LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w08 9/15 pp. 3-7
  • Ġeħova—‘Dak li Ħarrab’ fi Żminijiet Bibliċi

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ġeħova—‘Dak li Ħarrab’ fi Żminijiet Bibliċi
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ‘Int Dak li Jħarrab’
  • Meħlusin mill-​Opponenti
  • Imwieżen fuq is-​Sodda tal-​Mard
  • Provdut b’Dak li Kellu Bżonn
  • “Ġeħova Jaf Kif Jeħles” lin-​Nies
  • “Għallimni Nagħmel ir-Rieda Tiegħek”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
  • Strieħ fuq l-Ispirtu t’Alla Meta Tiffaċċja Bidliet fil-Ħajja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Fiduċja Sħiħa f’Ġeħova Tnissel Sens taʼ Sigurtà
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Ejja Ngħollu l-Isem taʼ Ġeħova Flimkien
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
w08 9/15 pp. 3-7

Ġeħova—‘Dak li Ħarrab’ fi Żminijiet Bibliċi

“O Alla, aġixxi malajr għalija. Int l-​għajnuna tiegħi u Dak li jħarrabni.”—SALM 70:5.

1, 2. (a) L-​aduraturi t’Alla meta jduru lejh għall-​għajnuna? (b) Liema mistoqsija tqum, u t-​tweġiba fejn nistgħu nsibuha?

WAQT li qegħdin fuq btala, il-​ġenituri taʼ mara miżżewġa li għandha 23 sena jsiru jafu li binthom għabet b’mod misterjuż. Huma jissuspettaw li hemm xi ingann. Minnufih jippakkjaw u jitilqu lejn darhom, il-​ħin kollu jitolbu bil-​ħerqa lil Ġeħova biex jgħinhom. Xhud t’20 sena jsir jaf li għandu marda li eventwalment se tħallih paralizzat kompletament. Minnufih idur lejn Ġeħova bit-​talb. Omm mhix miżżewġa li qed tissielet biex issib impjieg m’għandhiex flus biżżejjed biex tixtri l-​ikel għaliha u għal bintha taʼ 12-il sena. Hi tiftaħ qalbha maʼ Ġeħova. Iva, meta jiffaċċjaw provi ħorox jew tbatijiet, l-​aduraturi t’Alla naturalment iduru lejh għall-​għajnuna. Qatt għajjatlu int lil Ġeħova meta kont fi bżonn iddisprat?

2 Tqum mistoqsija importanti: Nistgħu aħna tassew nistennew li Ġeħova jwieġeb it-​talb tagħna għall-​għajnuna? It-​tweġiba li ssaħħilna l-​fidi nsibuha f’Salm 70. Dan is-​salm kommoventi nkiteb minn David, aduratur leali taʼ Ġeħova li f’ħajtu ffaċċja ħafna provi u sfidi diffiċli. Dan is-​salmista mnebbaħ ġie mqanqal biex jgħid dwar Ġeħova: “O Alla, . . . int l-​għajnuna tiegħi u Dak li jħarrabni.” (Salm 70:5) Jekk neżaminaw Salm 70 nistgħu niġu megħjunin biex naraw għala aħna wkoll nistgħu nduru lejn Ġeħova fi żmien taʼ bżonn u jkollna fiduċja sħiħa li hu se jkun ‘Dak li jħarrabna.’

‘Int Dak li Jħarrab’

3. (a) Salm 70 fih liema għajta urġenti għall-​għajnuna? (b) David liema fiduċja jesprimi f’Salm 70?

3 Salm 70 jibda u jispiċċa b’għajta urġenti għall-​għajnuna t’Alla. (Aqra Salm 70:1-5.) David jitlob bil-​ħrara lil Ġeħova biex ‘ifittex jgħinu’ u ‘jaġixxi malajr’ sabiex jeħilsu. Fil-​versi 2 sa 4, David jagħmel ħames petizzjonijiet, l-​ewwel waħda tibda b’“jalla” u l-​erbgħa l-​oħrajn jibdew b’“ħa,” li kollha jesprimu xewqa, jew xenqa. L-​ewwel tlieta huma dwar dawk li kienu qed jipprovaw joqtluh. David jitlob bil-​ħerqa lil Ġeħova biex jegħleb lil dawn l-​għedewwa u jġegħelhom jistħu għall-​ħażen tagħhom. Iż-​żewġ talbiet li jmiss, fir-​rabaʼ vers, għandhom x’jaqsmu mal-​poplu t’Alla. David jitlob li dawk li jfittxu lil Ġeħova jiġu mqanqlin biex jithennew u jfaħħruh bil-​kbir. Biex jikkonkludi s-​salm tiegħu, David jgħid lil Ġeħova: “Int l-​għajnuna tiegħi u Dak li jħarrabni.” Innota li David ma jgħidx, “Jalla tkun,” bħallikieku qed jagħmel xi petizzjoni oħra. Minflok, jgħid, “Int,” u b’hekk jesprimi l-​fiduċja tiegħu. David jemmen li se jirċiviha l-​għajnuna divina.

