LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w10 4/1 pp. 8-10
  • Dak li Ġesù Għallem Dwar is-Saltna t’Alla

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Dak li Ġesù Għallem Dwar is-Saltna t’Alla
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Materjal Simili
  • X’Inhi S-Saltna T’Alla?
    Alla X’Jirrikjedi Minna?
  • Dwar is-Saltna t’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • X’Inhi s-​Saltna t’Alla?
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • Is-Saltna t’Alla Taħkem
    Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
w10 4/1 pp. 8-10

Dak li Ġesù Għallem Dwar is-​Saltna t’Alla

“Beda jivvjaġġa minn belt għal belt u minn raħal għal raħal, jippriedka . . . l-​aħbar tajba tas-​saltna t’Alla.”—LUQA 8:1.

AĦNA nieħdu pjaċir nitkellmu dwar affarijiet li huma importanti għalina, affarijiet li huma għal qalbna. Bħalma qal Ġesù nnifsu, “mill-​abbundanza tal-​qalb jitkellem il-​fomm.” (Mattew 12:34) Meta nikkunsidraw l-​affarijiet li Ġesù tkellem dwarhom matul il-​ministeru tiegħu, nistgħu nikkonkludu li s-​Saltna t’Alla kienet għal qalbu ħafna.

X’inhi s-​Saltna t’Alla? Saltna hi gvern immexxi minn sultan. Għalhekk, is-​Saltna t’Alla hi gvern stabbilit minn Alla. Ġesù tkellem b’mod estensiv dwar is-​Saltna t’Alla, billi għamilha t-​tema tal-​messaġġ tiegħu. Hemm iktar minn 110 referenzi għal din is-​Saltna fl-​erbaʼ Evanġelji. Imma Ġesù m’għallimx bil-​kliem biss. L-​azzjonijiet tiegħu wkoll għallmu ħafna dwar is-​Saltna t’Alla u dwar x’se tagħmel.

Min hu s-​Sultan? Is-​Sultan tas-​Saltna t’Alla mhuwiex elett fil-​kariga minn votanti umani. Minflok, dan il-​Ħakkiem hu magħżul minn Alla nnifsu. Fit-​tagħlim tiegħu, Ġesù rrivela li hu l-​wieħed magħżul minn Alla biex ikun Sultan.

Ġesù kien jaf li l-​profeziji tal-​Bibbja kienu bassru li l-​Messija mwiegħed kien se jaħkem fuq Saltna li ma tispiċċa qatt. (2 Samwel 7:12-​14; Danjel 7:13, 14; Mattew 26:63, 64) Ftakar li Ġesù fil-​beraħ iddikjara li hu nnifsu hu l-​Messija mbassar. B’hekk, Ġesù kien qed jistqarr li hu s-​Sultan maħtur minn Alla. (Ġwanni 4:25, 26) B’mod xieraq, Ġesù diversi drabi uża l-​espressjoni “s-​saltna tiegħi.”—Ġwanni 18:36.

Ġesù għallem ukoll li kien se jkun hemm oħrajn li se jaħkmu miegħu fis-​Saltna. (Luqa 22:28-​30) Hu sejjaħ lil dawk li se jaħkmu miegħu “merħla żgħira,” għax l-​għadd tagħhom kellu jkun limitat. Hu qal dwarhom: “Missierkom approva li jagħtikom is-​saltna.” (Luqa 12:32) L-​aħħar ktieb tal-​Bibbja juri li b’kollox se jkun hemm 144,000 persuna li se jkollhom il-​privileġġ li jaħkmu maʼ Kristu.—Rivelazzjoni 5:9, 10; 14:1.

Fejn tinstab is-​Saltna? “Is-​saltna tiegħi mhix parti minn din id-​dinja,” qal Ġesù lill-​ħakkiem Ruman Ponzju Pilatu. (Ġwanni 18:36) Is-​Saltna t’Alla taħt Kristu mhux se taħkem permezz taʼ aġenziji umani. Ġesù kemm-​il darba rrefera għas-​Saltna t’Alla bħala “s-​saltna tas-​smewwiet.”a (Mattew 4:17; 5:3, 10, 19, 20) Għalhekk, is-​Saltna t’Alla hi gvern fis-​sema.

Ġesù kien konvint għall-​aħħar li kien se jirritorna fis-​sema wara ż-​żmien li qattaʼ fuq l-​art. Hu qal li hemmhekk kien se ‘jħejji post,’ billi jiftaħ it-​triq biex il-​ħakkiema sħabu jingħaqdu miegħu.—Ġwanni 14:2, 3.

Xi twettaq is-​Saltna? Ġesù għallem lis-​semmiegħa tiegħu biex jitolbu lil Alla: “Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-​sema, ukoll fuq l-​art.” (Mattew 6:9, 10) Ir-​rieda t’Alla qed issir fis-​sema. Is-​Saltna hi l-​mezz li bih se jseħħ l-​iskop t’Alla għall-​art. Biex twettaq dan, is-​Saltna se tagħmel bidliet drammatiċi fuq din l-​art.

