LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w08 6/15 pp. 18-22
  • Aċċetta l-Awtorità taʼ Ġeħova

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Aċċetta l-Awtorità taʼ Ġeħova
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kif Aħna Nqisu l-​Awtorità
  • Inħarrġu s-​Sensi Tagħna
  • Satana Jfittex li Jdgħajjef l-​Awtorità t’Alla
  • Għasses Kontra Spirtu taʼ Indipendenza
  • L-​Importanza taʼ l-​Umiltà
  • Għala Għandna Nirrispettaw l-Awtorità?
    “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
  • Il-Ħarsa Kristjana Lejn l-Awtorità
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Għala Huwa Essenzjali li Jkollna Rispett lejn l-Awtorità?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • L-Awtorità taʼ Min Għandek Int Tirrikonoxxi?
    Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
w08 6/15 pp. 18-22

Aċċetta l-​Awtorità taʼ Ġeħova

“L-​imħabba t’Alla tfisser dan: li nosservaw il-​kmandamenti tiegħu; u madankollu l-​kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.”—1 ĠW. 5:3.

1, 2. (a) Ħafna nies illum għala xejn ma togħġobhom l-​idea taʼ sottomissjoni lejn l-​awtorità? (b) Huma dawk li jsostnu li ma jridux joqogħdu għall-​awtorità t’oħrajn tassew indipendenti? Spjega.

“AWTORITÀ” hija kelma li xejn m’hi popolari llum. Ħafna ma togħġobhomx l-​idea li jissottomettu ruħhom għar-​rieda taʼ xi ħadd ieħor. L-​attitudni taʼ dawk li jsostnu li ma jridux joqogħdu għall-​awtorità taʼ xi ħadd ieħor hi: “Jien ma nħalli lil ħadd jgħidli x’għandi nagħmel.” Iżda, huma dawn in-​nies tassew indipendenti? Lanqas xejn! Il-​biċċa l-​kbira minnhom sempliċement isegwu l-​livelli taʼ numru bla għadd t’oħrajn li huma “magħġunin skond din is-​sistema.” (Rum. 12:2) Mhux talli m’humiex indipendenti, imma talli, biex nużaw l-​istess kliem taʼ l-​appostlu Kristjan Pietru, huma “lsiera tal-​korruzzjoni.” (2 Pt. 2:19) Huma jimxu “skond is-​sistema taʼ din id-​dinja, skond il-​ħakkiem taʼ l-​awtorità taʼ l-​arja,” Satana x-​Xitan.—Efes. 2:2.

2 Awtur wieħed ftaħar: “Jien la lill-​ġenituri, la lil xi qassis, la lil xi ministru jew għalliem reliġjuż, u lanqas lill-​Bibbja ma nagħti l-​permess li jiddeċiedu x’inhu tajjeb għalija.” Veru, hemm xi wħud li jabbużaw mill-​awtorità tagħhom u forsi ma jixirqilhomx li nobduhom. Imma hija s-​soluzzjoni li niċħdu li għandna bżonn direzzjoni? Daqqa t’għajn lejn it-​titli tal-​gazzetti malajr turina t-​tweġiba xejn pjaċevoli. X’ħasra li fi żmien meta l-​bnedmin tant għandhom bżonn taʼ gwida, il-​biċċa l-​kbira minnhom, iktar minn qatt qabel, m’humiex lesti li jaċċettawha.

Kif Aħna Nqisu l-​Awtorità

3. Il-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu kif urew li ma ssottomettewx ruħhom b’għajnejhom magħluqin lejn l-​awtorità tal-​bniedem?

3 Bħala Kristjani, aħna nieħdu pożizzjoni differenti minn dik tad-​dinja. Mhux għax nagħmlu kulma jgħidulna b’għajnejna magħluqin. Għall-​kuntrarju, xi drabi rridu nirrifjutaw li nissottomettu ruħna għar-​rieda t’oħrajn anki jekk huma għandhom pożizzjonijiet t’awtorità. Dan ġara wkoll lill-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu. Per eżempju, meta l-​appostli ġew ordnati biex jieqfu jippridkaw, huma ma ċedewx għal dak li qalilhom il-​qassis il-​kbir u oħrajn fl-​awtorità li kienu parti mis-​Sinedriju. M’abbandunawx kondotta xierqa sabiex jaqblu maʼ l-​awtorità tal-​bniedem.—Aqra Atti 5:27-29.

4. Liema eżempji mill-​Iskrittura Ebrajka juru li ħafna min-​nies t’Alla għażlu triq mhux popolari?

4 Għadd kbir taʼ qaddejja t’Alla fiż-​żminijiet taʼ qabel il-​Kristjanità aġixxew bl-​istess determinazzjoni. Per eżempju, Mosè “ma riedx jissejjaħ bin bint il-​Fargħun, imma għażel li jkun trattat ħażin mal-​poplu t’Alla,” anki jekk biex jagħmel dan qanqal ir-​“rabja tas-​sultan.” (Ebr. 11:24, 25, 27) Ġużeppi rreżista meta ttantatu l-​mara taʼ Putifar, avolja setgħet tpattihielu u tagħmillu l-​ħsara. (Ġen. 39:7-9) Danjel kien deċiż f’qalbu “li ma jitniġġisx bl-​ikel tas-​sultan,” għalkemm ma kienx faċli biex l-​uffiċjal prinċipali tal-​qorti taʼ Babilonja jaċċetta l-​pożizzjoni taʼ Danjel fuq il-​kwistjoni. (Dan. 1:8-14) Bħalma turi l-​istorja, eżempji bħal dawn juru li n-​nies t’Alla ħadu waqfa soda għal dak li hu sewwa, minkejja l-​konsegwenzi. Ma ċedewx għar-​rieda tal-​bniedem sempliċement biex jiksbu l-​approvazzjoni tiegħu; lanqas aħna m’għandna nċedu.

5. Il-​mod kif aħna nqisu l-​awtorità kif inhu differenti minn dak tad-​dinja?

5 Il-​waqfa kuraġġuża tagħna m’għandha x’taqsam xejn maʼ sempliċi ras iebsa; lanqas m’aħna bħal xi ħadd li jirribella sempliċement biex juri li ma jaqbilx maʼ xi sistema politika. Minflok, aħna determinati li naċċettaw l-​awtorità taʼ Ġeħova iktar minn dik taʼ kwalunkwe bniedem. Meta l-​liġi tal-​bniedem tkun f’konflitt mal-​liġi t’Alla, id-​deċiżjoni dwar x’se nagħmlu ma tkunx diffiċli. Bħall-​appostli fl-​ewwel seklu, aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem iktar milli lill-​bnedmin.

6. Għala huwa dejjem l-​aħjar ħaġa li nobdu l-​kmandi taʼ Ġeħova?

6 X’għenna naċċettaw l-​awtorità t’Alla? Aħna naqblu maʼ dak li jgħid Proverbji 3:5, 6: “Ittama fil-​Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-​għaqal tiegħek. Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek.” Aħna nemmnu li hu x’inhu li Alla jirrikjedi minna, fl-​aħħar mill-​aħħar se jkun għall-​ġid tagħna. (Aqra Dewteronomju 10:12, 13.) Tabilħaqq, Ġeħova ddeskriva lilu nnifsu lill-​Iżraelin bħala l-​Wieħed li ‘jgħallmek għall-​ġid tiegħek, u jqabbdek it-​triq fejn għandek timxi.’ Imbagħad żied: “Li kieku tajt widen għall-​kmandamenti tiegħi, kien ikun bħal xmara sliemek, u sedqek bħal mewġ tal-​baħar.” (Is. 48:17, 18) Aħna għandna fiduċja f’dan il-​kliem. Ninsabu konvinti li huwa dejjem fl-​aqwa interess tagħna li nobdu l-​kmandi t’Alla.

7. X’għandna nagħmlu jekk ma nifhmux għalkollox xi kmand li jkun hemm fil-​Kelma t’Alla?

7 Aħna naċċettaw l-​awtorità taʼ Ġeħova u nobduh saħansitra jekk ma nifhmux għalkollox ir-​raġuni għal xi ħaġa li hu jirrikjedi minna mniżżla fil-​Kelma tiegħu. Dan m’huwiex fidi għamja, iżda fiduċja. Jirrifletti li nafdaw f’Ġeħova b’qalbna kollha għax jaf x’inhu tajjeb għalina. L-​ubbidjenza tagħna hija wkoll mod kif nesprimu mħabbitna, għax l-​appostlu Ġwanni kiteb: “L-​imħabba t’Alla tfisser dan: li nosservaw il-​kmandamenti tiegħu.” (1 Ġw. 5:3) Imma hemm aspett ieħor għala għandna nobdu li m’għandniex ninjorawh.

Inħarrġu s-​Sensi Tagħna

8. Li jkollna “s-​sensi tagħna mħarrġin” kif inhu relatat maʼ li naċċettaw l-​awtorità taʼ Ġeħova?

8 Il-​Bibbja tgħidilna li għandu jkollna ‘s-​sensi tagħna mħarrġin biex nagħrfu nagħżlu kemm it-​tajjeb u kemm il-​ħażin.’ (Ebr. 5:14) Għaldaqstant, il-​mira tagħna m’hijiex li nobdu l-​liġijiet t’Alla mingħajr ma naħsbu x’qed nagħmlu; minflok, irridu nkunu kapaċi nagħrfu nagħżlu “kemm it-​tajjeb u kemm il-​ħażin” skond il-​livelli taʼ Ġeħova. Irridu naraw kemm huma għaqlin il-​modi taʼ Ġeħova, sabiex inkunu nistgħu ngħidu bħalma qal is-​salmista: “Il-​liġi tiegħek ġewwa qalbi.”—Salm 40:9 (40:8, NW).

9. Kif nistgħu naġġustaw il-​kuxjenza tagħna biex tkun fi qbil mal-​livelli taʼ Ġeħova, u għala hu importanti li nagħmlu dan?

9 Biex napprezzaw il-​liġijiet t’Alla bħalma għamel is-​salmista, jeħtieġ li nimmeditaw fuq dak li naqraw mill-​Bibbja. Per eżempju, meta nsiru nafu dwar xi ħaġa li Ġeħova jirrikjedi minna, nistgħu nistaqsu: ‘Dan il-​kmand jew prinċipju għala huwa għaqli? Għala hu fl-​aqwa interess tiegħi li nobdi? Liema konsegwenzi koroh ġarrbu dawk li injoraw il-​pariri t’Alla f’din il-​kwistjoni?’ Meta l-​kuxjenza tagħna tkun fi qbil mal-​modi taʼ Ġeħova, x’aktarx li nkunu iktar nistgħu nieħdu deċiżjonijiet fi qbil mar-​rieda tiegħu. Inkunu nistgħu ‘nibqgħu nifhmu x’inhi r-​rieda taʼ Ġeħova,’ u mbagħad inwettquha billi nibqgħu nobdu. (Efes. 5:17) Dan m’huwiex dejjem faċli.

Satana Jfittex li Jdgħajjef l-​Awtorità t’Alla

10. Liema hu wieħed mill-​aspetti li fih Satana jipprova jdgħajjef l-​awtorità t’Alla?

10 Satana ilu ħafna jfittex li jdgħajjef l-​awtorità t’Alla. L-​ispirtu indipendenti tiegħu jidher b’ħafna modi. Per eżempju, ejja nieħdu n-​nuqqas taʼ rispett lejn l-​arranġament t’Alla għaż-​żwieġ. Xi wħud jagħżlu li jgħixu flimkien, filwaqt li oħrajn jipprovaw isibu modi kif itemmu ż-​żwieġ tagħhom. Dawn iż-​żewġ gruppi għandhom mnejn jaqblu m’attriċi magħrufa sew li qalet: “Il-​monogamija hija impossibbli għaż-​żewġ sessi.” Hi żiedet: “Ma naf lil ħadd li hu leali fiż-​żwieġ jew li jrid ikun hekk.” Meta rrifletta fuq ir-​relazzjonijiet tiegħu li sfaxxaw fix-​xejn, attur popolari b’mod simili stqarr: “M’iniex ċert jekk huwiex tassew fin-​natura tagħna li nibqgħu maʼ xi ħadd għall-​bqija taʼ ħajjitna.” Nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna, ‘Naċċettaha jien l-​awtorità taʼ Ġeħova fuq il-​kwistjoni taż-​żwieġ, jew ħallejt l-​attitudni laxka tad-​dinja teffettwali l-​ħsieb tiegħi?’

11, 12. (a) Għala jistaʼ jkun diffiċli biex iż-​żgħażagħ jaċċettaw l-​awtorità taʼ Ġeħova? (b) Irrakkonta xi esperjenza li turi l-​bluha li wieħed jinjora l-​liġijiet u l-​prinċipji taʼ Ġeħova.

11 Int żagħżugħ fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova? Jekk inhu hekk, għandu mnejn li int mira speċjali għall-​attentati taʼ Satana biex idgħajjef l-​awtorità taʼ Ġeħova. “Ix-​xewqat li jistaʼ jkollok fiż-​żgħożija” flimkien mal-​pressjoni minn dawk taʼ mparek jistgħu jġegħluk taħseb li l-​liġijiet t’Alla huma tqal. (2 Tim. 2:22) Tħallix dan jiġri. Agħmel ħiltek kollha biex tara kemm huma għaqlin il-​livelli t’Alla. Per eżempju, il-​Bibbja tgħidlek biex ‘taħrab miż-​żína.’ (1 Kor. 6:18) Hawnhekk erġaʼ staqsi lilek innifsek dawn il-​mistoqsijiet: ‘Dan il-​kmand għala hu għaqli? L-​ubbidjenza f’dan l-​aspett kif inhi taʼ benefiċċju għalija?’ Forsi taf lil xi wħud li injoraw il-​pariri t’Alla u li kellhom iħallsu qares għall-​iżball li għamlu. Huma issa verament ferħanin? Għandhom ħajja aħjar minn dik li kienu jgawdu meta kienu jissieħbu maʼ l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova? Sabu huma verament xi sigriet għall-​hena li l-​bqija tal-​qaddejja t’Alla ma jafux bih?—Aqra Isaija 65:14.

12 Ikkunsidra l-​kummenti li għamlet xi żmien ilu waħda Kristjana jisimha Sharon: “Minħabba li injorajt il-​liġi taʼ Ġeħova, laqqatt il-​marda qerrieda taʼ l-​AIDS. Spiss inħares lura lejn il-​ħafna snin kollhom ferħ li qattajt naqdi lil Ġeħova.” Hi rrealizzat li kienet bluha li tikser il-​liġijiet taʼ Ġeħova u li messha wriet l-​akbar rispett lejhom. Il-​liġijiet taʼ Ġeħova huma għall-​protezzjoni tagħna. Sharon mietet sebaʼ ġimgħat biss wara li kitbet il-​kliem t’hawn fuq. Bħalma turi l-​esperjenza traġika tagħha, Satana m’għandu xejn tajjeb x’joffri lil dawk li jsiru parti minn din is-​sistema mill-​agħar. Bħala “missier il-​gidba,” hu jagħmel ħafna wegħdi, imma dawn kollha jisfaxxaw fix-​xejn, sewwa sew bħalma sfaxxat fix-​xejn il-​wegħda li għamel lil Eva. (Ġw. 8:44) Verament, l-​aqwa ħaġa li tistaʼ tagħmel hi li taċċetta l-​awtorità taʼ Ġeħova.

Għasses Kontra Spirtu taʼ Indipendenza

13. X’inhu aspett wieħed li fih għandna bżonn ngħassu kontra spirtu indipendenti?

13 Sabiex naċċettaw l-​awtorità taʼ Ġeħova jeħtieġ li ngħassu kontra l-​ispirtu taʼ indipendenza. Attitudni taʼ kburija tistaʼ ġġegħelna nħossu li m’għandna bżonn il-​gwida taʼ ħadd. Per eżempju, għandna mnejn ma naċċettawx il-​pariri li ningħataw minn dawk li qed imexxu fost il-​poplu t’Alla. Alla stabbilixxa arranġament li permezz tiegħu l-​klassi taʼ l-​ilsir leali u għaqli tipprovdi ikel spiritwali fiż-​żmien xieraq. (Mt. 24:45-47) Għandna nirrikonoxxu bl-​umiltà li dan hu l-​mod kif Ġeħova qed jieħu ħsieb il-​poplu tiegħu llum. Kun bħall-​appostli leali. Meta xi dixxipli tfixklu, Ġesù staqsa lill-​appostli: “Ma tridux tmorru intom ukoll, hux?” Pietru wieġeb: “Mulej, għand min tridna mmorru? Int għandek il-​kliem tal-​ħajja taʼ dejjem.”—Ġw. 6:66-68.

14, 15. Għala għandna nissottomettu ruħna bl-​umiltà għall-​pariri tal-​Bibbja?

14 Li naċċettaw l-​awtorità taʼ Ġeħova jinvolvi li naġixxu fi qbil mal-​pariri bbażati fuq il-​Kelma tiegħu. Per eżempju, il-​klassi taʼ l-​ilsir leali u għaqli ilha twissina biex “nibqgħu mqajmin u f’sensina.” (1 Tess. 5:6) Parir bħal dan hu xieraq ħafna matul dawn l-​aħħar jiem li fihom ħafna nies “iħobbu lilhom infushom, [u] iħobbu l-​flus.” (2 Tim. 3:1, 2) Nistgħu aħna niġu effettwati minn attitudnijiet popolari bħal dawn? Iva. Miri li m’humiex spiritwali jistgħu jaljenawna u jġegħluna norqdu spiritwalment, jew forsi nadottaw attitudni materjalistika. (Lq. 12:16-21) Għalhekk, kemm ikun għaqli li naċċettaw il-​pariri tal-​Bibbja u nevitaw il-​mod taʼ ħajja egoistiku li tant hu popolari fid-​dinja taʼ Satana!—1 Ġw. 2:16.

15 L-​ikel spiritwali mingħand il-​klassi taʼ l-​ilsir leali u għaqli jitqassam fil-​kongregazzjonijiet lokali permezz taʼ l-​anzjani maħturin. Il-​Bibbja twissina: “Kunu ubbidjenti lejn dawk li qed imexxu fostkom u kunu sottomessi lejhom, għax huma qed jgħassulkom ruħkom bħala dawk li għad iridu jagħtu kont; sabiex dan jagħmluh bil-​ferħ u mhux bit-​tnehid, għax inkella jkun taʼ ħsara għalikom.” (Ebr. 13:17) Ifisser dan li l-​anzjani tal-​kongregazzjoni huma infallibbli? Dażgur li le! Alla jara l-​imperfezzjonijiet tagħhom iktar ċar milli jarahom kwalunkwe bniedem. Xorta waħda, hu jistenna li aħna nkunu sottomessi. Meta nikkooperaw maʼ l-​anzjani, avolja huma imperfetti, inkunu qed nuru li aħna naċċettaw l-​awtorità taʼ Ġeħova.

L-​Importanza taʼ l-​Umiltà

16. Kif nistgħu nuru rispett lejn Ġesù bħala l-​Kap tal-​kongregazzjoni Kristjana?

16 Irridu dejjem niftakru li Ġesù hu l-​Kap veru tal-​kongregazzjoni. (Kol. 1:18) Din hi raġuni waħda għala nissottomettu ruħna għad-​direzzjoni taʼ l-​anzjani maħturin, billi nuruhom “konsiderazzjoni kbira.” (1 Tess. 5:12, 13) M’għandniex xi ngħidu, l-​anzjani tal-​kongregazzjoni jistgħu juru li huma wkoll sottomessi billi joqogħdu attenti li lill-​kongregazzjoni jwasslulha l-​messaġġ t’Alla u mhux l-​opinjonijiet tagħhom. Huma ma ‘jmorrux lil hinn min dak li hemm miktub’ biex jippromwovu xi idea persunali.—1 Kor. 4:6.

17. Spirtu ambizzjuż għala hu perikoluż?

17 Kulħadd fil-​kongregazzjoni għandu joqgħod attent li ma jfittixx il-​glorja tiegħu stess. (Prov. 25:27) Milli jidher, dan kien nassa għal dixxiplu partikulari li ltaqaʼ miegħu l-​appostlu Ġwanni. Hu kiteb: “Dijotrefe, li jħobb ikollu l-​pożizzjoni ewlenija fosthom, ma jilqaʼ xejn mingħandna bir-​rispett. Huwa għalhekk li, jekk niġi, infakkar l-​għemil tiegħu li qed ikompli jwettaq u l-​kliem mill-​agħar li qed ipaċpaċ fuqna.” (3 Ġw. 9, 10) F’dan hemm lezzjoni saħansitra għalina llum. Għandna raġuni soda għalxiex għandna nqaċċtu ’l barra kull traċċa t’ambizzjoni li nistgħu nilmħu ġo fina. Il-​Bibbja tgħidilna: “Qabel il-​qerda tiġi l-​kburija, u qabel il-​waqgħa t-​tkabbir.” Dawk li jaċċettaw l-​awtorità t’Alla għandhom jirreżistu n-​nassa tal-​prużunzjoni, għax jekk ma jagħmlux hekk se jaslu biex jiġu diżonorati.—Prov. 11:2; 16:18.

18. X’se jgħinna naċċettaw l-​awtorità taʼ Ġeħova?

18 Iva, agħmilha l-​mira tiegħek li tirreżisti l-​ispirtu taʼ indipendenza li għandha d-​dinja u li taċċetta l-​awtorità taʼ Ġeħova. Kultant żmien, immedita b’apprezzament dwar il-​privileġġ kbir li għandek li taqdi lil Ġeħova. Il-​fatt li tinsab fost il-​poplu t’Alla hu evidenza li hu ġibdek lejh permezz taʼ l-​ispirtu qaddis tiegħu. (Ġw. 6:44) Qatt tonqos li tapprezza l-​waqfa tiegħek m’Alla. Agħmel ħiltek kollha f’kull aspett tal-​ħajja biex turi li int tiċħad spirtu indipendenti u li taċċetta l-​awtorità taʼ Ġeħova.

Tiftakar Int?

• X’jinvolvi li naċċettaw l-​awtorità taʼ Ġeħova?

• Li jkollna “s-​sensi tagħna mħarrġin” kif inhu relatat maʼ li naċċettaw l-​awtorità taʼ Ġeħova?

• Satana f’liema aspetti jipprova jdgħajjef l-​awtorità taʼ Ġeħova?

• L-​umiltà għala hija importanti biex naċċettaw l-​awtorità taʼ Ġeħova?

[Stampa f’paġna 18]

“Jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem iktar milli lill-​bnedmin”

[Stampa f’paġna 20]

Huwa dejjem għaqli li nsegwu l-​livelli t’Alla

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja