Il-124 Gradwazzjoni taʼ Gilegħad
Il-Missjunarji Huma Mqabblin maʼ Ġurati
KULL sitt xhur, l-Iskola taʼ Gilegħad (Watchtower Bible School of Gilead) ikollha programm għall-gradwazzjoni li għalih tiġi mistiedna l-familja Betel kollha taʼ l-Istati Uniti. Fit-8 taʼ Marzu, 2008, mistidnin minn iktar minn 30 pajjiż ngħaqdu mal-familja Betel għall-gradwazzjoni tal-124 klassi taʼ l-Iskola taʼ Gilegħad. Is-6,411-il persuna preżenti ferħu maʼ l-istudenti f’din il-ġurnata speċjali tagħhom.
Iċ-chairman tal-programm, Stephen Lett tal-Ġemgħa li Tiggverna, beda l-programm bit-taħdita “Morru mal-Ġurati Figurattivi taʼ Ġeħova.” Rivelazzjoni 9:1-4 jqabbel lil grupp żgħir taʼ Kristjani midlukin li rkupraw mill-istat taʼ inattività spiritwali li kienu fih fl-1919 maʼ qatgħa ġurati li f’salt wieħed bdew jaħdmu. L-istudenti ġew imfakkrin li bħala membri tan-“nagħaġ oħrajn,” huma ngħaqdu maʼ din il-qatgħa figurattiva taʼ ġurati.—Ġw. 10:16.
Lon Schilling, membru tal-Kumitat tal-Fergħa taʼ l-Istati Uniti, segwa bit-taħdita “Kunu Kumpliment Għal Xulxin.” Din kienet ibbażata fuq l-eżempju Bibliku t’Akwila u Prixilla (jew, Priska), koppja miżżewġa Kristjana taʼ l-ewwel seklu. (Rum. 16:3, 4) Il-klassi taʼ Gilegħad kienet magħmula minn 28 koppja miżżewġa. Ġew imfakkrin li sabiex ikollhom suċċess bħala missjunarji, huma kien se jkollhom bżonn jibqgħu jsaħħu r-rabta taż-żwieġ tagħhom. Il-Bibbja qatt ma tirreferi għal Akwila mingħajr ma ssemmi lil martu Prixilla. Għalhekk, l-appostlu Pawlu u l-kongregazzjoni kienu jqisuhom bħala tim. Bl-istess mod, il-koppji missjunarji taʼ llum għandhom jaħdmu flimkien, iqimu flimkien, u jiffaċċjaw flimkien l-isfidi uniċi li jġib miegħu inkarigu f’pajjiż barrani, u b’hekk ikunu taʼ kumpliment għal xulxin.—Ġen. 2:18.
It-taħdita taʼ wara, intitolata “Wieġeb b’Mod Favorevoli għat-Tjubija taʼ Ġeħova,” ngħatat minn Guy Pierce tal-Ġemgħa li Tiggverna. Ħuna Pierce spjega li l-fatt li tkun tajjeb ifisser iktar milli ma tagħmilx dak li hu ħażin. Persuna tajba tagħmel affarijiet tajbin għall-ġid t’oħrajn. Alla Ġeħova huwa tajjeb fis-sens assolut. (Żak. 9:16, 17) It-tjubija u l-imħabba t’Alla jistgħu jimmotivawna biex nagħmlu affarijiet tajbin għal oħrajn. Filwaqt li faħħar lill-istudenti, Ħuna Pierce kkonkluda billi qalilhom: “Sejrin tajjeb. Aħna fiduċjużi li se tkomplu twieġbu b’mod favorevoli għat-tjubija t’Alla billi tagħmlu l-ġid fi kwalunkwe inkarigu li Alla Ġeħova jagħtikom fil-futur.”
Imbagħad, Michael Burnett, ħu li qabel kien missjunarju u li reċentement ngħata l-inkarigu bħala struttur f’Gilegħad, ippreżenta t-taħdita intitolata “Ilbisha Bħala Strixxa fuq Ġbinek Bejn Għajnejk.” L-Israelin, li bħallikieku kienu lebsin “strixxa” fuq ġbinhom bejn għajnejhom, kellhom jiftakru fil-ħelsien mirakoluż mill-Eġittu li Ġeħova kien wettaq għan-nom tagħhom. (Eżo. 13:16) L-istudenti ġew imwissijin biex jiftakru l-istruzzjoni abbundanti li rċivew fl-Iskola taʼ Gilegħad bħallikieku kienu qed jilbsuha bħala strixxa fuq ġbinhom bejn għajnejhom. Ħuna Burnett enfasizza l-bżonn li jkunu umli u modesti u li japplikaw prinċipji Bibliċi meta jkollhom xi nuqqas taʼ ftehim x’jirranġaw maʼ missjunarji sħabhom u oħrajn.—Mt. 5:23, 24.
