LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w08 1/1 pp. 27-30
  • Insib Serħan mid-Disprament taż-Żgħożija

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Insib Serħan mid-Disprament taż-Żgħożija
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Maqbud f’Ħajja bla Sens
  • Ġeħova Jsalvani
  • Oħt Maħbuba Tiġi Mifdija
  • Negħleb Sentimenti li Jifnuni
  • Għidilhom li tħobbhom
    Esperjenzi tax-Xhieda taʼ Ġeħova
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
w08 1/1 pp. 27-30

Insib Serħan mid-​Disprament taż-​Żgħożija

KIF RAKKONTATA MINN EUSEBIO MORCILLO

F’Settembru taʼ l-​1993, żort ħabs li kellu sigurtà stretta. L-​okkażjoni kienet il-​magħmudija taʼ priġuniera, oħti iżgħar minni Mariví. Xi priġunieri u uffiċjali tal-​ħabs qagħdu jħarsu b’rispett hekk kif jien ikkonduċejt iċ-​ċerimonja tal-​magħmudija. Qabel ma nispjega kif jien u oħti sibna ruħna hemmhekk, ħa niddeskrivi l-​ħajja tagħna qabel dan.

JIEN twilidt fi Spanja fil-​5 taʼ Mejju, 1954, l-​ewwel wieħed minn tmint itfal. Mariví kienet it-​tielet waħda. In-​nanna tagħna rabbietna bħala Kattoliċi devoti, u għandi memorji sbieħ taʼ tfuliti. Dak iż-​żmien li qattajt magħha kont inħossni devot lejn Alla. Imma l-​ambjent fid-​dar tal-​ġenituri tiegħi kien kollox minbarra spiritwali. Missieri spiss kien isawwat lil ommi u lilna t-​tfal. Il-​biżaʼ kien parti minn ħajjitna, u kien jiddispjaċini ferm li nara lil ommi ssofri.

L-iskola kont niffaċċja iktar sitwazzjonijiet taʼ qtigħ il-​qalb. Wieħed mill-​għalliema, qassis, kien iħabbtilna rasna mal-​ħajt jekk inwieġbu xi mistoqsija ħażin. Qassis ieħor kien jabbuża sesswalment minn xi studenti waqt li jkun qed jikkoreġilhom il-​ħowmwerk. Barra minn hekk, tagħlim Kattoliku bħalma hu n-​nar taʼ l-​infern kien iħawwadni u jwerwirni. Ma domtx ma tlift id-​devozzjoni tiegħi lejn Alla.

Maqbud f’Ħajja bla Sens

Peress li ma kellix gwida spiritwali, bdejt inqattaʼ l-​ħin tiegħi maʼ nies immorali u vjolenti fid-​diskoteki. Spiss kien jinqalaʼ l-​ġlied u kienu jintużaw armi bħal skieken, katini, ħġieġ, u banketti. Għalkemm ma kontx involut direttament fil-​vjolenza, darba minnhom qlajt daqqa u ntlift minn sensija.

Fl-aħħar xbajt minn dik il-​ħajja u bdejt infittex diskoteki inqas storbjużi. Anki f’dawn il-​postijiet kien ikun hemm id-​drogi. Imma minflok is-​sodisfazzjon u l-​paċi tal-​moħħ, id-​drogi ma ġabulix ħlief alluċinazzjonijiet u ansjetà.

Għalkemm ma kontx kuntent, ħajjart lil José Luis, ħija iżgħar minni, u lill-​ħabib tal-​qalb tiegħi Miguel biex jaqbdu l-​istess ħajja li kont qbadt jien. Bħal ħafna żgħażagħ oħrajn fi Spanja f’dak iż-​żmien, aħna nqbadna fin-​nassa taʼ dinja korrotta. Tistaʼ tgħid li kont nagħmel minn kollox biex nakkwista l-​flus għad-​drogi. Ma kienx baqagħli dinjità.

Ġeħova Jsalvani

Matul dan iż-​żmien tkellimt kemm-il darba maʼ ħbiebi dwar l-​eżistenza t’Alla u s-​sinifikat tal-​ħajja. Bdejt nipprova nsib lil Alla billi bdejt infittex lil xi ħadd li stajt niftaħ qalbi miegħu. Innotajt li Francisco, wieħed minn sħabi tax-​xogħol, kien differenti mill-​oħrajn. Kien jidher ferħan, onest, u qalbu tajba, u għalhekk iddeċidejt li niftaħ qalbi miegħu. Francisco kien wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, u tani ħarġa tat-​Torri taʼ l-​Għassa li kien fiha artiklu fuq id-​drogi.

Wara li qrajt l-​artiklu, tlabt lil Alla għall-​għajnuna: “Mulej, naf li teżisti, u rrid insir nafek u nagħmel ir-​rieda tiegħek. Jekk jogħġbok, għinni!” Francisco u Xhieda oħrajn użaw il-​Bibbja biex jinkuraġġuni u tawni pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja biex naqrahom. Bdejt nirrealizza li bdew jagħtuni dik l-​għajnuna li kont tlabt lil Alla għaliha. Ma domtx ma bdejt ngħid lil ħbiebi u lil José Luis dwar l-​affarijiet li kont qed nitgħallem.

Ġurnata waħda, meta kont ħiereġ minn kunċert tal-​mużika rock maʼ xi ħbieb, inqtajt minn mal-​grupp. Bdejt inħares lejhom u nosservahom bħala xi ħadd li m’huwiex involut magħhom, u rrealizzajt kemm kienet saret diżgustanti l-​kondotta tagħna minħabba l-​influwenza tad-​drogi. Dak il-​ħin iddeċidejt li ma nibqax f’dik il-​ħajja u nsir wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

Tlabt lil Francisco jagħtini Bibbja u tani waħda u magħha tani wkoll il-​ktieb Il-​Verità li Twassal għal Ħajja Eterna.a Meta qrajt dwar il-​wegħda t’Alla li jimsaħ kull demgħa u jneħħi saħansitra l-​mewt, ma kelli ebda dubju li kont sibt il-​verità li tistaʼ teħles lill-​bnedmin. (Ġwanni 8:32; Rivelazzjoni 21:4) Ftit wara, attendejt laqgħa fis-​Sala tas-​Saltna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Il-​ħbiberija u l-​imħabba li sibt hemmhekk tant impressjonawni.

Tant kont ħerqan biex naqsam maʼ l-​oħrajn l-​esperjenza li kelli fis-​Sala tas-​Saltna li malajr ġbart lil José Luis u lil ħbiebi flimkien u rrakkontajtilhom kollox. Xi jiem wara, ilkoll kemm aħna attendejna l-​laqgħa. Tfajla li kienet bil-​qiegħda fir-​ringiela taʼ quddiemna ħarset lejna. Ovvjament, din baqgħet iċċassata x’ħin rat dan il-​grupp taʼ ħìpis b’xagħarhom twil, u qagħdet attenta li ma terġax iddawwar rasha. Min jaf kemm skantat meta l-​ġimgħa taʼ wara rġajna morna s-​Sala tas-​Saltna peress li din id-​darba konna bil-​ġlekk u l-​ingravata.

Ftit taż-​żmien wara, jien u Miguel attendejna assemblea tas-​circuit tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Qatt qabel ma kellna esperjenza bħal din—fratellanza vera taʼ nies taʼ kull età. U ħaġa taʼ l-​iskantament, l-​assemblea kienet fl-​istess teatru fejn konna għadna kif attendejna l-​kunċert tal-​mużika rock. Imma f’din l-​okkażjoni, l-​atmosfera u l-​mużika li smajna qawwewlna qalbna.

Il-grupp kollu tagħna beda studju tal-​Bibbja. Madwar tmien xhur wara, fis-​26 taʼ Lulju, 1974, jien u Miguel tgħammidna. It-​tnejn li aħna kellna 20 sena. Erbgħa oħra mill-​grupp tagħna tgħammdu ftit tax-​xhur wara. It-​taħriġ li rċivejt mill-​Bibbja qanqalni biex nibda ngħin lil ommi, li tant kienet tieħu paċenzja bina, fix-​xogħol tad-​dar u qsamt magħha t-​twemmin li kont għadni kif sibt. Sirna qrib taʼ xulxin. Qattajt ħafna ħin ukoll ngħin lil ħuti subien u bniet iżgħar minni.

Għadda ż-​żmien u kemm ommi kif ukoll ħuti kollha minbarra wieħed tgħallmu l-​verità tal-​Bibbja u tgħammdu bħala Xhieda taʼ Ġeħova. Fl-​1977 iżżewwiġt lil Soledad. Din kienet it-​tfajla li kienet baqgħet iċċassata lejna meta ratna l-​ewwel darba li konna morna s-​Sala tas-​Saltna. Fi ftit xhur, it-​tnejn li aħna bdejna naqdu bħala pijunieri, kif inhuma magħrufin ix-​Xhieda taʼ Ġeħova li jippridkaw l-​aħbar tajba full-time.

Oħt Maħbuba Tiġi Mifdija

Oħti Mariví, li hi iżgħar minni, kienet ġiet abbużata sesswalment meta kienet għadha żgħira, u dak il-​passat terribbli effettwaha profondament. Meta kienet għadha adoloxxenti bdiet tgħix ħajja immorali, u din kienet tinvolvi d-​drogi, is-​serq, u l-​prostituzzjoni. Fl-​età taʼ 23 sena weħlet il-​ħabs, fejn kompliet tgħix ħajja mħarbta.

Sadanittant, jien kont qed naqdi bħala indokratur tas-​circuit, ministru li jivvjaġġa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Fl-​1989, jien u Soledad ngħatajna l-​inkarigu biex naqdu fl-​inħawi tal-​ħabs fejn kienet Mariví. L-​awtoritajiet kienu għadhom kif ħadulha lil binha; kienet iddisprata, u ma kellhiex xewqa li tibqaʼ tgħix. Ġurnata waħda mort inżurha u ssuġġerejtilha li nibdew studju tal-​Bibbja flimkien, u hi aċċettat din l-​offerta. Wara li kienet ilha tistudja xi xahar, qatgħet id-​drogi u t-​tabakk. Kemm ħassejtni ferħan x’ħin rajt li Ġeħova taha s-​saħħa li tagħmel dawn il-​bidliet f’ħajjitha.—Ebrej 4:12.

Ftit wara li bdiet tistudja, Mariví bdiet taqsam il-​veritajiet tal-​Bibbja mal-​ħabsin l-​oħrajn u maʼ l-​uffiċjali tal-​ħabs. Għalkemm ġiet trasferita minn ħabs għall-​ieħor, kompliet bl-​attività tagħha taʼ l-​ippridkar. F’ħabs minnhom kienet tagħti xiehda minn ċella għal ċella. Matul is-​snin, Mariví bdiet studji tal-​Bibbja maʼ ħafna mill-​ħabsin f’penitenzjarji differenti.

Ġurnata waħda Mariví qaltli bix-​xewqa tagħha li tiddedika ħajjitha lil Ġeħova u titgħammed. Però ma ngħatatx il-​permess li toħroġ mill-​ħabs, u lanqas ħadd ma tħalla jidħol biex jgħammidha. Hi ssaportiet għal erbaʼ snin oħra fl-​ambjent korrott taʼ dak il-​ħabs. X’għenha żżomm il-​fidi tagħha? Fil-​ħin eżatt li tkun għaddejja l-​laqgħa tal-​kongregazzjoni tal-​post, hi kienet tgħaddi l-​istess programm fiċ-​ċella tal-​ħabs. Hi kellha wkoll programm regulari taʼ studju persunali tal-​Bibbja u talb.

Maż-żmien, Mariví ntbagħtet f’ħabs li kellu sigurtà stretta u li kellu pixxina. Hi ħasset li permezz taʼ dawn iċ-​ċirkustanzi ġodda, il-​magħmudija tagħha setgħet tkun possibbli. U hekk ġara, għax Mariví sa fl-​aħħar ngħatat il-​permess. Kien għalhekk li jien sibt ruħi nagħmel it-​taħdita tal-​magħmudija tagħha. Kont magħha fl-​iktar mument importanti taʼ ħajjitha.

Minħabba l-​mod taʼ ħajja taʼ qabel tagħha, Mariví mardet bl-​AIDS. Minkejja dan, minħabba l-​kondotta tajba tagħha nħelset mill-​ħabs qabel iż-​żmien, f’Marzu taʼ l-​1994. Hi għexet id-​dar m’ommi u kellha ħajja Kristjana attiva sakemm mietet sentejn wara.

Negħleb Sentimenti li Jifnuni

Jien ukoll ma ħlistx għalkollox mill-​konsegwenzi tal-​ħajja tiegħi taʼ qabel. L-​abbuż li ġarrabt taħt idejn missieri, kif ukoll il-​mod taʼ ħajja tiegħi bħala adoloxxenti ħallew il-​marka tagħhom fuq il-​personalità tiegħi. Fil-​ħajja adulta tiegħi, spiss ħassejtni mifni minħabba sentimenti taʼ ħtija u taʼ stima baxxa tiegħi nnifsi. Xi drabi ħassejtni verament skuraġġit. Iżda, il-​Kelma t’Alla kienet għajnuna imprezzabbli li għenitni niġġieled dawn is-​sentimenti inkwetanti. Matul is-​snin, il-​fatt li spiss kont nimmedita fuq skritturi bħalma huma Isaija 1:18 u Salm 103:8-13 għenni ferm biex jonqsuli s-​sentimenti taʼ ħtija li kultant kont inħoss.

It-talb hu arma spiritwali oħra li nuża biex nikkumbatti meta jkolli stima baxxa tiegħi nnifsi. Spiss insibni nitlob lil Ġeħova bid-​dmugħ f’għajnejja. Minkejja dan, il-​kliem li jinsab fl-​1 Ġwanni 3:19, 20 isaħħaħni: “B’dan insiru nafu li noriġinaw mill-​verità, u naċċertaw lil qlubna quddiemu rigward dak kollu li qlubna jikkundannawna dwaru, għax Alla hu akbar minn qlubna u jaf kollox.”

Peress li nersaq lejn Alla sinċerament b’qalb “maqsuma u sogħbiena,” nirrealizza li m’iniex daqshekk ħażin daqskemm kont naħseb. Il-​Bibbja taċċerta lil dawk kollha li jfittxu lil Ġeħova, li hu ma jistmerrx lil dawk li jiddispjaċihom sinċerament għall-​kondotta li kellhom fl-​imgħoddi u li jduru lura u jibdew jagħmlu r-​rieda tiegħu.—Salm 51:19 (51:17, NW).

Meta nħossni nibda niddubita lili nnifsi, nipprova nimla moħħi bi ħsibijiet pożittivi, it-​tip t’affarijiet spiritwali li huma msemmijin f’Filippin 4:8. Tgħallimt bl-​amment Salm 23 u l-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja. Meta f’moħħi jiġuni ħsibijiet negattivi, noqgħod ngħid f’qalbi dawn l-​iskritturi. Dan il-​mod taʼ kif intajjar il-​ħsibijiet hu speċjalment utli matul l-​iljieli meta ma nkunx nistaʼ norqod.

Sors ieħor t’għajnuna kien il-​kliem taʼ inkuraġġiment li jagħtuni marti u Kristjani maturi oħrajn. Għalkemm għall-​ewwel sibtha iebsa li naċċetta l-​kliem inkuraġġanti tagħhom, il-​Bibbja għenitni nifhem li l-​imħabba “kollox temmen.” (1 Korintin 13:7) Ukoll, bil-​mod il-​mod b’umiltà tgħallimt naċċetta d-​dgħjufijiet u l-​limitazzjonijiet tiegħi.

Il-lat pożittiv hu li l-​fatt li niġġieled kontra sentimenti negattivi għenni nkun indokratur li jivvjaġġa li jaf jagħder. Jien u marti qattajna 30 sena kull wieħed bħala ministri full-time taʼ l-​aħbar tajba. Il-​ferħ li nikseb milli naqdi lil oħrajn jgħinni biex ninjora s-​sentimenti negattivi u l-​memorji taʼ l-​esperjenzi xejn sbieħ li kelli, u b’hekk dawn ma jibqgħux jifnuni.

Issa, meta nħares lura u nirrifletti fuq il-​barkiet kollha li tani Ġeħova, inħossni mqanqal biex ngħid dak li qal is-​salmista: “Bierek . . . il-​Mulej; . . . Hu li jaħfer dnubietek kollha; ifejjaq il-​mard tiegħek kollu; jifdi lil ħajtek mill-​qabar; iħaddnek bit-​tjieba u l-​ħniena.”—Salm 103:1-4.

[Nota taʼ taħt]

a Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova imma m’għadux jiġi stampat.

[Kumment f’paġna 30]

Spiss ħassejtni mifni minħabba sentimenti taʼ ħtija u taʼ stima baxxa tiegħi nnifsi. Iżda, il-​Kelma t’Alla kienet għajnuna imprezzabbli li għenitni niġġieled dawn is-​sentimenti inkwetanti

[Stampi f’paġna 27]

Ħija José Luis u ħabibi Miguel segwew kemm l-​eżempju ħażin kif ukoll l-​eżempju tajjeb tiegħi

[Stampa f’paġna 28]

Il-​familja Morcillo fl-​1973

[Stampa f’paġna 29]

Mariví meta kienet il-​ħabs

[Stampa f’paġna 30]

Maʼ marti, Soledad

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja