Imita lil Ġesù—Agħti Qima Aċċettabbli lil Alla
Alla bi mħabba jistieden lin-nies “minn kull ġens u tribù u poplu u lsien” biex iqimuh. (Riv. 7:9, 10; 15:3, 4) Dawk li jaċċettaw din l-istedina jistgħu ‘jaraw is-sbuħija taʼ Ġeħova.’ (Salm 27:4; 90:17) Bħas-salmista, huma jgħollu leħinhom biex ifaħħru lil Alla u jgħidu: “Ejjew inqimuh u mmilu quddiemu; ħa ninżlu għarkopptejna quddiem Ġeħova, Dak li għamilna.”—Salm 95:6.
Qima li Għandha Valur Kbir
Bħala l-Iben uniġenitu t’Alla, Ġesù kellu ħafna opportunitajiet biex jitgħallem il-mod taʼ ħsieb, il-prinċipji, u l-livelli taʼ Missieru. B’hekk, Ġesù setaʼ b’fiduċja jgħid lil oħrajn liema hu l-aħjar mod kif inqimu lil Ġeħova. Hu qal: “Jien it-triq, il-verità, u l-ħajja. Ħadd ma jiġi għand il-Missier ħlief permezz tiegħi.”—Ġw. 1:14; 14:6.
Ġesù tana l-eżempju perfett taʼ sottomissjoni b’umiltà lejn Missieru. Hu qal: “Ma nagħmel xejn minn rajja; imma dan ngħidu skond kif għallimni l-Missier.” Imbagħad żied: “Dejjem nagħmel dak li jogħġob lilu.” (Ġw. 8:28, 29) Ġesù b’liema modi għoġob lil Missieru?
Mod wieħed kien li Ġesù kien devot kompletament lejn Missieru, u bażikament dak hu li jfisser li tqim lil Alla. Ġesù wera li kellu rabta persunali maʼ Missieru billi obdieh, għamel ir-rieda Tiegħu, anki meta kellu jissagrifika lilu nnifsu bil-kbir. (Flp. 2:7, 8) Aspett importanti tal-qima taʼ Ġesù kien li kellu sehem regulari fix-xogħol taʼ li jagħmel dixxipli, tant li ġie msejjaħ Għalliem kemm minn dawk li kienu jemmnu u kemm minn dawk li ma kinux. (Mt. 22:23, 24; Ġw. 3:2) Iktar minn hekk, Ġesù ta minnu nnifsu għan-nom t’oħrajn. Minħabba l-ispirtu taʼ sagrifiċċju persunali li wera, hu ftit kellu ħin għalih innifsu imma kien jieħu pjaċir jaqdi lil oħrajn. (Mt. 14:13, 14; 20:28) Minkejja li kellu ħafna x’jagħmel, Ġesù dejjem kien iħalli ħin biex jitkellem maʼ Missieru tas-sema permezz tat-talb. (Lq. 6:12) Kemm kienet imprezzabbli l-qima taʼ Ġesù għal Alla!
Il-Ġlieda Biex Nogħġbu Sew lil Alla
Ġeħova nnota l-imġiba taʼ Ibnu u esprima l-approvazzjoni Tiegħu. (Mt. 17:5) Madankollu, Satana x-Xitan ukoll innota l-ħajja leali taʼ Ġesù. B’hekk, Ġesù sar il-mira speċjali taʼ Satana. Għala? Minħabba li l-ebda bniedem ma kien għadu obda lil Alla kompletament, u b’hekk qiemu bis-sħiħ. U x-Xitan ried li jwaqqaf lil Ġesù milli jagħti lil Ġeħova l-qima li tant tistħoqqlu.—Riv. 4:11.
Fi sforz biex iwaqqaʼ lil Ġesù, Satana ttantah b’offerta attraenti. Hu ħa lil Ġesù “fuq muntanja għolja ħafna, u wrieh is-saltniet kollha tad-dinja u l-glorja tagħhom.” Imbagħad hu qal: “Dawn l-affarijiet kollha nagħtihomlok jekk int tinxteħet fl-art u tagħmilli att taʼ qima.” Ġesù kif irreaġixxa? Hu qal: “Mur ’l hemm, Satana! Għax hu miktub, ‘Qim lil Ġeħova Alla tiegħek, u lilu biss agħti servizz sagru.’” (Mt. 4:8-10) Iva, Ġesù rrikonoxxa li kien ikun att idolatruż jekk hu jmil quddiem Satana minkejja l-benefiċċji li setaʼ deher li kien hemm. Hu ma kien lest li jagħti saħansitra att wieħed taʼ qima lil ħadd ħlief lil Ġeħova.
Fil-każ tagħna, Satana forsi ma joffrilniex is-saltniet kollha tad-dinja u l-glorja tagħhom għall-qima tagħna. Imma hu xorta għadu jipprova jfixkel il-qima li Kristjani sinċieri jagħtu lil Alla. Ix-Xitan iridna nqimu lil xi ħadd ieħor jew xi ħaġa oħra.—2 Kor. 4:4.
Kristu Ġesù nnifsu ta prova li hu kien leali saħansitra sal-mewt. Billi żamm l-integrità tiegħu lejn Alla, Ġesù gglorifika lil Ġeħova b’tali mod li ebda bniedem ieħor ma gglorifikah. U inkwantu għalina l-Kristjani veri llum, aħna nistinkaw biex insegwu l-mod taʼ ħajja leali taʼ Ġesù billi npoġġu l-qima tal-Ħallieq qabel kwalunkwe ħaġa oħra. Tabilħaqq, ir-relazzjoni tajba tagħna m’Alla hija l-iktar ħaġa prezzjuża li għandna.
Barkiet li Jiġu Meta Nagħtu Qima Aċċettabbli
Jekk ninkuraġġixxu “l-qima li hi nadifa u bla tinġis” mill-ħarsa t’Alla jkollna ħafna barkiet. (Ġak. 1:27) Per eżempju, aħna ngħixu fi żmien meta iktar u iktar nies “iħobbu lilhom infushom, iħobbu l-flus, [huma] minfuħin bihom infushom,” u huma “mingħajr imħabba għat-tajjeb.” (2 Tim. 3:1-5) Madankollu, fid-dar t’Alla, aħna għandna l-privileġġ li nissieħbu maʼ nies li huma nodfa moralment u li jistinkaw biex iżommu l-livelli t’Alla biex iqimuh. M’huwiex dan sors taʼ serħan?
Minħabba li nibqgħu mingħajr tebgħa mid-dinja, għandna saħansitra barka oħra, jiġifieri, kuxjenza nadifa. Irridu nżommu kuxjenza nadifa billi noqogħdu għall-prinċipji ġusti t’Alla u billi nobdu dawk il-liġijiet taʼ Ċesari li ma jmorrux kontra l-liġijiet t’Alla.—Mk. 12:17; Atti 5:27-29.
Qima li tingħata b’ruħna kollha ġġib barkiet oħrajn. Meta niffokaw fuq li nagħmlu r-rieda t’Alla minflok tagħna nfusna, ħajjitna jkollha iktar tifsir u sodisfazzjon. Minflok ma ngħidu: “Ħa nieklu u nixorbu, għax għada mmutu,” għandna t-tama, taʼ min joqgħod fuqha, taʼ ħajja taʼ dejjem f’ġenna fuq l-art.—1 Kor. 15:32.
Il-ktieb taʼ Rivelazzjoni juri li se jkun hemm żmien meta dawk li jibqgħu nodfa quddiem Ġeħova se ‘joħorġu mit-tribulazzjoni l-kbira.’ Ir-rakkont jgħid li “Dak li qiegħed bil-qiegħda fuq it-tron jifrex it-tinda tiegħu fuqhom.” (Riv. 7:13-15) Dak il-wieħed li qiegħed bil-qiegħda fuq it-tron m’hu ħadd ħlief Alla Ġeħova, l-iktar Persunaġġ glorjuż fl-univers. Ipprova immaġina x’ferħ se jkun dak meta jilqgħek bħala mistieden fit-tinda tiegħu, u jipproteġik ħalli ma tiġrilek l-ebda ħsara! U sa ċertu punt, saħansitra issa nistgħu ngawdu l-protezzjoni tiegħu.
Iktar minn hekk, dawk kollha li jagħtu qima aċċettabbli lil Alla huma deskritti bħala li huma gwidati lejn “għejun taʼ l-ilmijiet tal-ħajja.” Dawn l-għejun rifreskanti jirrappreżentaw il-provvedimenti kollha li jagħti Ġeħova biex niksbu l-ħajja taʼ dejjem. Iva, permezz tal-fidwa taʼ Kristu, “Alla jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom.” (Riv. 7:17) L-umanità se tkun megħjuna biex tilħaq il-perfezzjoni, u dan se jġib ferħ kbir lil dawk li għandhom il-prospett li jgħixu għal dejjem fuq l-art. Anki issa, l-aduraturi henjin t’Alla jgħajtu bil-ferħ, billi jesprimu l-apprezzament tagħhom mill-qalb lil Ġeħova u jqimuh flimkien maʼ dawk li qegħdin fis-sema u li qed ikantaw: “Kbar u taʼ l-għaġeb l-għemejjel tiegħek, Alla Ġeħova, li Tistaʼ Kollox. Ġusti u veri triqatek, Sultan taʼ l-eternità. Min tassew ma jibżax minnek, Ġeħova, u ma jigglorifikax lil ismek, għax int biss leali? Il-ġnus kollha jiġu u jqimu quddiemek, għax id-digrieti ġusti tiegħek saru evidenti.”—Riv. 15:3, 4.
[Stampa f’paġna 27]
Satana x’qed joffrilna għall-qima tagħna?