, storjografu taʼ l-ewwel seklu, isemmi li Alessandru għamel arranġamenti biex jingħata għajnuna permezz taʼ iġfna minn Ċipru u l-Feniċja għall-kampanja tiegħu fl-Għarabja. Dawn l-iġfna kienu ħfief u faċli biex iżżarmahom, u għalhekk waslu Thapsacus (Tifsa) fit-tramuntana tas-Sirja f’sebat ijiem biss. (1 Slaten 5:4 [4:24, NW]) Minn hemm kien possibbli li tivvjaġġa ’l isfel lejn Babilonja.
Għalhekk, dik li setgħet dehret bħala stqarrija mhix ċara fil-Bibbja kellha twettiq rimarkevoli xi għaxar sekli wara! Fi qbil mal-kliem f’Numri 24:24, l-iġfna militari t’Alessandru l-Kbir avanzaw bla waqfien mill-Maċedonja lejn il-lvant u għelbu l-art taʼ l-Assirja, billi finalment għelbu l-Imperu setgħan tal-Medo-Persja.
Anki l-informazzjoni limitata li għandna dwar “l-iġfna taʼ Kittin” bla dubju tipponta lejn it-twettiq affaxxinanti tal-profezija Biblika. Prova storika bħal din issaħħaħ il-konvinzjoni tagħna li t-tbassir misjub fil-Bibbja tistaʼ tafdah. Ħafna profeziji bħal dawn jinvolvu l-futur tagħna stess, u għalhekk nagħmlu tajjeb jekk niħduhom bis-serjetà.
[Mappa f’paġna 16, 17]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
ITALJA
Sardinja
Sqallija
Baħar Eġew
GREĊJA
Il-Kreta
LIBJA
TURKIJA
ĊIPRU
Kition
Tir
EĠITTU
[Stampa f’paġna 16]
Mudell taʼ ġifen tal-gwerra Grieg, it-trirem
[Sors]
Pictorial Archive (Near Eastern History) Est.
[Stampa f’paġna 17]
Mudell taʼ ġifen tal-gwerra Feniċjan, il-bireme
[Sors]
Pictorial Archive (Near Eastern History) Est.
[Stampa f’paġna 17]
Vażun bi stampa taʼ ġifen Ċiprijott
[Sors]
Pubblikat bil-permess tad-Direttur taʼ l-Antikitajiet u l-Mużew taʼ Ċipru
[Stampa f’paġna 18]
Iġfna tal-merkanzija tal-qedem, bħal dawk imsemmijin f’Isaija 60:9