X’se tagħmel is-​Saltna fuq l-​art? Ġesù għallem li s-​Saltna t’Alla se telimina l-​ħażen billi tneħħi lil dawk li huma determinati li jipprattikaw dak li hu mill-​agħar. (Mattew 25:31-​34, 46) Dan ifisser it-​tmiem għal kwalunkwe forma taʼ korruzzjoni u ħażen. Ġesù għallem li l-​art se tkun mimlija nies li huma “ġwejdin,” ġusti, iħennu, “qalbhom safja,” u paċifiċi.—Mattew 5:5-​9.

Se jkollhom dawn l-​uħud leali jgħixu fi pjaneta li hi mniġġsa? Żgur li le! Ġesù wiegħed li l-​art se tesperjenza bidliet meraviljużi taħt is-​Saltna t’Alla. Raġel li kien se jiġi maqtul maġenb Ġesù qal: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-​saltna tiegħek.” Bi tweġiba, Ġesù qallu: “Tassew ngħidlek illum, Int tkun fil-​Ġenna miegħi.” (Luqa 23:42, 43) Iva, is-​Saltna t’Alla se tittrasforma din l-​art f’ġenna globali—simili għal dik li kienet teżisti fil-​ġnien tal-​Għeden.

X’se tagħmel iktar is-​Saltna għall-​umanità? Ġesù mhux biss wiegħed x’se tagħmel is-​Saltna t’Alla. Hu wkoll wera x’se tagħmel. Ġesù għamel ħafna mirakli taʼ fejqan, u b’hekk wera fuq skala żgħira dak li se jagħmel fuq skala ferm akbar fil-​futur matul il-​ħakma tiegħu tas-​Saltna. L-​Evanġelju ispirat jgħid dwar Ġesù: “Mar idur il-​Galilija kollha, jgħallem fis-​sinagogi tagħhom u jippriedka l-​aħbar tajba tas-​saltna u jfejjaq kull xorta taʼ mard u kull xorta taʼ nuqqas taʼ saħħa fost in-​nies.”—Mattew 4:23.

Ġesù fejjaq varjetà kbira taʼ mard. Hu “fetaħ għajnejn wieħed imwieled agħma.” (Ġwanni 9:1-​7, 32, 33) Billi messu b’mod ġentili, Ġesù fejjaq raġel li kien milqut bil-​marda kerha tal-​ġdiem. (Marku 1:40-​42) Meta nġieb quddiemu “raġel trux u mbikkem,” Ġesù wera li setaʼ jġib “lit-​torox . . . jisimgħu u lill-​muti jitkellmu.”—Marku 7:31-​37.

Lanqas il-​mewt infisha ma setgħet twaqqaf l-​id tas-​Sultan maħtur t’Alla. Fi tliet okkażjonijiet li tniżżlu bil-​miktub, Ġesù radd lura l-​ħajja lill-​mejtin. Hu rxoxta lill-​uniku iben taʼ waħda armla, tifla taʼ 12-​il sena, u lill-​għażiż ħabib tiegħu Lazzru.—Luqa 7:11-​15; 8:41-​55; Ġwanni 11:38-​44.

Meta ddeskriva l-​futur meraviljuż li hemm lest għas-​sudditi tas-​Saltna t’Alla, Ġesù bassar permezz tal-​appostlu Ġwanni: “Ara! It-​tinda t’Alla hi mal-​bnedmin, u hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l-​popli tiegħu. U Alla stess ikun magħhom. U jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-​affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.” (Rivelazzjoni 1:1; 21:3, 4) Immaġina ftit—dinja mingħajr dmugħ taʼ niket, uġigħ, u mewt! Imbagħad it-​talba biex ir-​rieda t’Alla ssir fuq l-​art kif inhi fis-​sema se titwettaq bis-​sħiħ.

Meta se tiġi s-​Saltna t’Alla? Ġesù għallem li l-​bidu tar-​renju tiegħu bħala sultan kien se jikkorrispondi maʼ perijodu taʼ żmien speċjali li hu sejjaħlu l-​“preżenza” tiegħu. Ġesù ta profezija dettaljata biex jindika meta kellha tibda l-​preżenza tiegħu fil-​poter bħala sultan. Dan il-​perijodu taʼ żmien kien se jiġi mmarkat minn inkwiet globali, inkluż gwerer, ġuħ, terremoti, mard li jittieħed, u żjieda fil-​ħażen. (Mattew 24:3, 7-​12; Luqa 21:10, 11) Dawn u l-​ħafna aspetti oħrajn imbassrin minn Ġesù saru partikolarment evidenti mis-​sena 1914 ’l hawn, is-​sena li fiha faqqgħet l-​Ewwel Gwerra Dinjija. Għalhekk, Ġesù issa qed jaħkem bħala Sultan. Dalwaqt se jiġi ż-​żmien meta s-​Saltna se tiġi u tagħmel ir-​rieda t’Alla fuq l-​art.b

X’se tkun tfisser għalik personalment il-​miġja tas-​Saltna t’Alla? Dan kollu jiddependi minn kif tagħżel li twieġeb għall-​messaġġ taʼ Ġesù.

[Noti taʼ taħt]

a L-​espressjoni “s-​saltna tas-​smewwiet” tidher xi 30 darba fl-​Evanġelju taʼ Mattew.

b Għal diskussjoni dettaljata dwar kif nafu li l-​miġja tas-​Saltna t’Alla hi qrib, ara kapitlu 9, “Qegħdin Ngħixu fl-​‘Aħħar Jiem’?,” tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja