Il-Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja
Punti Prinċipali mill-Ittri lil Titu, lil Filemon, u lill-Ebrej
XI FTIT taż-żmien wara li jinħeles mill-ewwel priġunerija tiegħu f’Ruma fis-sena 61 E.K., l-appostlu Pawlu jżur il-gżira taʼ Kreta. Billi jinnota l-kundizzjoni spiritwali tal-kongregazzjonijiet t’hemmhekk, hu jħalli lil Titu warajh sabiex isaħħaħhom. Iktar tard, x’aktarx mill-Maċedonja, Pawlu jikteb ittra lil Titu sabiex jiggwidah fid-dmirijiet tiegħu u biex juri li hu nnifsu, bħala appostlu, ta l-awtorità lil Titu biex jagħmel dan ix-xogħol.
Iktar kmieni, ftit qabel ma nħeles mill-ħabs fis-sena 61 E.K., Pawlu kiteb ittra lil Filemon, ħu Kristjan li kien jgħix f’Kolossi. F’din l-ittra hu jitlob favur persunali lil ħabib.
Madwar is-sena 61 E.K., Pawlu kiteb ukoll ittra lill-Kristjani Ebrej li kienu fil-Lhudija, li turi s-superjorità tal-Kristjanità fuq is-sistema Lhudija. It-tliet ittri fihom pariri imprezzabbli għalina.—Ebr. 4:12.
IBQAʼ F’SAĦĦTEK SPIRITWALMENT
Wara li jipprovdi gwida dwar kif għandhom isiru ‘l-ħatriet t’anzjani f’belt wara l-oħra,’ Pawlu jagħti parir lil Titu biex ‘ikompli jwiddeb bl-aħrax [lir-ribellużi], biex ikunu jistgħu jissaħħu fil-fidi.’ Hu jwissi lil dawk kollha fil-kongregazzjonijiet taʼ Kreta biex ‘iwarrbu dak kollu li hu kontra r-rieda t’Alla u jgħixu b’moħħ f’loku.’—Titu 1:5, 10-13; 2:12.
Pawlu jagħti iktar pariri sabiex jgħin lill-aħwa fi Kreta ħalli jibqgħu f’saħħithom spiritwalment. Hu jagħti istruzzjonijiet lil Titu biex ‘jaħrab il-kwistjonijiet bla sens u t-tilwim fuq il-Liġi.’—Titu 3:9.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
1:15—Kif jistaʼ “kollox” ikun “nadif għal min hu nadif,” imma mhux nadif “għal dawk li huma mniġġsin u bla fidi”? Sabiex inkunu nafu t-tweġiba rridu nifhmu dak li Pawlu ried ifisser bil-kelma “kollox.” Hu ma kienx qed jitkellem fuq affarijiet li huma kundannati direttament fil-Kelma miktuba t’Alla, imma fuq kwistjonijiet li aduratur jistaʼ jiddeċiedi dwarhom skond il-kuxjenza tiegħu. Għal individwu li l-ħsieb tiegħu huwa fi qbil mal-livelli t’Alla, kwistjonijiet bħal dawn huma nodfa. Għal xi ħadd li l-ħsieb tiegħu huwa mgħawweġ u li l-kuxjenza tiegħu hija mniġġsa huma l-kontra.a
3:5—Kristjani midlukin kif jiġu ‘salvati permezz tal-ħasil’ u ‘jiġġeddu bl-ispirtu qaddis’? Huma jiġu ‘salvati permezz tal-ħasil’ fis-sens li Alla jaħsilhom, jew inaddafhom, bid-demm taʼ Ġesù fuq il-mertu tas-sagrifiċċju tal-fidwa. Huma ‘jiġġeddu bl-ispirtu qaddis’ minħabba li jsiru “ħolqien ġdid” bħala wlied Alla mnisslin mill-ispirtu.—2 Kor. 5:17.
Lezzjonijiet Għalina:
1:10-13; 2:15. L-indokraturi Kristjani għandhom juru kuraġġ meta jiġu biex jikkoreġu dak li hu ħażin fil-kongregazzjoni.
2:3-5. Bħal fl-ewwel seklu, illum aħwa nisa Kristjani maturi jridu “juru l-biżaʼ t’Alla fl-imġiba tagħhom, ma jimmalafamawx, ma jkunux ilsiera taʼ ħafna nbid, imma jkunu għalliema taʼ dak li hu tajjeb.” B’dan il-mod, huma jistgħu jgħallmu b’mod effettiv fil-privat “lin-nisa żgħażagħ” li hemm fil-kongregazzjoni.
3:8, 14. Huwa “tajjeb u taʼ ġid” meta ‘nikkonċentraw fuq li nagħmlu għemejjel tajbin’ għax dan jgħinna nagħmlu l-frott fis-servizz t’Alla u jżommna separati mid-dinja mill-agħar.
ĦEĠĠEĠ “F’ĠIEĦ L-IMĦABBA”
Filemon jiġi mfaħħar talli huwa eżempju taʼ ‘fidi u mħabba.’ Minħabba li kien sors taʼ inkuraġġiment għal sħabu l-Kristjani, Pawlu ‘feraħ u tfarraġ ħafna.’—Flm. 4, 5, 7.
Billi jagħti eżempju għall-indokraturi kollha, Pawlu jittratta l-kwistjoni sensittiva dwar Oneżimu billi jħeġġeġ “f’ġieħ l-imħabba” u mhux jordna. Hu jgħid lil Filemon: “Qed niktiblek għax jien fiduċjuż li se tilqaʼ t-talba tiegħi u naf li se tagħmel saħansitra iktar minn dak li qed ngħidlek.”—Flm. 8, 9, 21.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
10, 11, 18—Oneżimu, li qabel “ma kienx utli,” kif sar “utli”? Oneżimu kien ilsir li ma kienx lest li jaħdem u ħarab mid-dar taʼ Filemon f’Kolossi u telaq lejn Ruma. Wisq probabbli, Oneżimu wkoll seraq mingħand sidu sabiex ikun jistaʼ jħallas il-vjaġġ li kien twil 1,400 kilometru. Tabilħaqq, hu ma kienx utli għal Filemon. Iżda, f’Ruma, Oneżimu ġie megħjun minn Pawlu u sar Kristjan. Issa li kien sar ħu spiritwali, dan il-bniedem li qabel “ma kienx utli” bħala lsir sar “utli.”
15, 16—Pawlu għala ma talabx lil Filemon biex jeħles lil Oneżimu? Pawlu xtaq li jżomm biss maʼ l-inkarigu li “jippriedka s-saltna t’Alla u jgħallem fuq il-Mulej Ġesù Kristu.” Għalhekk, hu għażel li ma jinvolvix ruħu fi kwistjonijiet soċjali, bħal dawk li kienu jikkonċernaw il-jasar.—Atti 28:31.
Lezzjonijiet Għalina:
2. Filemon għamel id-dar tiegħu disponibbli għal-laqgħat Kristjani. Huwa privileġġ li jkollna laqgħa għas-servizz taʼ l-għalqa fid-dar tagħna.—Rum. 16:5; Kol. 4:15.
4-7. Għandna nieħdu l-inizjattiva biex infaħħru lil sħabna fit-twemmin li huma eżemplari fil-fidi u fl-imħabba.
15, 16. M’għandniex inħallu ġrajjiet diżappuntanti f’ħajjitna jġegħluna nkunu ansjużi żżejjed. Ir-riżultati jistgħu jkunu taʼ benefiċċju, bħalma ġara fil-każ t’Oneżimu.
21. Pawlu stenna li Filemon jaħfirlu lil Oneżimu. Aħna bl-istess mod mistennijin naħfru lil ħuna li forsi jkun offendiena.—Mt. 6:14.
‘IRSISTI LEJN IL-MATURITÀ’
Sabiex juri li l-fidi fis-sagrifiċċju taʼ Ġesù hija superjuri għall-għemejjel tal-Liġi, Pawlu jiġbed l-attenzjoni lejn kemm hu ferm aqwa l-Fundatur tal-Kristjanità, is-saċerdozju tiegħu, is-sagrifiċċju tiegħu, u l-patt il-ġdid. (Ebr. 3:1-3; 7:1-3, 22; 8:6; 9:11-14, 25, 26) Dan l-għarfien żgur li għen lill-Kristjani Ebrej biex jiffaċċjaw il-persekuzzjoni li batew taħt idejn il-Lhud. Pawlu jħeġġeġ lill-Ebrej li kienu sħabu fit-twemmin sabiex ‘jirsistu lejn il-maturità.’—Ebr. 6:1.
Kemm hi importanti l-fidi għal Kristjan? Pawlu jikteb li “mingħajr fidi impossibbli li togħġbu sew” lil Alla. Hu jinkuraġġixxi lill-Ebrej: “Ħa niġru bis-sabar it-tiġrija li tqiegħdet quddiemna,” u nagħmlu dan bil-fidi.—Ebr. 11:6; 12:1.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
2:14, 15—Jindika l-fatt li Satana “jistaʼ jikkaġuna l-mewt” li hu jistaʼ jikkaġuna l-mewt prematura taʼ min irid hu? Le, ma jindikax hekk. Madankollu, minn mindu beda fit-triq il-ħażina li qabad fl-Għeden, il-gideb tiegħu kkaġuna l-mewt minħabba li Adam dineb u għadda d-dnub u l-mewt lill-familja umana. (Rum. 5:12) Iktar minn hekk, l-aġenti li Satana għandu fuq l-art ippersegwitaw lill-qaddejja t’Alla sal-mewt, saħansitra bħalma għamlu lil Ġesù. Imma dan ma jfissirx li l-qawwa taʼ Satana hi bla limiti biex joqtol lil kulmin irid hu. Kieku kien hekk, hu żgur li qered għalkollox lill-aduraturi taʼ Ġeħova żmien twil ilu. Ġeħova jipproteġi lill-poplu tiegħu bħala grupp u ma jħallix lil Satana jeqridhom kompletament. Anki jekk Alla jippermetti li xi wħud minna jmutu minħabba l-attakki taʼ Satana, nistgħu nkunu fiduċjużi li Alla se jneħħi kwalunkwe ħsara li tkun saritilna.
4:9-11—Kif nistgħu ‘nidħlu fil-mistrieħ’ t’Alla? Fl-aħħar tas-sitt ijiem tal-ħolqien, Alla straħ mix-xogħlijiet tiegħu taʼ ħolqien, u kien fiduċjuż li l-iskop tiegħu għall-art u għall-umanità kien se jitwettaq. (Ġen. 1:28; 2:2, 3) Aħna “nidħlu f’dak il-mistrieħ” billi nieqfu milli nagħmlu għemejjel li bihom niġġustifikaw lilna nfusna u billi naċċettaw il-provvediment li għamel Alla għas-salvazzjoni tagħna. Meta neżerċitaw fidi f’Ġeħova u b’ubbidjenza nsegwu lil Ibnu minflok ma niġru wara interessi egoistiċi, ingawdu barkiet rifreskanti u taʼ serħan kuljum.—Mt. 11:28-30.
9:16—Min hu l-‘bniedem li għamel’ il-patt il-ġdid? Ġeħova huwa l-Oriġinatur tal-patt il-ġdid, filwaqt li Ġesù hu l-‘bniedem li għamlu.’ Ġesù hu l-Medjatur taʼ dan il-patt, u bil-mewt tiegħu pprovda s-sagrifiċċju li kien hemm bżonn biex dan il-patt isir validu.—Lq. 22:20; Ebr. 9:15.
11:10, 13-16—Abraham liema “belt” kien qed jistenna? Din ma kinitx belt letterali imma waħda simbolika. Abraham kien qed jistenna lil “Ġerusalemm tas-sema,” magħmula minn Kristu Ġesù u l-144,000 ħakkiem bi sħab miegħu. Dawn il-ħakkiema bi sħab fil-glorja tagħhom tas-sema huma msejħin ukoll “belt qaddisa, Ġerusalemm il-Ġdida.” (Ebr. 12:22; Riv. 14:1; 21:2) Abraham kien qed iħares ’il quddiem għal ħajja taħt il-ħakma tas-Saltna t’Alla.
12:2—X’kien il-‘ferħ li tqiegħed quddiem’ Ġesù li għalih “issaporta z-zokk tat-tortura”? Kien il-ferħ li jara dak li setaʼ jitwettaq permezz tal-ministeru tiegħu—inkluż it-taqdis taʼ isem Ġeħova, l-ivvindikar tas-sovranità t’Alla, u l-fidwa tal-familja umana mill-mewt. Ġesù ħares ’il quddiem ukoll għall-premju taʼ li jaħkem bħala Sultan u jaqdi bħala Qassis il-Kbir għall-benefiċċju taʼ l-umanità.
13:20—Il-patt il-ġdid għala jingħad li hu “taʼ dejjem”? Għal tliet raġunijiet: (1) Qatt ma se jiġi mibdul maʼ xi patt ieħor, (2) ir-riżultati tiegħu huma permanenti, u (3) in-“nagħaġ oħrajn” se jibqgħu jibbenefikaw mill-arranġament tal-patt il-ġdid wara Armageddon.—Ġw. 10:16.
Lezzjonijiet Għalina:
5:14. Għandna nkunu studenti diliġenti tal-Kelma t’Alla, il-Bibbja, u napplikaw dak li nitgħallmu minnha. M’hemmx mod ieħor kif jistaʼ jkollna ‘s-sensi tagħna mħarrġin biex nagħrfu nagħżlu kemm it-tajjeb u kemm il-ħażin.’—1 Kor. 2:10.
6:17-19. Jekk it-tama tagħna tkun ibbażata fis-sod fuq il-wegħdi t’Alla u l-ħalfa tiegħu se niġu megħjunin biex ma niżvijawx mit-triq tal-verità.
12:3, 4. Minflok ma ‘negħjew u nċedu f’ruħna’ minħabba provi żgħar jew oppożizzjoni li għandna mnejn niffaċċjaw, għandna nimxu ’l quddiem lejn il-maturità u ntejbu l-abbiltà tagħna biex nissaportu l-provi. Għandna nkunu determinati li nirreżistu “sad-demm,” jiġifieri, sal-mewt.—Ebr. 10:36-39.
12:13-15. M’għandniex inħallu “għerq velenuż,” jew lil xi ħadd fil-kongregazzjoni li jikkritika l-mod kif isiru l-affarijiet, iżommna milli ‘nibqgħu niddrittaw il-mogħdijiet għal saqajna.’
12:26-28. “L-affarijiet li ntgħamlu” minn xi ħadd ieħor u mhux minn Alla—is-sistema dinjija preżenti kollha kemm hi, inkluż is-“sema” mill-agħar—se jitheżżu u ma jibqgħux jeżistu. Meta dan iseħħ, huma biss “l-affarijiet li mhux qed jitheżżu,” jiġifieri, is-Saltna u dawk li jappoġġawha, li se jibqgħu. Kemm huwa vitali li nipproklamaw biż-żelu s-Saltna u ngħixu fi qbil mal-prinċipji tagħha!
13:7, 17. Jekk inżommu f’moħħna din it-twissija biex inkunu ubbidjenti u sottomessi lejn l-indokraturi fil-kongregazzjonijiet se niġu megħjunin biex nuru spirtu taʼ kooperazzjoni.
[Nota taʼ taħt]
a Ara It-Torri taʼ l-Għassa, 15 t’Ottubru, 2007, paġni 26-27.