Jiġi Mbassar il-Messija
MINĦABBA li kien jaf dak li Isaija u profeti oħrajn kitbu dwar il-Messija, il-ġens Lhudi kien ilu jantiċipa l-wasla tiegħu. Fil-fatt sa żmien Ġesù, ħafna Lhud “kienu qed jistennew” li l-Messija jfiġġ minn mument għall-ieħor. (Luqa 3:15) B’mod sinifikanti, profeziji tal-Bibbja jinkludu dettalji rimarkevoli dwar il-ħajja taʼ Ġesù. L-ebda bniedem ma setaʼ jbassar dawn il-ġrajjiet jew jirranġa biex iseħħu waqt li Ġesù kien fuq l-art.
Dettalji Marbutin mat-Twelid tal-Messija. Isaija bassar li l-Messija, jew il-Kristu, kellu jitwieled minn verġni. Wara li ddeskriva ċ-ċirkustanzi mirakolużi tat-twelid taʼ Ġesù, l-appostlu Mattew kiteb: “Dan kollu fil-fatt ġara biex iseħħ dak li ntqal minn Ġeħova permezz tal-profeta tiegħu: ‘Ara! Il-verġni toħroġ tqila u tiled iben.’” (Mattew 1:22, 23; Isaija 7:14) Isaija bassar ukoll li Kristu kellu jkun dixxendent taʼ David, billi semma speċifikament lil Ġesse, missier David. Tabilħaqq, Ġesù kien dixxendent dirett taʼ David! (Mattew 1:6, 16; Luqa 3:23, 31, 32) Għalhekk, qabel it-twelid taʼ Ġesù, l-anġlu Gabrijel qal lil Marija, omm Ġesù: “Alla Ġeħova jagħtih it-tron taʼ David missieru.”—Luqa 1:32, 33; Isaija 11:1-5, 10; Rumani 15:12.
Dettalji Dwar il-Ħajja tal-Messija. Fis-sinagoga taʼ Nazaret, meta kien adult, Ġesù qara jgħajjat mill-profezija taʼ Isaija, inkluż dan il-kliem: “L-ispirtu taʼ Ġeħova qiegħed fuqi, għax Hu dilikni biex inxandar aħbar tajba lill-foqra.” Ġesù applika l-profezija għalih innifsu, billi qal: “Illum twettqet din l-iskrittura li għadkom kemm smajtu.” (Luqa 4:17-21; Isaija 61:1, 2) Ukoll, Isaija bassar il-mod taʼ qalb tajba, ħlejju, u modest kif Ġesù kellu jittratta lil dawk li kellhom bżonn fejqan. Mattew kiteb: “Ħafna marru warajh, u hu fejjaqhom ilkoll, imma ordnalhom bis-sħiħ biex ma jxandruhx; biex jitwettaq dak li ntqal permezz tal-profeta Isaija . . . ‘Ma jargumenta bl-aħrax maʼ ħadd, ma jgħajjatx . . . Qasba mxaqqa ma jiksirhiex.’”—Mattew 8:16, 17; 12:10-21; Isaija 42:1-4; 53:4, 5.
Dettalji Dwar is-Sofferenza tal-Messija. Isaija pprofetizza li l-Messija ma kellux jiġi aċċettat mill-biċċa l-kbira taʼ Israel imma minflok kellu jsir “ġebla taʼ tfixkil” għalihom. (1 Pietru 2:6-8; Isaija 8:14, 15) U tabilħaqq, minkejja l-ħafna mirakli taʼ Ġesù, in-nies “ma kinux qed ipoġġu l-fidi fih, sabiex b’hekk twettqet il-kelma tal-profeta Isaija li qal: ‘Ġeħova, min poġġa l-fidi f’dak li nstemaʼ minna?’” (Ġwanni 12:37, 38; Isaija 53:1) Raġuni waħda għala l-Lhud ma poġġewx fidi fil-Messija hi li ħafna minnhom kienu jemmnu b’mod żbaljat li l-Messija kellu jeħles lill-ġens immedjatament mit-tmexxija Rumana u jirrestawra saltna Davidika indipendenti fuq l-art. Minħabba li Ġesù sofra u miet, ħafna Lhud ma setgħux jaċċettawh bħala l-Messija. Imma fil-fatt, Isaija kien bassar li l-Messija kellu jesperjenza sofferenza qabel isir Sultan.
Fil-ktieb taʼ Isaija, il-Messija profetikament qal: “Dahri tajtu lil dawk li sawtuni . . . Wiċċi ma ħbejtux minn affarijiet umiljanti u mill-bżieq.” Mattew kiteb dak li ġara lil Ġesù meta kien għaddej ġuri: “Beżqulu f’wiċċu u tawh bil-ponn. Oħrajn tawh daqqiet taʼ ħarta.” (Isaija 50:6; Mattew 26:67) “Ħalla lil min jaħqru; madankollu ma fetaħx fommu,” kiteb Isaija. Għalhekk, meta Pilatu staqsa lil Ġesù dwar l-akkużi tal-Lhud, Ġesu “ma wiġbux, le, lanqas kelma waħda, tant li l-gvernatur stagħġeb ferm.”—Isaija 53:7; Mattew 27:12-14; Atti 8:28, 32-35.
Dettalji Dwar il-Mewt tal-Messija. Il-profezija taʼ Isaija kompliet titwettaq fil-mewt taʼ Ġesù u saħansitra wara. Isaija bassar: “Il-post għad-dfin tiegħu jkun mal-ħżiena, u f’mewtu jkun mal-klassi taʼ l-għonja.” (Isaija 53:9) Kif tistaʼ din il-profezija li tidher kontradittorja tiġi mwettqa? Meta Ġesù miet, hu ġie msammar bejn żewg ħallelin. (Mattew 27:38) Imma wara, Ġużeppi, raġel għani minn Arimatija, poġġa l-ġisem taʼ Ġesù fil-qabar il-ġdid tiegħu mħaffer fil-blat. (Mattew 27:57-60) Fl-aħħar, il-mewt taʼ Ġesù wettqet wieħed mill-iktar elementi importanti tal-profezija taʼ Isaija. Meta tkellem dwar il-Messija, Isaija qal: “Il-ġust, il-qaddej tiegħi, se jġib qagħda ġusta lil ħafna nies; u l-iżbalji tagħhom iġorrhom hu.” Tabilħaqq, il-mewt taʼ Ġesù provdiet il-fidwa sabiex il-piż tad-dnub jistaʼ jitneħħa minn fuq in-nies leali kollha.—Isaija 53:8, 11; Rumani 4:25.
Profeziji li Żgur Se Jitwettqu
Sabiex jistabbilixxu Skritturalment l-identità tal-Messija, l-appostli u Ġesù nnifsu kkwotaw iktar spiss mill-profezija taʼ Isaija milli minn kull ktieb ieħor tal-Bibbja. Xorta waħda, il-ktieb taʼ Isaija ma kienx l-uniku ktieb li bassar il-futur. Ħafna profeziji oħrajn taʼ l-Iskrittura Ebrajka ġew imwettqin permezz taʼ Ġesù, tas-saltna tiegħu, u l-affarijiet tajbin li s-Saltna se twettaq fil-futur.a (Atti 28:23; Rivelazzjoni 19:10) Kemm hemm ċertezza li dawn il-profeziji se jiġu mwettqin? Ġesù qal lis-semmiegħa Lhud: “Taħsbux li ġejt biex neqred il-Liġi jew il-Profeti [jiġifieri, l-Iskrittura Ebrajka]. Ma ġejtx biex neqred imma biex inwettaq; għax tassew ngħidilkom li iktar jgħaddu malajr is-sema u l-art milli b’xi mod titneħħa mil-Liġi l-iċken ittra jew tikka minn ittra u ma jseħħx kollox.”—Mattew 5:17, 18.
Ġesù rrefera wkoll għat-twettiq taʼ profeziji tal-Bibbja fil-ġrajjiet li seħħew fi żmienu u fil-ġrajjiet li għad iridu jiġu. (Danjel 9:27; Mattew 15:7-9; 24:15) Iżjed minn hekk, Ġesù u d-dixxipli tiegħu stess bassru ġrajjiet li kellhom iseħħu wara żmienhom, inkluż ħafna li qed naraw iseħħu llum. L-artiklu li jmiss se jiddiskuti t-twettiq taʼ dawn il-profeziji tal-Bibbja u t’oħrajn li għad iridu jitwettqu fil-futur.
[Nota taʼ taħt]
a Għal iktar informazzjoni dwar il-profeziji li twettqu permezz taʼ Ġesù, ara l-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? paġna 200, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Stampa f’paġna 4]
“Il-verġni . . . tiled iben”
[Stampa f’paġna 5]
“Wiċċi ma ħbejtux minn affarijiet umiljanti”