LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w08 3/15 pp. 25-29
  • Tħares Int Lejn l-Oħrajn Kif Iħares Lejhom Ġeħova?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tħares Int Lejn l-Oħrajn Kif Iħares Lejhom Ġeħova?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kif Ġeħova Jara lil Ħutna
  • Ara lil Ħutek Kif Jarahom Ġeħova
  • Nimitaw lil Ġeħova fil-​Ministeru Tagħna
  • Fratellanza magħquda
    Organizzati biex Nagħmlu r-Rieda ta’ Ġeħova
  • “Il-Frott taʼ l-Ispirtu” Jigglorifika lil Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Tara int il-​bżonn li tagħmel progress spiritwali?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • Għin Biex il-Kongregazzjoni Tibqaʼ Magħquda
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
w08 3/15 pp. 25-29

Tħares Int Lejn l-​Oħrajn Kif Iħares Lejhom Ġeħova?

“Ma jkunx hemm firda fil-​ġisem . . . Il-​membri tiegħu jieħdu ħsieb xulxin bl-​istess mod.”—1 KOR. 12:25.

1. Kif ħassejtek meta dħalt l-​ewwel darba fil-​ġenna spiritwali?

META ma bqajniex parti mid-​dinja mill-​agħar u bdejna nassoċjaw mal-​poplu taʼ Ġeħova x’aktarx li ħadna pjaċir bl-​imħabba mill-​qalb u l-​interess ġenwin li jeżistu fosthom. X’kuntrast man-​nies raffi, ġellieda, u kollhom mibegħda li qegħdin fil-​kontroll taʼ Satana! Aħna dħalna fil-​ġenna spiritwali li hi mimlija paċi u unità.—Is. 48:17, 18; 60:18; 65:25.

2. (a) X’jistaʼ jeffettwa l-​mod kif inħarsu lejn l-​oħrajn? (b) X’jistaʼ jkollna bżonn nagħmlu?

2 Iżda, kif jibda jgħaddi ż-​żmien forsi nibdew inħarsu lejn ħutna b’lenti differenti minħabba l-​imperfezzjoni. Forsi din iġġegħelna nkabbru d-​difetti taʼ ħutna minflok ma nħarsu lejn il-​kwalitajiet spiritwali kollha tagħhom. Fi kliem sempliċi, ninsew inħarsu lejhom kif iħares lejhom Ġeħova. Jekk jiġrilna dan, ikun wasal il-​waqt li neżaminaw il-​ħarsa tagħna biex inġibuha fi qbil mal-​ħarsa ċara taʼ Ġeħova.—Eżo. 33:13.

Kif Ġeħova Jara lil Ħutna

3. Il-​Bibbja maʼ xiex tqabbel il-​kongregazzjoni Kristjana?

3 Kif hemm miktub fl-​1 Korintin 12:2-26, l-​appostlu Pawlu qabbel il-​kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin maʼ ġisem b’“ħafna membri.” Sewwasew bħalma l-​organi tal-​ġisem huma differenti minn xulxin, il-​membri tal-​kongregazzjoni huma ferm differenti minn xulxin rigward il-​karatteristiki u l-​abbiltajiet tagħhom. Madankollu, Ġeħova kuntent b’din il-​varjetà. Hu jħobb u japprezza kull membru. B’hekk, Pawlu jwissina li l-​membri tal-​kongregazzjoni għandhom “jieħdu ħsieb xulxin bl-​istess mod.” Dan jistaʼ jkun diffiċli għaliex il-​personalitajiet t’oħrajn għandu mnejn ikunu differenti minn tagħna.

4. Għala forsi għandna bżonn nirranġaw il-​mod kif inħarsu lejn ħutna?

4 Forsi saħansitra jistaʼ jkollna t-​tendenza li nikkonċentraw fuq id-​difetti taʼ ħutna. Jekk nagħmlu dan, fil-​fatt inkunu qisna qed nużaw kamera tar-​ritratti b’lenti li tiffoka biss fuq roqgħa żgħira. Iżda l-​ħarsa taʼ Ġeħova hija minn lenti b’angolu wiesaʼ, li taqbad is-​suġġett kif ukoll dak kollu li hemm madwaru. Aħna għandna t-​tendenza li nkabbru xi ħaġa li ma togħġobniex, filwaqt li Ġeħova jara l-​persuna kollha kemm hi, inkluż il-​kwalitajiet tajbin kollha taʼ l-​individwu. Iktar ma nistinkaw biex insiru bħal Ġeħova, iktar se nikkontribwixxu għall-​ispirtu taʼ mħabba u għaqda fil-​kongregazzjoni.—Efes. 4:1-3; 5:1, 2.

5. Għala m’huwiex xieraq li niġġudikaw lill-​oħrajn?

5 Ġesù kien jaf sew li l-​bnedmin spiss għandhom it-​tendenza li jiġġudikaw. Hu wissa: “Tibqgħux tiġġudikaw biex ma tiġux ġudikati.” (Mt. 7:1) Innota li Ġesù ma qalx: “Tiġġudikawx”; hu qal: “Tibqgħux tiġġudikaw.” Hu kien jaf li ħafna mis-​semmiegħa tiegħu diġà kellhom il-​vizzju li jikkritikaw lil oħrajn. Jistaʼ jagħti l-​każ li aħna wkoll waqajna f’dan il-​vizzju? Jekk għandna din it-​tendenza, imissna naħdmu iebes biex ninbidlu sabiex ma niġux ġudikati li jistħoqqilna l-​kastig. Tabilħaqq, aħna min aħna biex niġġudikaw lil xi ħadd li qed jiġi użat minn Ġeħova f’xi inkarigu jew ngħidu li hu m’għandux ikun parti mill-​kongregazzjoni? Jistaʼ jkun li xi ħu jkollu xi nuqqasijiet, iżda jekk Ġeħova jibqaʼ jaċċettah, inkunu qed nagħmlu sewwa jekk inwarrbuh? (Ġw. 6:44) Nemmnu tassew li Ġeħova qed imexxi l-​kongregazzjoni tiegħu u, jekk ikun hemm bżonn taʼ xi aġġustamenti, hu se jieħu azzjoni meta jasal il-​waqt?—Aqra Rumani 14:1-4.

6. Ġeħova kif iħares lejn il-​qaddejja tiegħu?

6 Xi ħaġa meraviljuża dwar Ġeħova hi li hu jistaʼ jara fi Kristjani individwali l-​potenzjal li jistgħu jilħqu meta jsiru perfetti fid-​dinja l-​ġdida. Hu jaf ukoll xi progress spiritwali diġà għamlu. Għalhekk, m’għandux għalfejn jikkonċentra fuq kull dgħjufija tal-​ġisem. F’Salm 103:12 naqraw: “Daqs kemm hu mbiegħed il-​lvant mill-​punent, hekk hu jbiegħed minna ħtijietna.” Kemm għandna għalfejn inkunu grati għal dan!—Salm 130:3.

7. X’nitgħallmu mill-​mod kif Ġeħova ħares lejn David?

7 Fl-​Iskrittura nsibu evidenza li Ġeħova għandu l-​abbiltà taʼ l-​għaġeb li jikkonċentra fuq it-​tajjeb taʼ persuna. Alla ddeskriva lil David bħala l-​“qaddej tiegħi David, li kien iħares l-​ordnijiet tiegħi, u li kien jimxi warajja b’qalbu kollha, u jagħmel biss dak li hu tajjeb f’għajnejja.” (1 Slat. 14:8) M’għandniex xi ngħidu, aħna nafu li David għamel xi affarijiet li kienu ħżiena. Xorta waħda, Ġeħova għażel li jikkonċentra fuq it-​tajjeb għax kien jaf li qalb David kienet retta.—1 Kron. 29:17.

Ara lil Ħutek Kif Jarahom Ġeħova

8, 9. (a) B’liema mod nistgħu nkunu bħal Ġeħova? (b) Kif nistgħu nagħtu tixbiha taʼ dan, u liema lezzjoni hemm għalina?

8 Ġeħova jistaʼ jaqra l-​qlub, filwaqt li aħna ma nistgħux. Dan fih innifsu huwa raġuni tajba biex ma niġġudikawx. Aħna ma nafux x’inhuma l-​motivi kollha taʼ persuna oħra. Għandna nipprovaw nimitaw lil Ġeħova billi ma niffokawx fuq l-​imperfezzjonijiet umani li maż-​żmien se jgħibu. Ma tkunx mira eċċellenti li nipprovaw inkunu bħalu f’dan ir-​rigward? Jekk nagħmlu dan se jkollna relazzjonijiet taʼ paċi maʼ ħutna rġiel u nisa.—Efes. 4:23, 24.

9 Biex nagħtu eżempju, aħseb dwar dar li tinsab fi stat ħażin—il-​bibien u t-​twieqi mkissrin, is-​soqfa jqattru, u l-​ħitan imġemmdin. Forsi ħafna nies iħarsu lejn din id-​dar u jikkonkludu li aħjar titwaqqaʼ għax qed tkerrah l-​ambjent. Iżda għandu mnejn jiġi xi ħadd b’ħarsa kompletament differenti. Hu forsi ma jqisx il-​ħsara taʼ barra għax jara li l-​bini għadu sod u d-​dar tistaʼ tissewwa. Jixtri d-​dar u bi ftit xogħol isewwi l-​ħsara taʼ barra u jirranġa d-​dehra tagħha. Wara, kulmin jgħaddi minn ħdejha jgħid kemm hi dar sabiħa. Nistgħu aħna nkunu bħal dan l-​individwu li ħadem biex isewwi u jirranġa d-​dar? Minflok ma nikkonċentraw fuq id-​difetti li naraw f’ħutna, nistgħu aħna nirrikonoxxu l-​kwalitajiet tajbin tagħhom u l-​potenzjal li għandhom biex ikomplu jikbru spiritwalment? Jekk nagħmlu hekk, insiru nħobbu lil ħutna għax napprezzaw il-​ġmiel spiritwali tagħhom, kif jagħmel Ġeħova.—Aqra Ebrej 6:10.

10. Kif jistgħu jgħinuna l-​pariri li nsibu f’Filippin 2:3, 4?

10 L-​appostlu Pawlu ta xi pariri li jistgħu jgħinuna fir-​relazzjonijiet tagħna mal-​membri kollha fil-​kongregazzjoni. Hu ħeġġeġ lill-​Kristjani: “Tagħmlu xejn bi ġlied jew bi kburija, imma b’umiltà tqisu lill-​oħrajn superjuri għalikom. Tfittxux l-​interessi persunali tagħkom biss, imma wkoll l-​interessi persunali taʼ l-​oħrajn.” (Flp. 2:3, 4) L-​umiltà se tgħinna nħarsu b’mod xieraq lejn l-​oħrajn. Jekk nuru interess persunali f’oħrajn u nfittxu t-​tajjeb fihom niġu megħjunin ukoll biex inħarsu lejhom kif iħares lejhom Ġeħova.

11. Liema bidliet effettwaw lil xi kongregazzjonijiet?

11 Fi żminijiet reċenti, żviluppi globali wasslu għal ċaqliq kbir taʼ nies. F’xi bliet issa hemm joqogħdu nies minn ħafna pajjiżi differenti. Xi nies li għadhom kif ġew joqogħdu fit-​territorju tagħna qed juru interess fil-​verità tal-​Bibbja u qed jingħaqdu magħna fil-​qima taʼ Ġeħova. Dawn ġejjin “minn kull ġens u tribù u poplu u lsien.” (Riv. 7:9) Minħabba f’hekk, ħafna mill-​kongregazzjonijiet tagħna saru f’ċertu sens iktar internazzjonali.

12. Kif għandna nibqgħu nħarsu lejn xulxin, u kultant dan għala jistaʼ jkun taʼ sfida?

12 Fil-​kongregazzjoni tagħna forsi jkollna bżonn nagħtu iktar attenzjoni biex nibqgħu nħarsu b’mod xieraq lejn xulxin. Dan ifakkarna biex nagħtu kas il-​pariri taʼ l-​appostlu Pietru li nuru “affezzjoni lejn l-​aħwa mingħajr ipokrisija” u ‘nħobbu lil xulxin mill-​qalb bil-​ħeġġa kollha.’ (1 Pt. 1:22) Li nikkultivaw affezzjoni u mħabba ġenwina jistaʼ jkun taʼ sfida f’kongregazzjoni b’ħafna nazzjonalitajiet differenti. Il-​kultura taʼ sħabna fit-​twemmin għandu mnejn tkun differenti għalkollox minn tagħna, kif ukoll l-​ambjent edukattiv, ekonomiku, u etniku li jkunu ġejjin minnu. Issibha int taʼ sfida biex tifhem kif jaħsbu u jirreaġixxu xi wħud? Forsi huma jħossuhom hekk ukoll. Minkejja dan, ilkoll kemm aħna niġu mwissijin: “Ħobbu l-​fratellanza kollha.”—1 Pt. 2:17.

13. Liema aġġustamenti forsi għandna bżonn nagħmlu fil-​mod kif naħsbu?

13 Forsi jkun hemm bżonn li nagħmlu xi aġġustamenti fil-​mod kif naħsbu sabiex nitwessgħu fi mħabbitna għal ħutna kollha. (Aqra t-​2 Korintin 6:12, 13.) Qatt indunajna li qed ngħidu xi ħaġa bħal “Jien m’iniex preġudikat, imma . . . ” u mbagħad insemmu xi karatteristiki negattivi li nħossu li huma komuni fost membri taʼ ċertu grupp etniku? Dawn is-​sentimenti jistgħu jikxfu li għandna bżonn inneħħu xi preġudizzju li għad għandna fil-​fond taʼ qalbna. Nistgħu nistaqsu lilna nfusna, ‘Qiegħed jien nagħmel sforz b’mod regulari biex insir naf nies taʼ kultura differenti minn tiegħi?’ Eżami tagħna nfusna bħal dan jistaʼ jgħinna nsiru aħjar billi naċċettaw u napprezzaw il-​fratellanza internazzjonali tagħna.

14, 15. (a) Agħti eżempji taʼ wħud li għamlu aġġustamenti fil-​mod kif iħarsu lejn oħrajn. (b) Kif nistgħu nimitawhom?

14 Il-​Bibbja tagħtina eżempji mill-​aħjar taʼ nies li rranġaw il-​ħarsa tagħhom, u fost dawn hemm l-​appostlu Pietru. Bħala Lhudi, Pietru kien jevita li jidħol f’dar taʼ bniedem Ġentil. Immaġina ftit kif ħassu meta ġie mitlub iżur id-​dar taʼ Kornelju, Ġentil mhux ċirkonċiż! Pietru rranġa l-​ħarsa tiegħu għax ra li kienet ir-​rieda t’Alla li nies mill-​ġnus kollha jsiru parti mill-​kongregazzjoni Kristjana. (Atti 10:9-35) Sawlu, li iktar tard sar l-​appostlu Pawlu, ukoll kellu jagħmel bidliet f’ħajtu u jneħħi l-​preġudizzju. Hu ammetta li qabel tant kien jobgħod lill-​Kristjani li ‘kien jippersegwita b’mod estrem lill-​kongregazzjoni t’Alla u jħarbatha.’ Iżda, meta l-​Mulej Ġesù kkoreġa lil Pawlu, dan għamel bidliet kbar u saħansitra beda jaċċetta d-​direzzjoni mingħand dawk li qabel kien jippersegwitahom.—Gal. 1:13-20.

15 M’hemm ebda dubju li bl-​għajnuna taʼ l-​ispirtu taʼ Ġeħova aħna nistgħu nagħmlu aġġustamenti fl-​attitudni tagħna. Jekk naraw li hemm xi traċċi taʼ preġudizzju moħbijin fina, ħa nistinkaw biex inneħħuhom għalkollox, u b’hekk ‘inħarsu l-​unità taʼ l-​ispirtu fir-​rabta li tgħaqqad tal-​paċi.’ (Efes. 4:3-6) Il-​Bibbja tinkuraġġina ‘nilbsu l-​imħabba, għax hi rabta perfetta li tgħaqqad.’—Kol. 3:14.

Nimitaw lil Ġeħova fil-​Ministeru Tagħna

16. X’inhi r-​rieda t’Alla għan-​nies?

16 “Alla ma juri ebda parzjalità,” kiteb l-​appostlu Pawlu. (Rum. 2:11) L-​iskop taʼ Ġeħova hu li nies mill-​ġnus kollha jingħaqdu biex iqimuh. (Aqra l-​1 Timotju 2:3, 4.) Għal dan l-​għan, hu ħa ħsieb li “aħbar tajba taʼ dejjem” tiġi mxandra “lil kull ġens u tribù u lsien u poplu.” (Riv. 14:6) Ġesù qal: “L-​għalqa hi d-​dinja.” (Mt. 13:38) X’sinifikat għandu dan għalik u għall-​familja immedjata tiegħek?

17. Kif nistgħu ngħinu lil kull xorta taʼ nies?

17 Mhux kulħadd jistaʼ jmur f’pajjiżi mbegħdin fid-​dinja biex iwassal il-​messaġġ tas-​Saltna lil oħrajn. Minkejja dan, forsi għandna ċ-​ċans li nwasslu dan il-​messaġġ lil nies mill-​partijiet kollha tad-​dinja li jgħixu fit-​territorju tagħna. Qegħdin aħna attenti li nieħdu l-​opportunità biex nagħtu xiehda lil kull xorta taʼ nies, mhux biss lil dawk li ilna nippridkawlhom għal snin sħaħ? Għax ma tipprovax tieħu l-​inizjattiva li tippriedka lil oħrajn li għadhom ma ħadux xiehda bir-​reqqa?—Rum. 15:20, 21.

18. Ġesù liema tħassib wera għan-​nies?

18 Ġesù ħass ħafna l-​bżonn li jgħin lil kulħadd. Hu ma ppridkax biss f’post wieħed. Rakkont wieħed tal-​Bibbja jgħidilna li hu “mar idur il-​bliet u l-​irħula kollha.” U mbagħad, “malli ra l-​folol tħassarhom” u esprima l-​bżonn li jgħinhom.—Mt. 9:35-37.

19, 20. Liema huma xi modi li bihom nistgħu nirriflettu l-​interess li Ġeħova u Ġesù għandhom għal kull xorta taʼ nies?

19 Liema huma xi modi kif int tistaʼ turi attitudni simili? Xi wħud għamlu sforz biex jagħtu xiehda f’partijiet tat-​territorju tagħhom li ma jinħadmux spiss. Dan jistaʼ jinkludi distretti tan-​negozju, ġonna, vendi tal-​karozzi tal-​linja, jew quddiem xi bini residenzjali li ma tistax tidħol fih. Oħrajn għamlu l-​isforz li jitgħallmu lingwa oħra sabiex jippridkaw lil ċerti gruppi etniċi li issa jgħixu fit-​territorju tagħhom jew lil gruppi li fil-​passat ma tantx ngħataw xiehda. Il-​fatt li titgħallem issellem lil dawn in-​nies bil-​lingwa tagħhom jistaʼ juri li int interessat ħafna fil-​benesseri tagħhom. Jekk aħna ma nistgħux nitgħallmu lingwa oħra, nistgħu għall-​anqas ninkuraġġixxu lil dawk li qed jagħmlu dan? Żgur li m’għandniex inkunu negattivi u niddubitaw minn dawk li qed jagħmlu l-​isforz biex jippridkaw lil nies minn xi pajjiż ieħor. Il-​ħajjiet tan-​nies kollha huma prezzjużi f’għajnejn Alla u aħna għandna nħarsu lejn l-​affarijiet bl-​istess mod.—Kol. 3:10, 11.

20 Il-​fatt li nħarsu lejn in-​nies kif iħares lejhom Alla jfisser ukoll li nippridkaw lil kulħadd, minkejja ċ-​ċirkustanzi tagħhom. Xi wħud għandu mnejn ikunu bla dar, maħmuġin, jew jidhru li qed jgħixu ħajja immorali. Jekk xi individwi jittrattawna ħażin, dan m’għandux iġegħelna nifformaw opinjoni negattiva dwar in-​nazzjonalità jew il-​grupp etniku tagħhom kollu. Pawlu ġie trattat ħażin minn xi wħud, iżda ma ħalliex dan iġiegħlu jieqaf milli jippriedka lil nies li ġejjin minn dak l-​ambjent. (Atti 14:5-7, 19-22) Hu kellu fiduċja li xi individwi se jirreaġixxu bi gratitudni.

21. Kif ikun t’għajnuna għalik jekk tħares lejn l-​oħrajn kif iħares lejhom Ġeħova?

21 Issa huwa ċar iktar minn qatt qabel li hemm bżonn li jkollna ħarsa xierqa—il-​ħarsa taʼ Ġeħova—fir-​relazzjonijiet tagħna maʼ ħutna lokali, mal-​fratellanza internazzjonali tagħna, u man-​nies fit-​territorju. Iktar ma nimitaw mill-​qrib il-​ħarsa taʼ Ġeħova, iktar se nġibu ’l quddiem il-​paċi u l-​unità. U nkunu f’qagħda aħjar biex ngħinu lill-​oħrajn japprezzaw lil Ġeħova, l-​Alla li “ma jimxix bil-​favuri,” iżda juri interess bi mħabba lejn kulħadd, “għax kollha huma xogħol idejh.”—Ġob 34:19.

Taf Twieġeb?

• Liema mod kif inħarsu lejn ħutna għandna nevitaw?

• Kif nistgħu nimitaw lil Ġeħova fil-​mod kif inħarsu lejn ħutna?

• Liema lezzjonijiet tgħallimt dwar kif inħarsu lejn il-​fratellanza internazzjonali tagħna?

• Kif nistgħu nimitaw il-​mod kif Ġeħova jħares lejn in-​nies meta nkunu fil-​ministeru?

[Stampa f’paġna 26]

Kif tistaʼ ssir taf nies taʼ kulturi oħrajn?

[Stampi f’paġna 28]

Kif tistaʼ tilħaq iktar nies bl-​aħbar tajba?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja