Xaqquf tal-Qedem Jikkonferma dak li hu Mniżżel fil-Bibbja
IL-BIBBJA hija l-Kelma ispirata t’Alla. (2 Timotju 3:16) Dak li tgħidilna dwar in-nies, il-postijiet, u s-sitwazzjonijiet reliġjużi u politiċi tal-qedem hu eżatt. L-awtentiċità taʼ l-Iskrittura b’ebda mod ma tiddependi mis-sejbiet arkeoloġiċi, għalkemm dawn is-sejbiet jikkonfermaw jew jiċċaraw il-fehma tagħna dwar dak li hu mniżżel fil-Bibbja.
L-iktar affarijiet li jsibu l-arkeoloġi matul it-tħaffir f’postijiet tal-qedem huma xaqquf, jew biċċiet tal-fuħħar imkisser. Dawn il-biċċiet taʼ tafal jissejħu wkoll ostraca, mill-kelma Griega għal “qoxra, xaqqufa.” F’ħafna postijiet fil-Lvant Nofsani tal-qedem, inkluż l-Eġittu u l-Mesopotamja, il-biċċiet tal-fuħħar servew bħala materjal irħis li setgħu jiktbu fuqu. Ix-xaqquf kien jintuża biex jitniżżlu bil-miktub il-kuntratti, il-kontijiet, il-bejgħ, u affarijiet bħal dawn, sewwasew bħalma llum nużaw il-karti. Il-kitba fuq il-biċċiet tax-xaqquf ġeneralment kienet issir bil-linka u dawn kien ikun fihom minn kelma waħda biss sa ħafna linji jew kolonni taʼ kliem.
Permezz taʼ tħaffir arkeoloġiku, f’Iżrael instabu diversi biċċiet taʼ xaqquf minn żminijiet Bibliċi. Tliet kollezzjonijiet li jmorru lura għas-sebaʼ u t-tmien seklu Q.E.K. huma taʼ interess speċjali minħabba li jikkonfermaw diversi dettalji taʼ informazzjoni storika misjuba fil-Bibbja. Dawn huma x-xaqquf tas-Samarija, ix-xaqquf t’Għarad, u x-xaqquf taʼ Lakis. Ejja neżaminaw iktar bir-reqqa kull waħda minn dawn il-kollezzjonijiet.
Ix-Xaqquf tas-Samarija
Is-Samarija kienet il-belt kapitali tas-saltna taʼ Iżrael fit-tramuntana b’għaxar tribujiet sakemm din ġiet mirbuħa mill-Assirjani fis-sena 740 Q.E.K. Rigward l-oriġini tas-Samarija, l-1 Slaten 16:23, 24 jgħid: “Fis-sena wieħed u tletin taʼ Asa [947 Q.E.K.], sultan taʼ Ġuda, Għomri sar sultan fuq Iżrael . . . Mbagħad xtara l-għolja tas-Samarija mingħand Semer b’żewġ talenti tal-fidda, u bnieha. U l-belt li bena fuqha semmiegħa għal Semer [Samarija].” Il-belt kienet għadha teżisti fiż-żminijiet Rumani, meta isimha nbidel għal Sebaste. Fis-sitt seklu E.K., din finalment ma baqgħetx teżisti bħala belt.
Fis-sena 1910, matul tħaffir li sar fil-post fejn kienet is-Samarija tal-qedem, grupp t’arkeoloġi sabu kollezzjoni taʼ xaqquf u ddeterminaw li kien ġej mit-tmien seklu Q.E.K. Il-kliem kellu informazzjoni dwar trasportazzjoni taʼ żejt taʼ l-ikel u nbid li waslu fis-Samarija minn diversi postijiet madwarha. Il-ktieb Ancient Inscriptions—Voices From the Biblical World jgħid hekk dwar din is-sejba: “It-63 xaqqufa li nstabu fl-1910 . . . jitqiesu b’mod xieraq bħala waħda mill-iktar kollezzjonijiet importanti taʼ materjal epigrafiku [miktub] li għadu jeżisti minn Iżrael tal-qedem. Dawn huma importanti mhux minħabba l-kontenut tax-xaqquf tas-Samarija . . . imma minflok minħabba l-inventarju kbir li fihom taʼ ismijiet persunali taʼ l-Iżraelin, ismijiet taʼ familji u ismijiet ġeografiċi.” Dawn l-ismijiet kif jikkonfermaw dettalji taʼ dak li hu mniżżel fil-Bibbja?
Meta l-Iżraelin ħadu f’idejhom l-Art Imwiegħda u qassmuha bejn it-tribujiet, is-Samarija kienet tinsab fit-territorju tat-tribù taʼ Manassi. Skond Ġożwè 17:1-6, l-għaxar familji taʼ Manassi, permezz tan-neputi tiegħu Gilgħad, ngħataw biċċiet t’art f’dawn l-inħawi. Dawn kienu Abigħeżer, Ħelek, Asrijel, Sikem, u Semida. Is-sitt raġel, Ħefer, ma kellux neputijiet subien imma kellu ħames neputijiet bniet—Maħla, Nogħa, Ħogla, Milka, u Tirsa—u kull waħda minnhom ngħatat biċċa art.—Numri 27:1-7.
Ix-xaqquf tas-Samarija jippreserva sebgħa minn dawn l-ismijiet tal-familji—il-ħames ismijiet kollha taʼ wlied Gilgħad u tnejn tan-neputijiet bniet taʼ Ħefer, Ħogla u Nogħa. “L-ismijiet tal-familji preservati fuq ix-xaqquf tas-Samarija jipprovdu referenza oħra minbarra dak li nsibu fil-Bibbja tar-rabta bejn il-familji taʼ Manassi u t-territorju li l-Bibbja tgħid li ssetiljaw fih,” tinnota l-NIV Archaeological Study Bible. Allura, dan l-aspett tal-bidu taʼ l-istorja tat-tribujiet taʼ Iżrael kif inhu deskritt fil-Bibbja jiġi konfermat minn dan ix-xaqquf.
Ix-xaqquf tas-Samarija donnu jikkonferma wkoll is-sitwazzjoni reliġjuża taʼ l-Iżraelin bħalma hi deskritta fil-Bibbja. Meta saret il-kitba fuq ix-xaqquf tas-Samarija, l-Iżraelin rabtu l-qima taʼ Ġeħova mal-qima taʼ l-alla Bagħal taʼ Kangħan. Il-profezija taʼ Hosegħa, miktuba wkoll fit-tmien seklu Q.E.K., bassret żmien meta Iżrael bi ndiema kien se jsejjaħ lil Ġeħova “Żewġi” u mhux iktar “Bagħal tiegħi,” jew “Sidi.” (Hosegħa 2:18, 19 [2:16, 17, nota taʼ taħt, NW]) Xi ismijiet persunali li nstabu fuq ix-xaqquf tas-Samarija kienu jfissru “Bagħal hu missieri,” “Bagħal jgħanni,” “Bagħal hu qawwi,” “Bagħal jiftakar,” u espressjonijiet simili oħrajn. Għal kull ħdax-il isem persunali li kien fih xi forma taʼ l-isem Ġeħova, kien hemm sebgħa li kien fihom forma taʼ l-isem “Bagħal.”
Ix-Xaqquf t’Għarad
Għarad kienet belt tal-qedem li kienet tinsab fi nħawi bi ftit xita li kienu jissejħu n-Negeb u li kienu jinsabu ’l bogħod mhux ħażin minn Ġerusalemm, lejn in-nofsinhar tagħha. Mit-tħaffir li sar f’Għarad ġew skoperti sitt fortizzi taʼ Iżrael waħda wara l-oħra, minn żmien il-ħakma taʼ Salamun (1037-998 Q.E.K.) saż-żmien li l-Babiloniżi qerdu lil Ġerusalemm fis-sena 607 Q.E.K. Dawk li ħaffru skoprew f’Għarad l-akbar kollezzjoni taʼ xaqquf minn żminijiet Bibliċi. Din tinkludi iktar minn 200 oġġett b’kitba bl-Ebrajk, l-Aramajk, u lingwi oħrajn.
Ftit mix-xaqquf t’Għarad jikkonferma l-informazzjoni Biblika dwar il-familji tal-qassisin. Per eżempju, xaqqufa waħda ssemmi “l-ulied taʼ Koraħ,” li jirreferu għalihom il-versi t’Eżodu 6:24 u Numri 26:11. L-ewwel vers (sopraskrizzjoni, NW) taʼ Salm 42, 44-49, 84, 85, 87, u 88 jgħid b’mod speċifiku li dawn il-versi nkitbu minn “ulied Koraħ.” Familji taʼ qassisin oħrajn imsemmijin fuq ix-xaqquf t’Għarad huma dawk taʼ Pasħur u Meremot.—1 Kronaki 9:12; Esdra 8:33.
Ikkunsidra eżempju ieħor. Fil-fdalijiet taʼ fortizza, li jmur lura għall-perijodu eżatt qabel il-qerda taʼ Ġerusalemm mill-Babiloniżi, dawk li ħaffru sabu xaqqufa indirizzata lill-kmandat tal-forti. Skond il-pubblikazzjoni The Context of Scripture, din tgħid f’parti minnha: “Lil sidi Eljasib. Jalla Jaħweh [Ġeħova] jieħu interess fis-saħħa tiegħek. . . . Rigward il-kwistjoni li dwarha tajtni l-ordnijiet: kollox sejjer tajjeb issa: hu jinsab fit-tempju taʼ Jaħweh.” Ħafna studjużi jemmnu li t-tempju msemmi hawn kien jirreferi għat-tempju f’Ġerusalemm li oriġinalment kien mibni fi żmien Salamun.
Ix-Xaqquf taʼ Lakis
Il-belt fortizza tal-qedem taʼ Lakis kienet tinsab 43 kilometru ’l bogħod minn Ġerusalemm lejn il-lbiċ tagħha. Matul it-tħaffir fl-1930, instabet kollezzjoni taʼ xaqquf, u mill-inqas 12-il biċċa minnhom huma ittri deskritti bħala “tassew importanti . . . għad-deskrizzjoni tas-sitwazzjoni politika u t-taqlib ġenerali hekk kif Ġuda kienet qed tħejji għall-attakk inevitabbli minn Nabukodonosor [sultan Babiloniż].”
L-iktar ittri importanti huma korrispondenzi bejn l-uffiċjal sekondarju u Yaosh, li x’aktarx kien il-kmandant militari taʼ Lakis. Il-lingwa li biha nkitbu l-ittri tixbah lil dik użata fil-kitbiet tal-profeta Ġeremija li kien jgħix fl-istess perijodu. Ikkunsidra kif tnejn minn dawn l-ittri jappoġġaw id-deskrizzjoni Biblika taʼ dak iż-żmien kruċjali.
F’Ġeremija 34:7, il-profeta jiddeskrivi ż-żmien “meta l-eżerċti tas-sultan taʼ Babilonja kienu qegħdin jaħbtu għal Ġerusalemm u għall-bqija kollha taʼ l-ibliet taʼ Ġuda—Lakis u Għażeka—għax dawn biss kien għad fadal mill-ibliet iffortifikati kollha taʼ Ġuda.” L-awtur taʼ waħda mill-Ittri taʼ Lakis donnu jiddeskrivi l-istess ġrajjiet. Hu jikteb: “Aħna qegħdin għassa għas-sinjali [tan-nar] taʼ Lakis . . . , għax ma nistgħux naraw lil Għażeqa.” Ħafna studjużi jemmnu li Għażeqa, jew Għażeka, kienet waqgħet f’idejn il-Babiloniżi u li Lakis kien imissha taqaʼ. Dettall interessanti f’dan il-kliem hu r-referenza għal “sinjali tan-nar.” Ġeremija 6:1 (NW) isemmi wkoll li dawn kienu jintużaw bħala mezz taʼ komunikazzjoni.
Ittra oħra minn Lakis tidher li tappoġġa dak li jgħidu l-profeti Ġeremija u Eżekjel dwar l-isforzi tas-sultan taʼ Ġuda biex jikseb appoġġ mill-Eġittu fir-rewwixta kontra Babilonja. (Ġeremija 37:5-8; 46:25, 26; Eżekjel 17:15-17) L-Ittra taʼ Lakis tgħid: “Issa l-qaddej tiegħek irċieva l-informazzjoni li ġejja: Ġeneral Konjaħu bin Elnatan mar lejn in-nofsinhar sabiex jidħol l-Eġittu.” L-istudjużi ġeneralment jinterpretaw din l-azzjoni bħala sforz biex tinkiseb għajnuna militari mill-Eġittu.
Ix-xaqquf taʼ Lakis isemmi wkoll diversi ismijiet li jinsabu fil-ktieb taʼ Ġeremija. Dawn huma Nerija, Ġażanija, Gemarija, Elnatan, u Ħosajja. (Ġeremija 32:12; 35:3; 36:10, 12; 42:1) Ma nistgħux inkunu ċerti dwar jekk dawn l-ismijiet jirrappreżentawx lill-istess individwi. Però, ladarba Ġeremija għex matul dan il-perijodu, ix-xebh hu taʼ min jinnotah.
Karatteristika Komuni
Il-kollezzjonijiet tax-xaqquf tas-Samarija, Għarad, u Lakis jikkonfermaw diversi dettalji li huma mniżżlin fil-Bibbja. Dawn jinkludu ismijiet tal-familji, ismijiet ġeografiċi, u aspetti dwar is-sitwazzjoni reliġjuża u politika taʼ dak iż-żmien. Però, hemm aspett importanti li t-tliet kollezzjonijiet għandhom komuni bejniethom.
L-ittri fil-kollezzjonijiet misjubin f’Għarad u Lakis fihom frażijiet bħal “Jalla Ġeħova jitlob għal sliemek.” F’sebgħa mill-messaġġi taʼ Lakis, l-isem t’Alla b’kollox jissemma 11-il darba. Iktar minn hekk, ħafna ismijiet persunali bl-Ebrajk li nstabu fit-tliet kollezzjonijiet fihom il-forma mqassra taʼ l-isem Ġeħova. Għalhekk, dan ix-xaqquf jikkonferma li l-isem divin kien jintuża fil-ħajja taʼ kuljum fost l-Iżraelin taʼ dak iż-żmien.
[Stampa f’paġna 13]
Xaqqufa mill-fdalijiet t’Għarad indirizzata lil raġel li kien jismu Eljasib
[Sors]
Photograph © Israel Museum, Jerusalem; courtesy of Israel Antiquities Authority
[Stampa f’paġna 14]
Ittra taʼ Lakis li fiha l-isem t’Alla
[Sors]
Photograph taken by courtesy of the British Museum