4, 5. X’nitgħallmu dwar David minn Salm 70, u liema fiduċja jistaʼ jkollna?

4 Salm 70 x’jindika dwar David? Meta kien konfrontat minn għedewwa li kienu determinati li joqtluh, David m’għażilx li jieħu l-​kwistjoni f’idejh. Minflok, hu kien fiduċjuż li Ġeħova kien se jittratta maʼ l-​opponenti meta u kif ried Hu. (1 Sam. 26:10) David kompla jkun konvint b’mod sod li Ġeħova jgħin u jeħles lil dawk li jfittxuh. (Ebr. 11:6) David kien jemmen li aduraturi veri bħal dawn għandhom kull raġun jithennew u jfaħħru bil-​kbir lil Ġeħova billi jgħidu lil oħrajn dwar il-​kobor tiegħu.—Salm 5:11; 35:27.

5 Bħal David, aħna jistaʼ jkollna fiduċja sħiħa li Ġeħova hu Dak li jgħinna u ‘Dak li jħarrabna.’ Għaldaqstant, meta niffaċċjaw provi diffiċli jew inħossu li għandna bżonn l-​għajnuna b’mod iddisprat, ikun xieraq li nitolbu biex Ġeħova jfittex jgħinna. (Salm 71:12) Iżda, Ġeħova x’għandu mnejn jagħmel biex iwieġeb it-​talb tagħna għall-​għajnuna? Qabel ma niddiskutu kif Ġeħova jistaʼ jgħinna, ejja neżaminaw tliet modi li bihom ħarrab lil David u għenu meta kellu bżonn l-​għajnuna b’mod urġenti.

Meħlusin mill-​Opponenti

6. X’għen lil David ikun jaf li Ġeħova jħarrab lill-​ġusti?

6 Mir-​rekord Bibliku mnebbaħ li kien disponibbli dak iż-​żmien, David kien jaf li l-​ġusti jistgħu jistrieħu fuq Ġeħova għall-​għajnuna. Meta ġab Dilluvju fuq dinja mill-​agħar, Ġeħova żamm ħajjin lil Noè u lill-​familja tiegħu li kienet tibżaʼ minn Alla. (Ġen. 7:23) Meta bagħat xita taʼ nar u kubrit fuq l-​abitanti mill-​agħar taʼ Sodoma u Gomorra, Ġeħova għen lir-​raġel sewwa Lot u liż-​żewġt ibniet tiegħu biex jaħarbu u jibqgħu ħajjin. (Ġen. 19:12-26) Meta qered lill-​Fargħun il-​kburi u lill-​qawwiet militari tiegħu fil-​Baħar l-​Aħmar, Ġeħova salva lill-​poplu Tiegħu, u b’hekk għenhom jevitaw il-​qerda. (Eżo. 14:19-28) Għandna għalfejn nistagħġbu, allura, li f’salm ieħor David faħħar lil Ġeħova bħala “Alla li jsalvana”?—Salm 68:20.

7-9. (a) David x’raġuni kellu biex ipoġġi l-​fiduċja tiegħu fl-​abbiltà taʼ Ġeħova li jsalvah? (b) David lil min tah il-​kredtu għall-​ħelsien tiegħu?

7 David kellu wkoll raġuni verament persunali biex ipoġġi l-​fiduċja sħiħa tiegħu fl-​abbiltà taʼ Ġeħova li jsalvah. David kien esperjenza personalment li “d-​dirgħajn dejjiema” taʼ Ġeħova jistgħu jeħilsu lil dawk li jaqdu Lilu. (Dt. 33:27) F’iktar minn okkażjoni waħda, Ġeħova kien salva lil David minn taħt difrejn “għedewwa rrabjati.” (Salm 18:17-19, 48) Ikkunsidra eżempju.

8 Meta n-​nisa taʼ Israel bdew ifaħħru lil David għall-​bravura militari tiegħu, is-​Sultan Sawl tant għer għalih li f’żewġ okkażjonijiet xeħet il-​lanza tiegħu lejn David. (1 Sam. 18:6-9) Id-​darbtejn li huma, David evita li jiġi minfud mil-​lanza. Seħħ dan sempliċement minħabba s-​sengħa u l-​ħeffa taʼ David bħala gwerrier taʼ l-​esperjenza? Le. Il-​Bibbja tispjega li “Ġeħova kien miegħu.” (Aqra l-​1 Samwel 18:11-14.) Iktar tard, meta falla l-​komplott taʼ Sawl biex joqtol lil David permezz tal-​Filistin, “Sawl ra u kien jaf li Ġeħova kien maʼ David.”—1 Sam. 18:17-28.

9 David lil min tah il-​kredtu għall-​ħelsien tiegħu? Is-​sopraskrizzjoni għal Salm 18 tgħid li David “qal lil Ġeħova l-​kliem taʼ din l-​għanja dakinhar li Ġeħova ħelsu . . . minn id Sawl.” David esprima s-​sentimenti tiegħu fl-​għanja, billi qal: “Ġeħova hu l-​blat għoli u l-​fortizza tiegħi u Dak li jħarrabni. Alla tiegħi hu l-​blata tiegħi. Fih se nistkenn.” (Salm 18:2) Ma jsaħħaħlekx il-​fidi li tkun taf li Ġeħova għandu l-​ħila jeħles lill-​poplu tiegħu?—Salm 35:10.

Imwieżen fuq is-​Sodda tal-​Mard

10, 11. X’jgħinna niddeterminaw meta David esperjenza l-​marda msemmija f’Salm 41?

10 Is-​Sultan David darba esperjenza marda kiefra li tissemma f’Salm 41. Peress li għal xi żmien kien mixħut fuq is-​sodda tal-​mard, David tant kien marid li għal xi wħud mill-​għedewwa tiegħu kien jidher li qatt ma kien “se jerġaʼ jqum.” (Versi 7, 8) David meta kien milqut minn marda serja bħal din? Iċ-​ċirkustanzi msemmijin f’dan is-​salm jistgħu jkunu relatati maż-​żmien stressanti fil-​ħajja taʼ David meta ibnu Absalom kien qed jipprova jaħtaf it-​tron.—2 Sam. 15:6, 13, 14.

11 Per eżempju, David jirreferi għal ħabib fdat, wieħed li kien jiekol il-​ħobż miegħu, bħala li ttradieh. (Vers 9) Dan jistaʼ jfakkarna f’inċident wieħed fil-​ħajja taʼ David. Waqt l-​irvell t’Absalom, Aħitofel, li kien fdat minn David biex jagħtih il-​pariri, sar traditur u ssieħeb m’Absalom fir-​rewwixta kontra s-​sultan. (2 Sam. 15:31; 16:15) Immaġina lis-​sultan batut fuq is-​sodda tal-​mard tiegħu, bla saħħa biex iqum, u fl-​istess ħin konxju li kien imdawwar bi wħud li kienu qed jikkonfoffaw kontrih u li xtaquh mejjet sabiex iwettqu l-​pjanijiet mill-​agħar tagħhom.—Vers 5.

12, 13. (a) David liema fiduċja esprima? (b) Alla kif setaʼ saħħu lil David?

12 Il-​fiduċja taʼ David f’‘Dak li jħarrbu’ ma battietx. Dwar aduratur rett li jkun marid, David qal: “Fi żmien il-​gwaj Ġeħova jeħilsu. Ġeħova se jwieżnu fuq is-​sodda tal-​mard; int tibdillu friexu kollu matul il-​marda tiegħu.” (Salm 41:1, 3) Hawnhekk ukoll, innota l-​fiduċja taʼ David, kif esprimieha bil-​kliem “Ġeħova se.” David kien ċert li Ġeħova kien se jeħilsu. Kif?

13 David ma stenniex li Ġeħova jwettaq xi miraklu u jneħħilu l-​marda. Minflok, David kien ċert li Ġeħova kien se “jwieżnu”—jiġifieri, jagħtih l-​appoġġ u s-​saħħa waqt li kien mixħut fuq is-​sodda tal-​mard tiegħu. David żgur li kellu bżonn din l-​għajnuna. Minbarra l-​marda li dgħajfitu, hu kien imdawwar minn għedewwa li kienu qed jgħidu affarijiet ħżiena dwaru. (Versi 5, 6) Jistaʼ jkun li Ġeħova saħħaħ lil David billi għenu jiġuh f’moħħu ħsibijiet taʼ faraġ. David qal: “Minħabba l-​integrità tiegħi int appoġġajtni.” (Vers 12) Jistaʼ jkun ukoll li David sab is-​saħħa meta rrifletta fuq il-​fatt li minkejja l-​kundizzjoni dgħajfa tiegħu u l-​affarijiet ħżiena li kienu qed jgħidu l-​għedewwa tiegħu, Ġeħova qiesu bħala bniedem taʼ integrità. Fil-​fatt, fl-​aħħar David fieq mill-​marda tiegħu. M’huwiex rassiguranti li tkun taf li Ġeħova jistaʼ jwieżen lil dawk li huma morda?—2 Kor. 1:3.

Provdut b’Dak li Kellu Bżonn

14, 15. David u l-​irġiel tiegħu meta sabu ruħhom fi bżonn taʼ provvedimenti, u liema għajnuna rċivew?

14 Meta sar sultan taʼ Israel, David setaʼ jgawdi l-​aqwa ikel u xorb u saħansitra jistieden lil ħafna oħrajn biex jieklu miegħu. (2 Sam. 9:10) Madankollu, David kien jaf ukoll x’jiġifieri li jkollok ftit x’tiekol u x’tixrob. Meta ibnu Absalom organizza rvell u pprova jaħtaf it-​tron, David, flimkien maʼ xi wħud leali li appoġġawh, telaq minn Ġerusalemm. Huma ħarbu lejn l-​art taʼ Gilegħad, lejn il-​lvant tax-​Xmara Ġordan. (2 Sam. 17:22, 24) Peress li ġew sforzati jgħixu bħala maħrubin, David u l-​irġiel tiegħu malajr sabu ruħhom fi bżonn urġenti taʼ ikel u xorb kif ukoll mistrieħ. Iżda, fejn kienu se jsibuhom il-​provvedimenti f’dak il-​post relattivament imwarrab?

15 Fl-​aħħar, David u l-​irġiel tiegħu waslu fil-​belt taʼ Maħanajm. Hemmhekk iltaqgħu maʼ tlett irġiel kuraġġużi—Sobi, Makir, u Barżillaj. Dawn kienu lesti li jissograw ħajjithom biex jgħinu lis-​sultan maħtur b’mod divin, għax li kieku Absalom kiseb il-​kontroll tas-​saltna, hu bla dubju kien se jikkastiga bl-​aħrax lil kulmin kien appoġġa lil David. Peress li rrikonoxxew l-​istat imwiegħer taʼ David u l-​irġiel tiegħu, dawn it-​tliet sudditi leali ġabu provvisti li kienu meħtiġin ferm, inkluż sodod, qamħ, xgħir, qmuħ inkaljati, ful, għads, għasel, butir, u nagħaġ. (Aqra t-​2 Samwel 17:27-29.) Il-​lealtà u l-​ospitalità straordinarji taʼ dawn it-​tlett irġiel bilfors li messew qalb David. David kif setaʼ qatt jinsa dak li għamlu għalih?

16. Fl-​aħħar mill-​aħħar min kien responsabbli biex jipprovdi dak li kellhom bżonn David u l-​irġiel tiegħu?

16 Iżda, fl-​aħħar mill-​aħħar min kien responsabbli biex jipprovdi dak li kellhom bżonn David u l-​irġiel tiegħu? David kien konvint li Ġeħova jimpurtah min-​nies tiegħu. Ġeħova żgur li jistaʼ jqanqal lil qaddejja oħrajn tiegħu sabiex jgħinu lil xi ħadd minn sħabhom fit-​twemmin li jkun fil-​bżonn. Meta rrifletta fuq dak li ġara fl-​art taʼ Gilegħad, David bla dubju ra l-​qalb tajba taʼ dawk it-​tlett irġiel bħala espressjoni taʼ kemm Ġeħova jieħu ħsiebna bi mħabba. Lejn tmiem ħajtu, David kiteb: “Kont żagħżugħ, u issa xjaħt, u madankollu qatt ma rajt lil xi ħadd ġust [inkluż hu nnifsu] abbandunat għalkollox, lanqas lil uliedu jfittxu l-​ħobż.” (Salm 37:25) M’huwiex taʼ faraġ li tkun taf li id Ġeħova qatt ma tkun qasira?—Prov. 10:3.

“Ġeħova Jaf Kif Jeħles” lin-​Nies

17. Ġeħova x’wera kemm-il darba?

17 David kien biss wieħed minn ħafna aduraturi li Ġeħova ħarrabhom fi żminijiet Bibliċi. Minn żmien David ’l hawn, Alla kemm-il darba wera kemm hu veru l-​kliem taʼ l-​appostlu Pietru: “Ġeħova jaf kif jeħles mill-​provi lil dawk li huma devoti lejh.” (2 Pt. 2:9) Ikkunsidra żewġ eżempji oħrajn.

18. Ġeħova kif ipprovda ħelsien fi żmien Ħeżekija?

18 Meta l-​armata setgħana Assirjana invadiet lil Ġuda u heddet lil Ġerusalemm fit-​tmien seklu Q.E.K., is-​Sultan Ħeżekija talab: “O Ġeħova Alla tagħna, salvana . . . sabiex is-​saltniet kollha taʼ l-​art ikunu jafu li int, O Ġeħova, int waħdek Alla.” (Is. 37:20) Ħeżekija kien konċernat prinċipalment dwar l-​isem u r-​reputazzjoni t’Alla. Ġeħova wieġeb dik it-​talba ferventi. F’lejl wieħed biss, anġlu wieħed qatel 185,000 Assirjan, u b’hekk ħeles lill-​qaddejja leali taʼ Ġeħova.—Is. 37:32, 36.

19. Il-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu skansaw il-​gwaj billi taw kas liema twissija?

19 Ftit jiem biss qabel mewtu, Ġesù ta twissija profetika għall-​benefiċċju tad-​dixxipli tiegħu fil-​Lhudija. (Aqra Luqa 21:20-22.) Għaddew għaxriet taʼ snin, imma fis-​sena 66 E.K., rewwixta Lhudija ġabet l-​armati Rumani kontra Ġerusalemm. Il-​leġjuni taħt Ċestju Gallu rnexxielhom iħaffru taħt parti mill-​ħajt tat-​tempju u jdgħajfuh; imbagħad f’daqqa waħda rtiraw. Billi għarfu li din kienet opportunità biex jiskansaw il-​qerda li kien bassar Ġesù, Kristjani leali ħarbu lejn il-​muntanji. Il-​leġjuni Rumani ġew lura fis-​sena 70 E.K. Din id-​darba ma rtirawx, u Ġerusalemm inqerdet għalkollox. Il-​Kristjani li kienu taw kas it-​twissija taʼ Ġesù skansaw dak il-​gwaj terribbli.—Lq. 19:41-44.

20. Għala nistgħu nafdaw f’Ġeħova bħala ‘Dak li jħarrabna’?

20 Il-​fatt li nirriflettu fuq l-​evidenza li Ġeħova jgħin lill-​poplu tiegħu jsaħħilna l-​fidi. Dak li għamel fil-​passat jagħtina raġunijiet biex ikollna fiduċja. Huma x’inhuma l-​isfidi li forsi qed niffaċċjaw issa jew li forsi għad irridu nħabbtu wiċċna magħhom fil-​futur, aħna wkoll nistgħu npoġġu l-​fiduċja sħiħa tagħna f’Ġeħova bħala ‘Dak li jħarrabna.’ Iżda, Ġeħova kif iħarrabna? U xi ngħidu għall-​individwi li ssemmew fil-​bidu taʼ dan l-​artiklu? Xi ġralhom? Ejja naraw fl-​artiklu li jmiss.

Tiftakar Int?

• Salm 70 jagħtina raġuni biex ikollna liema fiduċja?

• David kif kien imwieżen waqt il-​mard?

• Liema eżempji juru li Ġeħova jistaʼ jeħles lill-​poplu tiegħu mill-​opponenti?

[Stampa f’paġna 6]

Ġeħova wieġeb it-​talba taʼ Ħeżekija

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja