“L-Għanja tal-Baħar”—Manuskritt li Jimla Vojt fl-Istorja
FIT-22 taʼ Mejju, 2007, framment taʼ romblu Ebrajk mis-seklu sebgħa jew tmienja E.K. nħareġ għall-wiri fl-Israel Museum f’Ġerusalemm. Dan huwa manuskritt t’Eżodu 13:19–16:1. Jinkludi dik li hija magħrufa bħala “l-Għanja tal-Baħar”—l-għanja tar-rebħa li l-Israelin għannew wara li nħelsu b’mod mirakoluż fil-Baħar l-Aħmar. Is-sejba taʼ dan il-framment tar-romblu għala hija sinifikanti?
It-tweġiba għandha x’taqsam mad-data tal-manuskritt. Ir-Rombli tal-Baħar il-Mejjet inkitbu bejn it-tielet seklu Q.E.K. u l-ewwel seklu E.K. Qabel ma nstabu dawn, madwar 60 sena ilu, l-eqdem manuskritt Ebrajk kien il-Kodiċi t’Aleppu li jmur lura sas-sena 930 E.K. B’eċċezzjoni għal ftit frammenti, l-ebda manuskritt Ebrajk ieħor ma nstab bid-data taʼ matul dawk il-mijiet taʼ snin taʼ bejniethom.
“Il-manuskritt taʼ l-Għanja tal-Baħar,” jgħid James S. Snyder, direttur taʼ l-Israel Museum, “jimla l-vojt fil-perijodu taʼ l-istorja taʼ bejn ir-Rombli tal-Baħar il-Mejjet . . . u l-Kodiċi t’Aleppu.” Skond hu, dan il-manuskritt flimkien maʼ testi Bibliċi antiki oħrajn huwa eżempju uniku taʼ kif test jiġi preservat mingħajr ma jinbidel.
Jingħad li l-framment tar-romblu huwa wieħed mill-ħafna manuskritti li ġew skoperti lejn l-aħħar tas-seklu 19 f’sinagoga fil-Kajr, l-Eġittu. Madankollu, kollettur privat tal-manuskritti Ebrajċi ma kienx konxju tas-sinifikat tiegħu sakemm ikkonsulta maʼ bniedem professjonali fl-aħħar tas-snin 70. Dak iż-żmien, il-framment ġie eżaminat permezz tal-karbonju u mbagħad inżamm f’arkivju sakemm inħareġ għall-wiri fl-Israel Museum.
Meta jikkummenta fuq kemm hu rilevanti l-framment tar-romblu, Adolfo Roitman, prinċipal tax-Shrine of the Book, l-Israel Museum, u kuratur tar-Rombli tal-Baħar il-Mejjet, jgħid: “Il-manuskritt l-Għanja tal-Baħar juri l-fedeltà tremenda li biha ġiet trasmessa l-verżjoni Masoretika tal-Bibbja matul is-sekli. Huwa inkredibbli kif l-istil distint taʼ l-Għanja tal-Baħar huwa l-istess illum bħalma kien mis-7 sat-8 seklu.”
Il-Bibbja hija l-Kelma ispirata t’Alla, u Ġeħova huwa primarjament responsabbli għall-preservazzjoni tagħha. Iktar minn hekk, l-Iskrittura ġiet ikkopjata b’reqqa kbira mill-iskribi. Għalhekk, it-test Bibliku li nużaw illum huwa bla dubju taʼ min joqgħod fuqu.
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 32]
Bil-korteżija taʼ l-Israel Museum, Ġerusalemm