Għallem lil Uliedek
Samwel Kompla Jagħmel Dak li Hu Sewwa
ĠIELI tara lil oħrajn jagħmlu dak li hu ħażin?—a Samwel hekk ġralu. Hu kien jgħix f’post li lanqas biss tistenna li tara ċerti affarijiet. Il-post kien fit-tabernaklu t’Alla, jew il-post tal-qima, fil-belt taʼ Silo. Ejja naraw kif, iktar minn 3,000 sena ilu, it-tabernaklu sar id-dar taʼ Samwel.
Qabel ma twieled Samwel, ommu, Anna, xtaqet immens li jkollha tarbija. Matul żjara li għamlet fit-tabernaklu, Anna talbet lil Alla dwar dan. Hi tant kienet qed titlob bil-ħerqa li xofftejha bdew jitħarrku. Dan ġiegħel lil Għeli, il-qassis il-kbir, jaħseb li kienet fis-sakra. Imma meta induna li minflok kienet imnikkta ħafna, Għeli berikha, u qalilha: “Jalla l-Alla taʼ Israel jismaʼ t-talba tiegħek.”—1 Samwel 1:17.
Iktar tard twieled Samwel, u Anna tant kienet ferħana li qalet lil żewġha, Elkana: ‘Malli nieqaf irredda’ lil Samwel, se nieħdu fit-tabernaklu biex jaqdi lil Alla fih.’ U hekk għamlet! Sa dak iż-żmien, Samwel jistaʼ jkun li kellu erbaʼ jew ħames snin.
Għeli kien xjaħ, u wliedu, Ħofni u Fineħas, ma kinux qed jaqdu lil Ġeħova kif suppost. Saħansitra kien qed ikollhom relazzjonijiet immorali maʼ nisa li kienu jżuru t-tabernaklu! X’taħseb li suppost kellu jagħmel missierhom?— Iva, hu suppost iddixxiplinahom u ma ħallihomx jagħmlu dawn l-affarijiet ħżiena.
Iċ-ċkejken Samwel kien qed jikber fit-tabernaklu, u x’aktarx li kien jaf dwar l-imġiba ħażina taʼ wlied Għeli. Segwa Samwel l-eżempju ħażin tagħhom?— Le, hu baqaʼ jagħmel it-tajjeb, sewwasew bħalma għallmuh il-ġenituri tiegħu. Mela mhux taʼ b’xejn li Ġeħova kien irrabjat għal Għeli. Hu saħansitra bagħat profeta biex jgħid lil Għeli dwar kif Hu kien se jikkastiga lill-familja t’Għeli, speċjalment lill-ulied ħżiena tiegħu.—1 Samwel 2:22-36.
Samwel baqaʼ jaqdi m’Għeli fit-tabernaklu. Imbagħad, lejl wieħed, meta Samwel kien rieqed, semaʼ leħen jgħajjatlu. Għalhekk, Samwel mar jiġri għand Għeli, imma Għeli qal li ma kienx għajjatlu. L-istess ħaġa reġgħet ġrat. Wara li ġrat l-istess ħaġa għat-tielet darba, Għeli qal lil Samwel biex jgħid: “Tkellem, Ġeħova, għax il-qaddej tiegħek qed jismaʼ.” Meta Samwel qal hekk, Ġeħova kellmu. Taf x’qallu Ġeħova lil Samwel?—
Alla rripeta lil Samwel l-iskop tiegħu biex jikkastiga lill-familja t’Għeli. L-għada fil-għodu Samwel beda jibżaʼ jgħid lil Għeli dak li Ġeħova kien qallu. Imma Għeli talbu biex jgħidlu: “Jekk jogħġbok, taħbihiex minni.” Għalhekk, fl-aħħar, Samwel qal lil Għeli dak kollu li Ġeħova qallu li kien se jagħmel—sewwasew bħalma l-profeta Tiegħu kien qal iktar kmieni lil Għeli. It-tweġiba t’Għeli kienet: “Ħa jagħmel [Ġeħova] dak li hu tajjeb f’għajnejh.” Eventwalment, Ħofni u Fineħas inqatlu, u Għeli miet ukoll.—1 Samwel 3:1-18.
Sadanittant, “Samwel baqaʼ jikber, u Ġeħova wera li kien miegħu.” Sa dak iż-żmien, x’aktarx li Samwel kien adoloxxenti, żmien importanti fil-ħajja taż-żgħażagħ. Taħseb li kien faċli għal Samwel biex ikompli jagħmel it-tajjeb filwaqt li oħrajn ma kinux qed jagħmluh?— Għalkemm ma kienx faċli, Samwel qeda lil Ġeħova lealment għall-bqija taʼ ħajtu.—1 Samwel 3:19-21.
Xi ngħidu għalik? Int u tikber se tkun bħal Samwel? Se tibqaʼ tagħmel it-tajjeb? Se tibqaʼ tobdi t-tagħlim tal-Bibbja u dak li għallmuk il-ġenituri tiegħek? Jekk tagħmel hekk, se tferraħ kemm lil Ġeħova kif ukoll lill-ġenituri tiegħek.
[Nota taʼ taħt]
a Jekk qed taqra mat-tfal, is-sinjal qiegħed hemm biex ifakkrek li għandek tieqaf u tagħmel il-mistoqsija lilhom.
Mistoqsijiet:
○ X’wassal lil Samwel biex jaqdi fit-tabernaklu taʼ Ġeħova?
○ Samwel liema sfidi ffaċċja fit-tabernaklu?
○ Samwel x’eżempju ħalla għaż-żgħażagħ?