Mark Noumair, li ilu jaqdi bħala struttur taʼ Gilegħad għal ħafna snin, ta t-taħdita “Liema Għanja Se Titkanta Dwarek?” Fi żmien il-qedem, id-drawwa kienet li r-rebħiet tal-gwerra jiġu ċelebrati b’għanja. Waħda minn dawn l-għanjiet kixfet li t-tribujiet taʼ Ruben, Dan, u Aser ma kinux lesti li jistinkaw, filwaqt li t-tribù taʼ Żebulun ġie mfaħħar għall-ispirtu taʼ ssagrifikar li wera. (Mħ. 5:16-18) Bħall-kliem taʼ xi għanja, l-azzjonijiet taʼ kull Kristjan eventwalment isiru magħrufin minn oħrajn. Iż-żelu taʼ individwu għax-xogħol t’Alla u l-lealtà li jibqaʼ juri lejn id-direzzjoni teokratika se jibnu reputazzjoni tajba maʼ Ġeħova u se jservu bħala eżempju tajjeb għal ħutu. Hekk kif oħrajn fil-kongregazzjoni jisimgħu l-għanja figurattiva li tinkiteb bl-azzjonijiet tagħna, huma jiġu mqanqlin jimitaw dak l-eżempju tajjeb.
Bħala parti mit-taħriġ taʼ Gilegħad, l-istudenti tal-124 klassi flimkien qattgħu total taʼ madwar 3,000 siegħa fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Bit-tema “Segwi t-Tmexxija taʼ l-Ispirtu Qaddis,” l-istudenti rrakkontaw lil Sam Roberson, tad-Dipartiment taʼ l-Iskejjel Teokratiċi, diversi esperjenzi mis-servizz taʼ l-għalqa, li xi wħud minnhom irreċtawhom. Wara dawn l-esperjenzi inkuraġġanti, Patrick LaFranca, mill-Kumitat tal-Fergħa taʼ l-Istati Uniti, intervista lil xi gradwati taʼ Gilegħad li issa qed jaqdu f’pajjiżi differenti. L-istudenti apprezzaw il-pariri prattiċi li rċivew mingħand dawn l-aħwa.
Anthony Morris tal-Ġemgħa li Tiggverna ta l-aħħar taħdita intitolata “Ftakar, l-Affarijiet li Jidhru Huma Temporanji.” L-Iskrittura twissina biex niffokaw fuq il-barkiet futuri mingħand Ġeħova minflok fuq it-tribulazzjoni temporanja li għandna mnejn nesperjenzaw bħalissa. (2 Kor. 4:16-18) Il-faqar estrem, l-inġustizzja, l-oppressjoni, il-mard, u l-mewt huma realtajiet li lkoll kemm aħna naraw illum. Il-missjunarji għandhom mnejn jiffaċċjaw xi wħud minn dawn iċ-ċirkustanzi traġiċi. Imma jekk niftakru li dawn l-affarijiet huma temporanji se niġu megħjunin nibqgħu bilanċjati spiritwalment u jibqaʼ jkollna tama.
Il-programm ikkonkluda bil-gradwati kollha fuq il-platform jisimgħu lil Ħuna Lett jagħti l-aħħar kummenti tiegħu. Hu inkuraġġiehom biex ma jaqtgħux qalbhom u qalilhom: “Jekk ikollna lil Ġeħova fuq in-naħa tagħna nistgħu nissaportu kwalunkwe prova u nibqgħu nżommu l-integrità.” Hu ħeġġeġ lill-missjunarji l-ġodda sabiex ikunu bħall-ġurati, billi jirsistu fis-servizz taʼ Ġeħova b’determinazzjoni u jibqgħu żelużi, leali, u ubbidjenti għal dejjem.
[Kaxxa f’paġna 30]
STATISTIKI TAL-KLASSI
Numru taʼ pajjiżi rappreżentati: 7
Numru taʼ pajjiżi li ġew assenjati fihom: 16
Numru taʼ studenti: 56
Età medja: 33.8
Medja taʼ snin fil-verità: 18.2
Medja taʼ snin fil-ministeru full-time: 13.8
[Stampa f’paġna 31]
Il-124 Klassi li Ggradwat mill-Iskola taʼ Gilegħad
Fil-lista t’hawn taħt, ir-ringieli huma nnumerati minn quddiem għal wara, u l-ismijiet f’kull ringiela huma mniżżlin mix-xellug għal-lemin.
(1) Nicholson, T.; Main, H.; Senge, Y.; Snape, L.; Vanegas, C.; Pou, L. (2) Santana, S.; Oh, K.; Lemaitre, C.; Williams, N.; Alexander, L. (3) Woods, B.; Stainton, L.; Huntley, E.; Alvarez, G.; Cruz, J.; Bennett, J. (4) Williamson, A.; González, N.; Zuroski, J.; Degandt, I.; May, J.; Diemmi, C.; Tavener, L. (5) Lemaitre, W.; Harris, A.; Wells, C.; Rodgers, S.; Durrant, M.; Senge, J. (6) Huntley, T.; Vanegas, A.; Pou, A.; Santana, M.; Bennett, V.; Tavener, D.; Oh, M. (7) Zuroski, M.; Rodgers, G.; Diemmi, D.; Nicholson, L.; Alvarez, C.; Snape, J. (8) Harris, M.; González, P.; Main, S.; Woods, S.; Stainton, B.; Williamson, D.; Durrant, J. (9) Cruz, P.; Degandt, B.; Williams, D.; Wells, S.; Alexander, D.; May, M.
[Stampa f’paġna 32]
L-Iskola taʼ Gilegħad qiegħda fil-Watchtower Educational Center